Mistoqsijiet frekwenti - L-organizzazzjoni tal-kura medika ppjanata f'pajjiż ieħor
Nista’ nikseb trattament mediku barra minn pajjiżi?
IVA. Tista’ tmur f’pajjiż ieħor tal-UE għal trattament mediku u, taħt ċerti kundizzjonijiet,
ikollok l-ispejjeż tiegħek koperti direttament jew tiġi rimborżat għalihom kollha
jew għal uħud minnhom mill-assiguratur tas-saħħa pubblika tiegħek.
Ir-regoli tal-UE dwar it-trattament mediku barra mill-pajjiż ikopru l-kura medika
u dentali, il-mediċina u l-fejqan fl-isptar. L-ispejjeż tat-trattament tiegħek jiġu
rimborżati biss jekk il-kura tkun fost il-benefiċċji li int intitolat għalihom f’pajjiżek.
Pereżempju, il-kura tas-saħħa fi spa hija parti mill-kopertura tas-saħħa f’xi pajjiżi
iżda mhux f’oħrajn. Għalhekk, tista’ tirċievi rimborż biss għall-kura tas-saħħa fi
spa barra minn pajjiżek jekk l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek tkopri kura bħal din
f’pajjiżek stess.
Inbati minn marda rari li ma tistax tiġi trattata f’pajjiżi. It-trattament li għandi bżonn mhux kopert mis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa tiegħi. L-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħi tkopri operazzjoni li għandi bżonn minħabba din il-kundizzjoni f’pajjiż ieħor tal-UE?
L-ispiża tat-trattament tiegħek f'pajjiż ieħor tkun koperta biss jekk is-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali fil-pajjiż fejn int assigurat tkopriha. Jekk le, il-korp nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek mhux obbligat jawtorizza trattament barra mill-pajjiż jew li jirrimborża l-ispejjeż (għalkemm, naturalment, jista’ jagħżel li jagħmel dan).
Ikkuntattja l-awtoritajiet nazzjonali tiegħek biex issir taf x’għażliet għandek. Xi għajnuna tista’ tkun disponibbli għalik f’pajjiżek stess permezz tan-networks ta’ referenza Ewropej – networks transfruntieri virtwali u volontarji, li jlaqqgħu flimkien fornituri tal-kura tas-saħħa speċjalizzati ħafna madwar l-Ewropa biex jgħinu fid-dijanjożi u t-trattament ta’ pazjenti li jbatu minn mard kumpless rari jew bi prevalenza baxxa li jeħtieġ kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna u konċentrazzjoni ta’ għarfien u riżorsi.
Fil-pajjiż fejn jien assigurat, hemm lista ta’ stennija għat-trattament li għandi bżonn. Skont ir-regoli tal-UE, jien intitolat għal trattament barra minn pajjiżi u r-rimborż tiegħu biex ma noqgħodx nistenna?
IVA. Il-korp nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek ma jistax jirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal trattament barra minn pajjiżek sempliċiment għax ikun hemm lista ta’ stennija għal dak it-trattament f’pajjiżek. Dawn għandhom iqisu l-kundizzjoni medika speċifika tiegħek u jagħtu prova li l-ħin ta’ stennija huwa aċċettabbli, abbażi ta’ valutazzjoni medika oġġettiva tal-ħtiġijiet tiegħek.
Nista’ niġi rifjutat awtorizzazzjoni għal trattament?
IVA. L-awtoritajiet nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa jistgħu jirrifjutaw li jagħtuk
awtorizzazzjoni minn qabel jekk it-trattament li teħtieġ ma jkunx kopert mill-assigurazzjoni
tas-saħħa tiegħek jew jekk il-kura tiegħek tista’ tiġi pprovduta f’pajjiżek f’limitu
ta’ żmien medikament ġustifikabbli. Jekk jirrifjutaw li jagħtuk awtorizzazzjoni, l-awtorità
tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali tiegħek għandha tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni
tagħha, u trid tibbaża l-valutazzjoni tagħha ta’ x’inhu “medikament ġustifikabbli”
fil-każ speċifiku tiegħek.
Dejjem tista’ titlob reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva relatata mal-każ
tiegħek.
X’għandi nagħmel jekk xi ħaġa tmur ħażin waqt li nkun qed nirċievi trattament mediku barra minn pajjiżi?
Għandek tikkuntattja lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn tkun qed tiġi trattat. Dawn se jkunu jistgħu jispjegaw id-drittijiet tiegħek u jagħtuk informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura amministrattiva jew medika ta’ segwitu rilevanti.
Meta tasal lura f’pajjiżek, l-awtorità tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek trid tagħtik l-istess trattament ta’ segwitu daqslikieku rċevejt it-trattament hemmhekk.