L-unjonijiet ċivili u s-sħubijiet reġistrati

F’diversi pajjiżi tal-UE tista’ tuffiċjalizza s-sħubija tiegħek, mingħajr ma tiżżewweġ, permezz ta’ unjoni ċivili jew sħubija reġistrata.

L-unjonijiet ċivili jippermettu lil żewġ persuni li jgħixu flimkien bħala koppja jirreġistraw ir-relazzjoni tagħhom mal-awtorità pubblika rilevanti fil-pajjiż tar-residenza tagħhom fl-UE.

Hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE f’dan il-qasam, u jinkludu:

  • jekk tistax tidħol f’unjoni ċivili
  • unjoni ċivili għal xiex tintitolak
  • jekk pajjiż speċifiku tal-UE jirrikonoxxix unjoni ċivili li tkun saret f’pajjiż ieħor

Iċċekkja liema regoli japplikaw għalik

Huma involuti żewġ pajjiżi tal-UE jew iktar — pereżempju minħabba li mortu tgħixu f’pajjiż ieħor wara li rreġistrajtu, jew irreġistrajtu f’pajjiż ieħor?

Id-drittijiet tal-proprjetà u d-drittijiet tal-manteniment għall-persuni f’unjoni ċivili jew fi sħubija reġistrata mhumiex l-istess fil-pajjiżi kollha tal-UE. Id-drittijiet li tikseb minn unjoni ċivili jew sħubija reġistrata f’pajjiż tal-UE jistgħu jkunu differenti sew minn dawk li tikseb f’pajjiż ieħor.

Kun af il-liġijiet ta’ liema pajjiż japplikaw għas-sħubija tagħkom Iftaħ bħala link estern — dawn ikollhom konsegwenzi importanti għal drittijietkom u għall-obbligi tagħkom bħala sħab reġistrati.

Rikonoxximent tal-unjonijiet ċivili

L-unjonijiet ċivili u s-sħubijiet reġistrati jitqiesu ekwivalenti jew komparabbli maż-żwieġ f’xi pajjiżi tal-UE.

Il-pajjiżi kollha tal-UE li jippermettu ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess ġeneralment jirrikonoxxu s-sħubijiet reġistrati bejn persuni tal-istess sess li ġew konklużi f’pajjiżi oħra tal-UE.

Fil-pajjiżi tal-UE fejn ma jistax isir żwieġ bejn persuni tal-istess sess iżda li introduċew xi forma ta’ sħubija reġistrata, żwieġ bejn persuni tal-istess sess barra mill-pajjiż ġeneralment jagħtik l-istess drittijiet daqs sħubija reġistrata.

Madankollu, il-liġijiet ta’ dawn il-pajjiżi tal-UE ma jipprevedux sħubijiet reġistrati:

  • il-Bulgarija
  • il-Litwanja
  • il-Polonja
  • ir-Rumanija
  • is-Slovakkja

Meta tmur tgħix f’pajjiż ieħor mas-sieħeb/sieħba ċivili tiegħek

Fejn l-unjonijiet ċivili jitqiesu ekwivalenti jew komparabbli maż-żwieġ, jagħtuk l-istess drittijiet għall-finijiet tal-immigrazzjoni: is-sieħeb/sieħba reġistrat(a) tiegħek ikun/tkun jista’/tista’ jiġi/tiġi miegħek jekk tmur tgħix f’dawn il-pajjiżi tal-UE.

Jekk trid tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE fejn is-sħubijiet reġistrati assolutament mhumiex rikonoxxuti, is-sħubija tagħkom titqies bħala relazzjoni fit-tul attestata kif xieraq. Il-pajjiż tad-destinazzjoni tiegħek fl-UE jrid jiffaċilita d-dħul u r-residenza tas-sieħeb/sieħba tiegħek.

Aqra iktar dwar id-dritt tiegħek għal residenza f’pajjiż ieħor

Storja bħala eżempju

Tista’ toqghod — bis-saħħa tas-sħubija reġistrata

Nina hi imprenditriċi minn pajjiż "A" tal-UE li kienet qed tifli opportunità ta’ negozju f’pajjiż "B" tal-UE u riedet li Hans, is-sieħeb irreġistrat tagħha — li dak iż-żmien kien qiegħed — jingħaqad magħha hemmhekk.

Għalkemm il-pajjiż "B" tal-UE ma jirrikonoxxix is-sħubijiet reġistrati, l-eżistenza tas-sħubija fil-pajjiż "A" tal-UE serviet bħala prova li t-tnejn qegħdin f’relazzjoni fit-tul, u Hans tħalla jingħaqad ma’ Nina, anke jekk ma kellux riżorsi finanzjarji tiegħu stess.

Mistoqsijiet frekwenti

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 24/10/2024
Ikkondividi din il-paġna