Menu

℮-marka

Prodotti f'imballaġġ minn qabel (jew ippakkjati minn qabel) mibjugħa fi kwalunkwe pajjiż tal-UE għandhom jipprovdu informazzjoni fuq l-imballaġġ li tispeċifika l-kwantità nominali (piż jew volum) tal-kontenut tagħhom. Eżempji ta' prodotti f'imballaġġ minn qabel jinkludu:

  • ikel
  • xorb
  • kożmetiċi
  • prodotti tat-tindif

L-℮-marka, imqiegħda ħdejn il-kwantità nominali, turi li int tinsab konformi mal-liġijiet Ewropej rilevanti. Tista' żżidha mal-prodotti f'imballaġġ minn qabel li tbigħ individwalment b'volum (għal prodotti likwidi) jew b'piż (għal prodotti oħra) kostanti li jkun intgħażel minn qabel. L-℮-marka tista' titqiegħed fuq prodotti li l-piż jew il-volum tagħhom jaqa' bejn il-valuri li ġejjin:

  • minimu ta' 5 grammi jew 5 millilitri
  • massimu ta' 10 kilogrammi jew 10 litri

Hija obbligatorja?

L-℮-marka mhijiex obbligatorja. Madankollu, il-fatt li tkun imwaħħla mal-prodotti tiegħek jippermettilek tbigħhom fil-pajjiżi kollha tal-UE mingħajr ma jkollok bżonn tiċċekkja jekk intix konformi mar-rekwiżiti nazzjonali individwali. L-℮-marka turi li prodott hu konformi mar-regoli tal-UE dwar l-indikazzjoni tal-volum jew il-piż u l-metodi ta' kejl li għandek tuża bħala bejjiegħ ta' prodotti f'imballaġġ minn qabel.

X'inhuma r-rekwiżiti?

Sabiex jiġi żgurat li l-kwantità murija tkun korretta, il-pakketti mmarkati b'dan il-mod għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

  • il-kwantità medja tal-prodott f'imballaġġi li jiġu mill-istess lott għandha tkun daqs jew akbar mill-kwantità msemmija fuq il-pakkett.
  • il-kwantità nominali tirreferi biss għall-prodott. Dan ma jinkludix l-imballaġġ jew kwalunkwe materjal użat biex jipproteġi l-prodott, iżomm il-prodott (eżempju: l-istikka ta' lollipop), jippreservah (eżempju: silġ) jew iservi bħala għajnuna waqt l-użu (eżempju: tray biex jiġi servut).
  • proporzjon limitat biss tal-prodotti f'imballaġġ minn qabel mill-istess lott jista' jkollhom ammont iżgħar ta' prodott minn dak indikat fuq il-pakkett. Dan jissejjaħ "żball negattiv tollerabbli" u huwa stabbilit fl-Anness 1 tal-leġiżlazzjoni tal-UE Iftaħ bħala link estern .

Twissija

Il-preżenza tal-℮-marka MA tfissirx li l-kwantità ta' prodott ġiet stmata. Dan ifisser li l-piż u l-volum tkejlu skont ir-regoli tal-UE, bl-użu ta' strumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE

Kif twaħħalha?

L-℮-marka għandha tiġi stampata fuq l-imballaġġ ħdejn l-indikazzjoni tal-piż jew tal-volum. L-għoli tat-tipa m'għandux ikun inqas minn 3 millimetri. L-℮-marka u l-indikazzjoni tal-kwantità għandhom jintwerew b’mod viżibbli u li ma jitħassarx fuq il-pakkett. Il-kwantità trid tintwera f'figuri u tkun segwita mill-unità tal-kejl (grammi, kilogrammi, millilitri, ċentilitri jew litri) jew l-abbrevjazzjoni tagħha (g, kg, ml, cl jew l).

Kontrolli u spezzjonijiet tal-kwalità

Bħala pakkjatur, trid tiżgura li l-imballaġġi li timla jissodisfaw ir-rekwiżiti. Għal dan, jeħtieġ li:

  • tuża tagħmir u proċeduri ta' kejl rikonoxxuti uffiċjalment għall-imballaġġ tal-prodotti
  • iżżomm rekords tal-kontrolli li twettaq biex tiżgura li l-kejl isir b'mod korrett

Bħala importatur, trid tipprovdi prova li l-prodotti f'imballaġġ minn qabel li timporta jissodisfaw ir-rekwiżiti. Din il-prova tista' tkun il-kontrolli rreġistrati msemmija hawn fuq.

L-awtoritajiet nazzjonali jwettqu spezzjonijiet biex jivverifikaw jekk il-prodotti tiegħek bl-℮-marka jissodisfawx ir-rekwiżiti. Jistgħu jagħmlu dan fil-faċilità tal-imballaġġ jew xi mkien ieħor fil-katina tad-distribuzzjoni.

Dwar rekwiżiti speċifiċi f'pajjiż partikolari tal-UE u għal aktar informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet, iċċekkja mal-awtoritajiet nazzjonali en .

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Pariri tal-Ewropa Tiegħek

Il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek hu sors ta' pariri esperti dwar kwalunkwe kwistjoni li tiltaqa' magħha f'pajjiż ieħor tal-UE li tinvolvi l-liġi tal-UE.

Punt ta' Kuntatt tal-Prodott

Il-Punt ta’ Kuntatt tal-Prodott tiegħek jista’ jinfurmak dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prodott u jgħinek fl-aċċess għal suq nazzjonali ieħor fl-UE.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 03/04/2024
Ikkondividi din il-paġna