Menu

Xiri u kiri fit-tul ta' karozza

Bħala ċittadin tal-UE, int liberu li tixtri jew tbigħ karozza kullimkien fl-UE.

Id-dritt tiegħek għal ħarsien legali

Drittijietek meta tixtri karozza barra pajjiżek – inkluż l- ammont ta' VAT li trid tħallas – ivarjaw skont:

  • il-karozza tkunx ġdida jew użata
  • jekk tkunx qed tixtriha mingħand negozjant professjonali tal-karozzi jew individwu privat
  • il-bejjiegħ huwiex ibbażat f'pajjiż tal-UE

Ġeneralment ikollok l-ogħla livell ta' ħarsien legali meta tixtri karozza ġdida mingħand bejjiegħ professjonali bbażat fl-UE.

Skont id- drittijiet tal-konsumatur tal-UE, għandek tal-inqas sentejn garanzija legali jekk il-karozza li tkun xtrajt tkun difettuża jew mhux kif reklamata.

F'xi pajjiżi, il- perjodu ta' garanzija legali jista' jonqas għal mhux inqas minn sena għal vetturi użati. Il-bejjiegħ u x-xerrej iridu jaqblu ma' dan fil-mument tax-xiri.

Kun af li d- drittijiet tal-konsumatur tal-UE ma japplikawx għal bejgħ privat, u għalhekk għandek toqgħod attent ħafna meta tixtri karozza mingħand individwu privat.

Iċċekkja d-dokumenti tal-karozza

Meta tixtri karozza barra pajjiżek, kun ċert li l-bejjiegħ jagħtik id-dokumenti kollha li għandek bżonn biex tirreġistra l-karozza f'pajjiżek. Iċċekkja li għandek id- dokumenti oriġinali għall-karozza.

Ittrasporta l-karozza li għadek kif xtrajt

Meta tixtri karozza ġdida f'pajjiż ieħor tal-UE, ikollok tikkonsidra bir-reqqa kif se teħodha f'pajjiżek, għax ma tkunx għadha rreġistrata f'pajjiżek:

  • Tista' tirmonka l-karozza lejn pajjiżek ma' vettura li tkun kompletament irreġistrata u assigurata.
  • Tista' tqabbad kumpanija tat-trasport tal-merkanzija speċjalizzata
  • Tista' ssuq il-karozza lejn pajjiżek int stess - biex tagħmel dan irid ikollok assigurazzjoni u pjanċi temporanji fil-pajjiż minn fejn xtrajt il-karozza.

Twissija

Ara li l-assigurazzjoni hija valida u li l-pjanċi huma rikonoxxuti fil-pajjiżi kollha minn fejn se tgħaddi bil-karozza. Peress li l-pjanċi temporanji mhumiex armonizzati fl-UE, hemm mnejn issib diffikultà biex takkwistahom jew biex ikunu rikonoxxuti minn pajjiż ieħor tal-UE. Iċċekkja mal- awtoritajiet rilevanti tal-assigurazzoni u tar-reġistrazzjoni tal-karozzi.

Għandek tikseb pjanċi permanenti għall-karozza tiegħek fil-pajjiż fejn se tirreġistra l-karozza, li normalment ikun il-pajjiż fejn toqgħod jew fejn int residenti permanenti.

Storja bħala eżempju

Irina xtrat karozza fil-Ġermanja u riedet issuqha lejn Deva fir-Rumanija. Il-bejjiegħ għenha tikseb pjanċi temporanji u assigurazzjoni valida għall-4 pajjiżi li kellha taqsam.

Sfortunatament, fl-Ungerija ġiet imwaqqfa mill-pulizija li qalulha li ma setgħetx issuq il-vettura fl-Ungerija b'dawk il-pjanċi. Fil-fatt, il-pjanċi sofor li kellha kienu validi biss fil-Ġermanja. Waħlet multa u l-pjanċi ġew ikkonfiskati. Eventwalment kellha tqabbad kumpanija tat-trasport tal-merkanzija biex tieħu l-karozza r-Rumanija.

Kif tista' tiċċaqlaq f'pajjiż ieħor b'karozza tal-kiri fit-tul

Kun af li dan jista' jkun diffiċli. Meta tikri karozza fit-tul, tista' tużaha għaż-żmien tal-kirja u jkollok l-għażla li tixtri l-karozza fl-aħħar tal-kuntratt. Madankollu, qabel dan, il-persuna jew il-kumpanija li qed tikrilek il-karozza hija s-sid legali tal-karozza.

Peress li trid tassigura u tirreġistra l-karozza fil-pajjiż fejn tgħix, tista' tiltaqa' ma' xi problemi jekk l-assigurazzjoni tiegħek ma tkunx valida fil-pajjiż fejn tixtieq tmur tgħix.

Il-persuna jew il-kumpanija li qed tikrilek il-karozza tista' wkoll taħsibha sew qabel taqbel li int tirreġistra l-karozza f'pajjiż ieħor tal-UE.

Storja bħala eżempju

Zoltan beda impjieg ġdid fil-Ġermanja u mar jgħix hemm mal-familja tiegħu. Hu mar bil-karozza mikrija fit-tul tiegħu. Wara 6 xhur sar jaf li kellu jirreġistra l-karozza fil-Ġermanja biex ikun jista' jkompli jsuqha hemmhekk.

Peress li l-kirja kien fadlilha 3 xhur oħra, il-kumpanija li kienet qed tikrilu, bank Ungeriż, ma qablitx li tħassar ir-reġistrazzjoni tal-karozza fl-Ungerija. Fl-aħħar nett, Zoltan kellu jtemm il-kuntratt mal-bank qabel iż-żmien u jħallas it-tariffi addizzjonali.

Għal aktar dettalji, iċċekkja r- rakkomandazzjonijiet ta' ECC-net dwar ix-xiri transkonfinali tal-karozzi en fr .

Iċċekkja wkoll ir-regoli dwar l-ispezzjoni tal-vettura, ir-responsabbiltajiet tal-bejjiegħ, il-kuntratt ta' bejgħ, il-pjanċi temporanji jew lil min trid tikkuntattja f'każ ta' tilwim jew frodi fil-pajjiż fejn tixtri:

Agħżel il-pajjiż Iftaħ Agħlaq

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 05/11/2024
Ikkondividi din il-paġna