Menu

Id-divorzju u s-separazzjoni legali

Il-liġijiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE se jiddeterminaw ir-raġunijiet li għalihom tista' tapplika għal divorzju jew għal separazzjoni legali, u l-proċeduri. Ir-regoli jvarjaw ħafna bejn pajjiż u ieħor tal-UE.

Madankollu, għadd ta' regoli tal-UE jgħinu sabiex jiġi determinat liema qrati għandhom ġuriżdizzjoni u liema liġi tapplika f'każijiet li jinvolvu żewġ pajjiżi jew aktar tal-UE – pereżempju, minħabba li int u żewġek/martek tgħixu f'pajjiżi differenti jew għandkom nazzjonalitajiet differenti.

Fejn tista' tapplika għad-divorzju jew għas-separazzjoni?

Tista' titlob divorzju jew separazzjoni legali flimkien mal-partner tiegħek bħala applikazzjoni konġunta, jew waħdek.

Tista' tagħmel it-talba tiegħek fil-qrati fil-pajjiż fejn:

  • tgħixu int u l-konjuġi
  • fejn għextu l-aħħar flimkien – bil-kundizzjoni li xi ħadd minnkom ikun għadu jgħix hemm
  • jgħix wieħed minnkom – bil-kundizzjoni li tkunu qed tressqu applikazzjoni konġunta
  • jgħix il-konjuġi tiegħek
  • tgħix int, jekk:
    • għext hemm tal-anqas 6 xhur eżattament qabel għamilt it-talba
    • u int ċittadin ta' dak il-pajjiż.

    Jekk m'intix ċittadin ta' dak il-pajjiż, tista' tagħmel it-talba tiegħek biss wara li tkun għext hemm tal-anqas sena eżattament qabel tapplika.

  • it-tnejn li intom ċittadini.

L-ewwel qorti fejn issir it-talba li tissodisfa l-kundizzjonijiet għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar id-divorzju tiegħek.

Il-qorti bis-setgħa li tittrasforma separazzjoni legali f'divorzju hi l-qorti fil-pajjiż tal-UE li tkun iddeċidiet dwar is-separazzjoni - sakemm dan ikun konformi mar-regoli tal-pajjiż.

Il-qorti bis-setgħa li tiddeċiedi tista' wkoll tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mar- responsabbiltà tal-ġenituri jekk l-ulied jgħixu f'dak il-pajjiż.

Liema liġijiet japplikaw għad-divorzju jew is-separazzjoni tiegħek?

Huma involuti żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar - pereżempju minħabba l-fatt li int u żewġek/martek għandkom nazzjonalitajiet differenti jew toqogħdu f'pajjiż tal-UE li mhux tal-oriġini tagħkom?

Il-liġi li tirregola d-divorzju tiegħek mhix neċessarjament il-liġi tal-pajjiż fejn int tista' tagħmel it-talba tiegħek għad-divorzju.

17-il pajjiż tal-UE adottaw sett uniku ta' regoli li jiddeterminaw liema liġi għandha tapplika f'divorzji transkonfinali. Dawn il-pajjiżi huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.

Fi kwalunkwe wieħed minn dawn is-17-il pajjiż tista' tiftiehem ma' martek/żewġek biex tapplika l-liġijiet tad-divorzju ta':

  • tal-pajjiż fejn tgħixu int u l-konjuġi tiegħek
  • tal-pajjiż fejn għextu l-aħħar flimkien – jekk xi ħadd minnkom ikun għadu jgħix hemm
  • tal-pajjiż li tiegħu jew int jew martek/żewġek intom ċittadini
  • tal-pajjiż fejn qed titlob id-divorzju

Jekk ma tiftiehemx mal-konjuġi tiegħek, il-qrati f'dawn is-17-il pajjiż se japplikaw il-liġijiet ta'

  • il-pajjiż fejn tgħixu int u l-konjugu tiegħek
  • fin-nuqqas ta' dan, tal-pajjiż fejn għextu l-aħħar flimkien — bil-kundizzjoni li kontu għadkom qed tgħixu flimkien hemmhekk sena qabel ma dħaltu l-qorti
  • fin-nuqqas ta' dan, tal-pajjiż fejn it-tnejn li intom għandkom iċ-ċittadinanza
  • fin-nuqqas ta' dan, tal-pajjiż fejn qed titlob id-divorzju

Jekk qed tapplika għal divorzju f'pajjiż ieħor tal-UE, ikkonsulta avukat speċjalizzat biex tara liema liġijiet se japplikaw fil-każ tiegħek u x'se jkunu l-konsegwenzi.

Għarfien tad-divorzji u tas-separazzjonijiet legali barra pajjiżek

Divorzju jew separazzjoni legali li jingħata/tingħata f'pajjiż wieħed tal-UE huwa/hija awtomatikament rikonoxxut/a mill-pajjiżi l-oħra tal-UE. Mhemmx bżonn tgħaddi minn xi proċedura addizzjonali.

Twissija

Eċċezzjoni – id-Danimarka

Ir-regoli tal-UE dwar id-divorzju u s-separazzjoni legali – pereżempju dwar il-ġuriżdizzjoni u l-għarfien – ma japplikawx għad-Danimarka.

Skopri dwar il-proċedimenti tad-divorzju fil-pajjiż rilevanti għalik.

Agħżel il-pajjiż Iftaħ Agħlaq

Storja bħala eżempju

Divorzju mingħajr kunsens reċiproku: ġuriżdizzjoni fil-pajjiż li fih il-koppja kellha r-residenza komuni u tas-soltu tagħha

Koppja miżżewġa Irlandiża-Franċiża, Jack u Marie, għexu flimkien fl-Irlanda.

Jack sab impjieg interessanti u mħallas tajjeb fi Franza u marru jgħixu hemm. Xahar wara li beda jaħdem fi Franza, Jack iddeċieda li jagħmel talba għad-divorzju fl-Irlanda.

Dan kien possibbli minħabba li l-koppja għexu l-aħħar flimkien fl-Irlanda u Marie kienet għadha residenta hemmhekk.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 07/06/2024
Ikkondividi din il-paġna