Ħaddiema teenagers
Limiti tal-età
Ma tistax timpjega żgħażagħ taħt l-età ta’ 15-il sena. Il-limitu tal-età jista’ jkun ogħla f’pajjiżi tal-UE fejn it-tagħlim obbligatorju full-time fi skola jkompli wara l-età ta’ 15-il sena.
Madankollu, tista’ tħaddem tfal b’anqas minn 15-il sena f’attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew pubbliċitarji, jekk tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.
Tista’ tħaddem tfal bejn l-14 u l-15-il sena bħala parti minn skema ta’ xogħol/taħriġ jew skema ta’ esperjenza tax-xogħol. Tfal li għandhom tal-anqas 14-il sena (f’ċerti każijiet 13-il sena) jistgħu wkoll iwettqu xogħol ħafif.
Riskji, sikurezza u saħħa fuq ix-xogħol
Bħala impjegatur, għandek tieħu l-miżuri neċessarji biex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza taż-żgħażagħ u tiżgura li huma implimentati abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji tax-xogħol tagħhom. Dan għandu jitwettaq qabel ma ż-żgħażagħ jibdew jaħdmu miegħek.
Ma tistax timpjega żgħażagħ għal dawn it-tipi ta’ xogħol:
- xogħol li hu lil hinn mill-kapaċità fiżika jew psikoloġika tagħhom
- xogħol li jinvolvi esponiment għal prodotti li jikkawżaw ħsara għas-saħħa, bħall-kimiki u r-radjazzjoni perikolużi
- xogħol li fih ir-riskju ta’ aċċidenti hu kkunsidrat għoli u li ż-żgħażagħ għandu mnejn mhumiex konxji minnu jew jevitawh għax m'għandhomx attenzjoni suffiċjenti għas-sikurezza jew għandhom nuqqas ta’ esperjenza jew taħriġ.
- xogħol li fih jeżisti riskju għas-saħħa minħabba kesħa, sħana, storbju jew vibrazzjonijiet estremi
- xogħol li jinvolvi proċessi ta’ riskju (splużjonijiet, sustanzi tossiċi, perikli ta’ elettriku b’voltaġġ għoli eċċ.)
Xi pajjiżi tal-UE jippermettu lil min iħaddem biex jimpjega ħaddiema żgħażagħ jekk l-impjiegi jeħtieġu li jitwettqu bħala parti mit-taħriġ vokazzjonali tagħhom. Bħala persuna li timpjega lil ħaddieħor, għandek tiżgura li persuna kompetenti tissorvelja x-xogħol tagħhom biex jiġi żgurat li jġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tagħhom.
Għandek tinforma l-ħaddiema tiegħek dwar ir-riskji possibbli tal-impjieg tagħhom u jiġu adottati l-miżuri kollha li jikkonċernaw is-sikurezza tagħhom u saħħithom. Jekk ħaddiema żgħażagħ għandhom anqas minn 15-il sena, għandek tinforma lir-rappreżentant legali tagħhom.
Jekk il-valutazzjoni tal-perikli għaż-żgħażagħ b’konnessjoni ma’ xogħolhom turi riskju għas-sikurezza, is-saħħa fiżika jew mentali jew l-iżvilupp tagħhom, għandek toffrilhom valutazzjoni adatta bla ħlas tas-saħħa u tal-kapaċità qabel ma jibdew xogħolhom.
Regoli ġenerali dwar il-mistrieħ annwali u waqfiet
Meta tħaddem żgħażagħ, għandek tiggarantilhom waqfiet tal-anqas ta’ 30 minuta jekk jaħdmu aktar minn 4.5 sigħat.
Jekk it-tfal jattendu l-iskola obbligatorja full-time, għandek tiżgura li jkollhom perjodu ħieles minn kwalunkwe xogħol inkluż fil-vaganzi tal-iskola (kif ipprovdut fir-regoli nazzjonali applikabbli).
Ħin tax-xogħol, xogħol billejl u perjodu ta’ mistrieħ għal tfal b’anqas minn 15-il sena
Għandek issegwi regoli stretti meta timpjega t-tfal taħt l-età ta’ 15-il sena; dawn ivarjaw skont it-tip ta’ skema ta’ xogħol/taħriġ imwettaq.
Il-ħinijiet massimi ta’ xogħol huma:
- 8 sigħat kuljum u 40 siegħa fil-ġimgħa għal skema ta’ xogħol/taħriġ ikkombinata jew għal skema ta’ esperjenza ta’ xogħol fil-post
- sagħtejn f’ġurnata ta’ skola u 12-il siegħa fil-ġimgħa (jekk awtorizzat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali) għal xogħol imwettaq fiż-żmien tat-term lil hinn mill-ħinijiet fissi tal-iskola
- 7 sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa għal perjodu tal-anqas ta’ ġimgħa waħda meta tingħalaq l-iskola. Jekk it-tfal għandhom 15-il sena jew huma akbar, jistgħu jaħdmu sa mimimu ta’ 8 sigħat
- 7 sigħat kuljum u 35 siegħa fil-ġimgħa għal xogħol ħafif imwettaq minn tfal li m’għadhomx soġġetti għal tagħlim obbligatorju full-time fi skola skont il-liġijiet nazzjonali
Twissija
Ma tistax timpjega tfal li għandhom anqas minn 15-il sena biex jaħdmu bejn it-8 pm u s-6 am.
Għal kull 24 siegħa għandek tiggarantixxi perjodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 14-il siegħa konsekuttiva u minimu ta’ jumejn mistrieħ għal kull perjodu ta’ 7 ijiem (konsekuttivi, jekk possibbli).
Ħin tax-xogħol, xogħol billejl u perjodu ta’ mistrieħ għal żgħażagħ bejn 15 u 18-il sena
Jekk tħaddem żgħażagħ bejn 15 u 18-il sena li skont il-liġi nazzjonali mhumiex aktar soġġetti għal edukazzjoni obbligatorja full-time, huma jistgħu jaħdmu sa 8 sigħat kuljum u sa 40 siegħa fil-ġimgħa.
Impjegati teenagers ma jistgħux jaħdmu bejn l-10 pm u s-6 am jew bejn il-11 pm u s-7 am. Xi pajjiżi tal-UE jippermettu derogi għal dawn il-limiti taħt kundizzjonijiet eċċezzjonali relatati man-natura tax-xogħol (is-setturi tat-tbaħħir jew tas-sajd, il-forzi armati jew il-pulizija, l-isptarijiet jew stabbilimenti simili, l-attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew ta’ reklamar).
Għal kull 24 siegħa għandek tiggarantixxi perjodu minimu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa konsekuttiva u minimu ta’ jumejn għal kull perjodu ta’ 7 ijiem (konsekuttivi, jekk possibbli).
Jekk derogi nazzjonali jippermettu dan, għandu mnejn ma jkollokx għalfejn tagħti dawn il-perjodi ta’ mistrieħ lill-impjegati żgħażagħ tiegħek fis-setturi li ġejjin:
- is-settur tan-navigazzjoni jew is-sajd
- il-forzi armati jew il-pulizija
- l-isptarijiet jew stabbilimenti simili
- l-agrikultura
- l-industrija tat-turiżmu jew is-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-kafetteriji
Jekk tħaddem żgħażagħ li xogħolhom hu maqsum matul il-ġurnata, derogi għall-perjodi minimi ta’ mistrieħ għandu mnejn ikunu wkoll possibbli.
Akkwista l-aċċess għall-informazzjoni nazzjonali hawn taħt: