Menu

Taxxi tal-karozzi f'pajjiż ieħor tal-UE

Hekk kif tibda tuża l-karozza tiegħek f'toroq nazzjonali, jeħtieġlek tħallas taxxi relatati mal-karozza: jew it-taxxi tat-triq jew inkella kemm ir-reġistrazzjoni tal-karozza kif ukoll it-taxxa tat-triq. Kull pajjiż tal-UE jiddetermina liema taxxi għandek tħallas jekk tuża b'mod regolari l-karozza tiegħek fit-territorju tiegħu.

F'ċerti każijiet, l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni tal-karozza jista' jikkorrispondi mal-perjodu li tuża l-karozza tiegħek fil-pajjiż ġdid tiegħek. Iżda int ma tistax tiġi intaxxat aktar minn resident tal-pajjiż ġdid tiegħek. F'ċerti każijiet, meta tibdel il-pajjiżi, għandu mnejn tkun intitolat għal eżenzjoni mit-taxxa ta' reġistrazzjoni tal-karozza jew għal rimborż tat-taxxa ta' reġistrazzjoni. Għandek tikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali qabel ma titlaq lejn il-pajjiż ġdid tiegħek sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja.

Eżenzjonijiet minn taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozzi

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, l-istudenti, il-ħaddiema transfruntieri u r-residenti sekondarji ma għandhomx għalfejn iħallsu t-taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozza. Huma jista' jkollhom, madankollu, iħallsu t-taxxi tat-triq.

Studenti

Jekk tmur f'pajjiż ieħor tal-UE biex tistudja jew biex taħdem għal żmien limitat u definit, pereżempju bħala voluntier, tista' ssuq il-karozza tiegħek reġistrata fil-pajjiż domiċiljari tiegħek mingħajr ma toqgħod tirreġistraha jew tħallas it-taxxi fil-pajjiż ġdid tiegħek. Bħala student, għandek bżonn tkun reġistrat fi stabbiliment f'dak il-pajjjiż u tkun tista' tipprovdi ċertifikat validu ta' reġistrazzjoni. Jekk tibda taħdem matul l-istudji tiegħek, madankollu, se jkollok tirreġistra l-karozza tiegħek f'dak il-pajjiż.

Qabel ma tħalli l-pajjiż domiċiljari tiegħek, għandek tiċċekkja r-regoli applikabbli fil-pajjiż li fih sejjer tistudja. Jista' jkollok bżonn li tissodisfa xi formalitajiet amministrattivi jew tissodisfa ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġu evitati problemi waqt il-verifiki tal-pulizija.

Twissija

Id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, u l-Iżvezjama jeżentawx l-istudenti milli jirreġistraw il-karozzi tagħhom u milli jħallsu t-taxxi korrispondenti.

Storja bħala eżempju

Mathieu minn Franza ċċaqlaq lejn il-Belġju fejn qed jagħmel kors postgradwatorju ta' sentejn. Il-karozza ta' Mathieu kellha l-ħsara u hu mar għand il-pulizija biex jikseb rapport għall-assigurazzjoni. Meta l-pulizija skoprew li Mathieu kien ilu jgħix il-Belġju għal aktar minn sena mingħajr ma rreġistra l-karozza hemm, qalulu li s-sitwazzjoni tiegħu kienet irregolari u kellu jkun immultat.

Madankollu, Mathieu seta' juri li kien miktub fl-Università ta' Antwerp u li għalhekk, bħala student minn pajjiż ieħor tal-UE, ma kellux għalfejn iħallas taxxi tal-karozza jew tat-triq fil-Belġju.

Ħaddiema transfruntieri

Bħala ħaddiem transfruntieri, ikollok imnjen issuq karozza ta' kumpanija li hi reġistrata f'wieħed miż-żewġ pajjiżi.

Jekk tuża karozza ta' kumpanija reġistrata fil-pajjiż fejn taħdem, tista' tużaha wkoll fil-pajjiż fejn tgħix mingħajr ma tirreġistraha hemm. Iċċekkja l-kundizzjonijiet differenti li japplikaw għall- użu ta' karozza ta' kumpanija fl-UE billi r-regoli jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli.

Jekk tuża l-karozza tiegħek stess biex tivvjaġġa regolarment mill-pajjiż fejn tgħix għall-pajjiż fejn taħdem, trid tirreġistraha u tħallsilha t-taxxi fil-pajjiż fejn tgħix - iżda mhux fil-pajjiżi fejn taħdem.

Għal aktar informazzjoni kemm dwar ir-reġistrazzjoni u t-taxxi tal-karozzi rilevanti kif ukoll links għal siti web ta' awtoritajiet nazzjonali ara:

Agħżel il-pajjiż Iftaħ Agħlaq

Residenti sekondarji

Bħala regola ġenerali, ma għandekx għaliex tirreġistra l-karozza tiegħek u tħallas it-taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozza f'pajjiż li fih għandek residenza sekondarja jew dar għall-vaganzi. Jekk tħalli l-karozza tiegħek b'mod permanenti fejn tinsab id-dar tal-vaganzi tiegħek, għandu mnejn ikollok, madankollu, tħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni hemm anki jekk tkun diġà ħallast taxxa ta' reġistrazzjoni f'pajjiżek.

Bħala resident sekondarju, int ma tħallasx it-taxxi ta' reġistrazzjoni tal-karozza jekk:

  • tgħix fit-tieni pajjiż tiegħek għal anqas minn 6 xhur fis-sena
  • għandek ir-residenza normali f'pajjiż ieħor tal-UE u jkollok dokument validu li jagħti prova ta' dan
  • tuża l-karozza tiegħek għal skopijiet privati biss
  • ma tbigħx, ma tikrix jew ma tislifx il-karozza tiegħek lil residenti.

Twissija

L-informazzjoni f'din il-paġna ma tapplikax għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE u għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit. Ir-regoli nazzjonali huma applikabbli f'dawn il-każijiet.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 02/01/2023
Ikkondividi din il-paġna