Emerġenzi
112: in-numru uniku Ewropew għal sejħiet ta' emerġenza
Il-112 hu n-numru ta’ emerġenza Ewropew u jista' jintuża bla ħlas minn telefown fiss jew mobile fl-UE kollha. Dan għandu jqabbdek direttament mas-servizzi tal-emerġenza – il-pulizija, l-ambulanzi, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar.
F’xi pajjiżi tal-UE, in-numri nazzjonali ta’ emerġenza għadhom jintużaw flimkien mal-112. Iżda l-112 hu l-uniku numru li tista’ tuża biex taċċessa s-servizzi ta’ emerġenza fil-pajjiżi kollha tal-UE u f’ħafna pajjiżi oħrajn fl-Ewropa u madwar id-dinja.
Storja bħala eżempju
Evitar ta’ diżastru
Ftit wara li mar jgħix Pariġi biex jistudja, Anasthassios mill-Greċja kellu xi nar fl-appartament tiegħu. Ma kienx jaf in-numru Franċiż tas-servizzi tal-emerġenza, iżda hu ftakar li seta' juża l-112 bħala n-numru tal-emerġenza fi Franza, l-istess bħall-Greċja, pajjiżu, jew kullimkien fl-UE. Hu ċempel in-numru 112 u qabad direttament mas-servizzi ta’ emerġenza ta’ Pariġi, li minnufih bagħtu ħaddiema tat-tifi tan-nar lejn l-appartament tiegħu.
Kura medika għall-emerġenzi
Meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE, ftakar biex tieħu miegħek il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC). Jekk ikun jeħtieġlek kura medika ta' emerġenza, il-karta EHIC tissimplifika l-mili tal-karti u tgħinek tingħata rimborż għal kwalunkwe spejjeż għal kura tas-saħħa pubblika.
116 000: il-hotline għat-tfal rappurtati neqsin
Jekk it-tifel jew tifla tiegħek jonqsu milli jirritornaw lura d-dar, kemm f'pajjiżek jew f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' ċċempel 116 000, il-hotline għat-tfal rappurtati neqsin. F’konformità mar-regoli tal-UE, il-hotline 116 000 hu disponibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Tista' tuża l-hotline biex tirrapporta tifel jew tifla neqsin; din tipprovdi wkoll gwida u appoġġ lill-familji ta’ tfal neqsin.
Storja bħala eżempju
Kif tirrapporta tifel jew tifla nieqsa
Waqt btala fi Franza, Andreas u Kirsten, koppja mill-Ġermanja kienu mitlufin ma jafux x'se jaqbdu jagħmlu meta binthom ma ġietx lura d-dar wara ġita. Xi ftit tas-sigħat wara kienu għadhom ma sabuhiex. Irrappurtaw il-każ lill-pulizija iżda ftakru wkoll in-numru disponibbli fil-Ġermanja biex jiġu rrappurtati każijiet ta' tfal neqsin. Billi kienu jafu li l-hotline 116 000 jaħdem fi Franza wkoll, ċemplu n-numru u ngħataw parir dwar kif kellhom isolvu l-każ tagħhom mal-awtoritajiet Franċiżi.
Sib aktar informazzjoni dwar l-użu tan-numri 112 u numri oħrajn ta’ emerġenza fil-pajjiżi kollha tal-UE.