Valutazzjoni tal-konformità
Bħala manifattur, għandek twettaq analiżi tar-riskju u tiżgura li l-prodotti tiegħek jikkonformaw ma’ ċerti regoli qabel ma tikkommerċjalizzahom fis-suq tal-UE.
Din il-proċedura tissejjaħ valutazzjoni tal-konformità u titwettaq kemm matul id-disinn kif ukoll matul il-fażi tal-produzzjoni. Anke jekk tissottokuntratta d-disinn jew il-produzzjoni tal-prodotti tiegħek, xorta waħda hi r-responsabbiltà tiegħek li titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità.
Din l-informazzjoni akkwistata mill-valutazzjoni tal-konformità għandha tkun inkluża fid-dokumentazzjoni teknika.
Kif turi l-konformità mar-regoli tal-UE
Għandek tiċċekkja jekk teżistix kwalunkwe regola tal-UE applikabbli għall-prodott tiegħek, jekk teżisti, għandek tiżgura li l-prodott tiegħek jikkonforma magħha qabel ma jkun ikkummerċjalizzat b’mod ħieles fl-UE.
L-istandards armonizzati, fejn jeżistu, jistgħu jgħinuk turi l-konformità mar-regoli tal-UE.
X’inhuma l-istandards armonizzati?
L-istandards armonizzati huma żviluppati minn Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni rikonoxxuti: is-CEN , is-CENELEC , jew l-ETSI . L-ossevazzjoni tal-istandards armonizzati fid-disinn u fil-manifattura tal-prodotti tiegħek tiżgura li l-prodotti tiegħek huma konformi mar-regoli tal-UE korrispondenti; din hi magħrufa bħala l-“preżunzjoni ta’ konformità”.
Għandek issegwi l-istandards armonizzati?
Le, l-użu tal-istandards armonizzati jibqa’ volontarju. Int liberu li tagħżel soluzzjoni teknika oħra biex turi l-konformità mar-rekwiżiti legali mandatarji.
Jekk tagħżel li ma ssegwix l-istandards armonizzati fil-valutazzjoni tiegħek, tista’ tipprova l-konformità billi tirreferi għal speċifikazzjonijiet tekniċi bħal standards nazzjonali, standards mhux armonizzati Ewropej u internazzjonali, jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħek stess. F’dawn il-każijiet, ikollok tipprovdi aktar dettalji fid-dokumentazzjoni teknika tiegħek fejn tispjega kif il-prodotti tiegħek jikkonformaw mar-rekwiżiti legali.
Valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti tiegħek
F’ċerti każijiet, int - bħala manifattur - tista’ tagħmel awtovalutazzjoni tal-prodott tiegħek, f’każijiet oħrajn, ikollok tinvolvi organizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità (magħrufa wkoll bħala korp notifikat) biex tassistik.
Għandek tiċċekkja l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE relatata mal-prodotti li tixtieq tivvaluta biex tara jekk jeħtiġlekx titlob assistenza.
Organizzazzjonijiet tal-valutazzjoni tal-konformità
Dawn il-korpi notifikati huma organizzazzjonijiet maħturin mill-pajjiżi tal-UE biex jivvalutaw il-konformità ta’ ċerti prodotti qabel ma jkunu kkummerċjalizzati fis-suq. Tista’ tagħżel korp notifikat mil-lista fis-sit web ta’ NANDO (New Approach Notified and Designated Organisations).
Twissija
Oqgħod attent għaċ-ċertifikati volontarji!
Il-korpi notifikati en biss skont il-liġi tal-UE jistgħu joħorġu ċertifikati ta’ konformità għal prodotti
armonizzati u fil-qasam li għalih ikunu notifikati biss. Sfortunatament xi korpi taċ-ċertifikazzjoni
joħorġu ċertifikati f’oqsma lil hinn mill-kompetenza tagħhom, u jsejħulhom “ċertifikati
volontarji”. Din il-prattika hija qarrieqa, minħabba li ċertifikati bħal dawn mhumiex
rikonoxxuti legalment bħala prova tal-konformità. Pereżempju, jekk korp jiġi nnotifikat
għall-makkinarju, jenħtieġ li ma joħroġx ċertifikati (“volontarji” jew oħrajn) għal
prodotti li mhumiex makkinarju (bħal tagħmir protettiv personali). L-unika “ċertifikazzjoni
volontarja” valida hija f’oqsma fejn il-leġiżlazzjoni tipprevedi li ċertifikat mhuwiex
obbligatorju, iżda l-korpi notifikati b’mod xieraq biss jistgħu joħorġuh.
Valutazzjoni tal-konformità minnek stess
Jekk il-prodott tiegħek ma jeħtiġx li jkun ivverifikat minn korp indipendenti, jiddependi minnek li twettaq il-valutazzjoni tal-konformità tal-prodott tiegħek. Dan jinkludi stima u dokumentazzjoni tar-riskji possibbli meta jintuża l-prodott tiegħek.
Żamma tad-dokumentazzjoni teknika
Id-dossier tekniku tiegħek għandu jinkludi d-dokumenti kollha li juru li l-prodott tiegħek jikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi. Skopri kif tiġbor id-dokumentazzjoni teknika.