Baħħara

Sigħat tax-xogħol u mistrieħ

Jekk tħaddem staff abbord bastiment tal-baħar, is-sigħat tax-xogħol standard tagħhom huma ta’ 8 sigħat kuljum, b’jum ta’ mistrieħ kull ġimgħa u mistrieħ addizzjonali fil-vaganzi pubbliċi.

Skont ir-regoli tal-UE, għandek tiggarantixxi li l-membri tal-ekwipaġġ iżommu mas-sigħat tax-xogħol massimi jew mal-ħin ta’ mistrieħ minimu:

  • is-sigħat tax-xogħol massimi m’għandhomx jaqbżu 14-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa u 72 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ 7 ijiem
  • il-ħin ta’ mistrieħ minimu m’għandux ikun anqas minn 10 sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa u 77 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ 7 ijiem

Twissija

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprovdu lill-baħħara b’kundizzjonijiet aktar favorevoli, għalhekk dejjem ivverifika r-regoli nazzjonali li japplikaw.

Tista’ taqsam is-sigħat ta’ mistrieħ f’massimu ta’ żewġ partijiet. Jekk taqsam il-ħin tal-mistrieħ, wieħed miż-żewġ perjodi ta’ mistrieħ għandu jkun ta’ mill-anqas 6 sigħat u l-intervall bejn żewġ perjodi konsekuttivi ta’ mistrieħ ma jistax jaqbeż 14-il siegħa.

Twissija

Il-kaptan ta’ bastiment għandu d-dritt li jitlob li membru tal-ekwipaġġ jaħdem sigħat addizzjonali jekk ikun meħtieġ, eż. għas-sigurtà immedjata tal-bastiment, tal-persuni abbord jew tal-merkanzija, jew biex jassisti lil vapuri jew persuni oħrajn fil-periklu fuq il-baħar.

Leave annwali bil-ħlas

Għandek tiggarantixxi li l-impjegati tiegħek jirċievu minimu ta’ 2.5 jiem kalendarji ta’ leave annwali bi ħlas kull xahar u abbażi ta’ pro-rata għal xhur mhux sħaħ. Ma tistax tissostitwixxi l-perjodu ta’ leave annwali bi ħlas minimu b’allowance, ħlief meta l-impjieg jiġi tterminat.

Żamma ta’ rekords

Bħala impjegatur, trid iżżomm rekord tas-sigħat ta’ kuljum u tal-perjodi ta’ mistrieħ meħuda mill-membri tal-ekwipaġġ. Għandek tipprovdi lil kull membru tal-istaff b’kopja tar-rekords tagħhom, approvati mill-kaptan tal-bastiment u mill-impjegat.

Eżamijiet mediċi

Qabel jibdew jaħdmu fuq bastiment, il-membri tal-ekwipaġġ tiegħek għandu jkollhom ċertifikat mediku validu li juri li huma medikament kapaċi jwettqu d-doveri tagħhom.

Sakemm ma jkunx hemm bżonn ta’ perjodu iqsar, iċ-ċertifikati mediċi tal-istaff tiegħek huma validi għal perjodu massimu ta’ sentejn. Jekk il-membri tal-ekwipaġġ tiegħek għandhom anqas minn 18-il sena, il-perjodu massimu ta’ validità hu ta’ sena. Innota li ċertifikazzjoni tal-vista tal-kuluri tista’ tkun valida għal perjodu massimu ta’ 6 snin.

F’każijiet urġenti, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lil membru tal-ekwipaġġ biex jaħdem mingħajr ċertifikat mediku validu (jew meta jiskadi l-perjodu ta’ validità tiegħu matul vjaġġ) sakemm jilħqu l-port tad-dħul li jmiss, fejn il-membru tal-ekwipaġġ ikun jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat. Tista' tagħmel dan jekk:

  • il-perjodu ta’ dan il-permess ma jaqbiżx 3 xhur
  • il-membru tal-ekwipaġġ tiegħek ikollu ċertifikat mediku skadut reċentement

Jekk timpjega membri tal-ekwipaġġ biex jaħdmu fuq bastimenti li jagħmlu vjaġġi internazzjonali, kun ċert li ċ-ċertifikat mediku hu pprovdut tal-anqas bl-Ingliż.

Il-membri tal-ekwipaġġ tiegħek irid ikollhom valutazzjonijiet tas-saħħa regolari, inkluż rieżami komprensiv tas-saħħa fiżika u mentali tagħhom biex jiżguraw li jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod sikur. Jekk baħri tal-għassa ibati minn problemi tas-saħħa marbuta max-xogħol ta’ billejl, għandu jiġu ttrasferit, kull meta jkun possibbli, għal xogħol ta’ binhar.

Il-linji gwida tal-UE jinkoraġġixxu bil-qawwa l-użu ta’ ċertifikati mediċi elettroniċi biex il-proċess ta’ verifika jsir aktar rapidu u sikur. F’xi pajjiżi tal-UE, iċ-ċertifikati mediċi elettroniċi jistgħu jkunu obbligatorji, għalhekk kun ċert li tiċċekkja mal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fejn topera.

Rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta’ kompetenza

Meta timpjega staff, dawn se jkun jeħtiġilhom jipprovdulek ċertifikat ta’ kompetenza (CoC) biex juru li għandhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex jagħmlu x-xogħol. Ma tistax tirrifjuta li taċċetta CoCs li nħarġu f’pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk qed timpjega baħħar minn pajjiż mhux tal-UE, dan għandu jkollu ċ-ċertifikati tiegħu approvati mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li besħiebu jaħdem fuqu. Iċ-ċertifikati għandhom dejjem jinħarġu minn pajjiż li s-sistema ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tiegħu hi rikonoxxuta mill-UE.

Diversi pajjiżi tal-UE introduċew verifika elettronika tas-CoCs biex jallineaw mal-linji gwida tal-UE u mal-istandards internazzjonali. Il-verifika elettronika tas-CoCs hi mod sikur, rapidu u kosteffettiv biex jiġi żgurat li qed timpjega baħħara kwalifikati. F’xi pajjiżi tal-UE l-verifika elettronika hi obbligatorja, għalhekk kun ċert li tiċċekkja r-rekwiżiti speċifiċi fil-pajjiżi fejn topera.

Rekwiżiti tat-taħriġ

Bħala impjegatur fl-industrija tat-tbaħħir, jeħtieġ li tkun konxju ta’ diversi rekwiżiti ewlenin tal-UE relatati mat-taħriġ tal-baħħara. Ir-rekwiżiti jirriżultaw direttament mill-aderenza tal-UE mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW). Ir-rekwiżiti jinkludu:

  • Taħriġ bażiku: Il-baħħara kollha jridu jgħaddu minn taħriġ bażiku dwar is-sikurezza li jkopri t-tekniki ta’ sopravivenza personali, il-prevenzjoni tan-nirien u t-tifi tan-nar, l-ewwel għajnuna elementari, u s-sikurezza personali u r-responsabbiltajiet soċjali.
  • Taħriġ avvanzat: Irwoli u responsabbiltajiet speċifiċi jeħtieġu taħriġ avvanzat, bħal profiċjenza f’opri tal-baħar tas-sopravivenza u dgħajjes tas-salvataġġ, tifi tan-nar avvanzat, kura medika, u taħriġ għall-uffiċjali tas-sigurtà tal-vapuri.
  • Taħriġ ta’ aġġornament: Meħtieġa korsijiet regolari ta’ aġġornament biex jiġi żgurat li l-baħħara jżommu l-kompetenzi tagħhom u jkunu aġġornati mal-aħħar prattiki ta’ sikurezza.

Limiti tal-età

Ma tistax tħaddem staff taħt is-16-il sena fuq bastiment.

Jekk tħaddem staff taħt it-18-il sena, huma ma jistgħux jaħdmu billejl. Ikkunsidra bħala lejl perjodu ta’ mill-anqas 9 siegħa konsekuttivi definit mir-regoli nazzjonali li jinkludi l-ħin minn nofsillejl sal-5 ta’ filgħodu, pereżempju mill-10 pm sas-7 am, jew mit-8 pm sal-5 am. L-istaff tiegħek ta’ bejn is-16 u t-18-il sena jista’ jaħdem biss matul il-lejl jekk ikun qed jieħu sehem f’kors ta’ taħriġ meta l-awtorità kompetenti tkun għamlet eċċezzjoni.

Ma tistax timpjega membri tal-ekwipaġġ taħt it-18-il sena jekk l-impjieg, l-ingaġġ jew ix-xogħol tagħhom x’aktarx li jqiegħed fil-periklu s-saħħa jew is-sikurezza tagħhom. Biex tkun taf liema tip ta’ xogħol hu pprojbit, segwi l-indikazzjonijiet stabbiliti mir-regoli nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti.

Aktar informazzjoni

  • Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima: links għas-siti web tal-awtoritajiet nazzjonali li joffru verifika taċ-ċertifikati online en.
  • en għodda biex jiġi vverifikat liema pajjiżi jaċċettaw is-CoCs ta’ xulxin
  • Kummissjoni Ewropea: kundizzjonijiet tal-impjieg għall-baħħara en
  • Kummissjoni Ewropea: taħriġ għall-baħħara en
  • Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali: taħriġ u ċertifikazzjoni en

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 18/09/2024
Ikkondividi din il-paġna