Mistoqsijiet frekwenti - Residenza permanenti għaċ-ċittadini tal-UE wara 5 snin
Jien Spanjola u nixtieq napplika għal ċertifikat ta' residenza permanenti fl-Italja fejn ili ngħix għal dawn l-aħħar ħames snin. Mil-liema data eżattament se jingħadd il-perjodu ta' 5 snin?
Il-perjodu ta' 5 snin għandu jibda jgħodd mid-data meta tkun effettivament ħadt ir-residenza fl-Italja, mhux minn meta rċevejt l-ewwel ċertifikat ta' reġistrazzjoni.
Jien Franċiż u nixtieq napplika għal ċertifikat ta' residenza permanenti fil-Ġermanja fejn ili ngħix għal dawn l-aħħar ħames snin. Madankollu, ta' spiss tlaqt mill-Ġermanja għal perjodi ta' 3 xhur, biex nara l-familja tiegħi fi Franza. Dan jaffettwa l-kontinwità tar-residenza tiegħi fil-Ġermanja?
LE - Il-kontinwità tar-residenza tiegħek fil-Ġermanja mhix affettwata minn assenzi temporanji li ma jaqbżux total ta' 6 xhur fis-sena.
Jien Spanjol u għext fl-Irlanda għal dawn l-aħħar ħames snin; applikajt għal dokument li jiċċertifika r-residenza permanenti tiegħi hemmhekk. L-awtoritajiet tal-Irlanda talbuni nagħti prova li kont qed naħdem, nistudja jew li kont qed infendi għal rasi b'mod indipendenti fl-Irlanda matul il-ħames snin. Dan legali skont ir-regoli Ewropej?
IVA - Biex ikollok id-dritt ta' residenza permanenti fl-Irlanda, trid tkun qed taħdem, tistudja jew tfendi għal rasek b'mod indipendenti fl-Irlanda, għal perjodu kontinwu ta' ħames snin.
Jien pensjonant Finlandiż fl-Italja u nissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għad-dritt ta' residenza. Għaliex ma ningħatax karta ta' residenza permanenti?
Li tgħix f'pajjiż għal aktar minn 3 xhur hu spiss deskritt bħala "resident permanenti" hemmhekk. Madankollu, dan ma jfissirx li int awtomatikament takkwista, skont ir-regoli tal-UE, id-dritt ta' residenza permanenti. Din tingħata wara li tgħix fl-Italja għal ħames snin.
Kemm idum validu ċ-ċertifikat ta' residenza permanenti, u meta għandi napplika għalih jew inġeddu?
Iċ-ċertifikat ta' residenza permanenti għandu jkun validu għal mhux inqas minn 10 snin. Għandek tapplika għalih jew iġġeddu, qabel ma jiskadi ċ-ċertifikat preċedenti tiegħek. Tista' tingħata multa jekk ma tagħmilx dan, jekk ir-regoli nazzjonali jipprovdu hekk.