Menu

Prezzijiet inġusti

Fl-UE kollha kemm hi, il-bejjiegħa jridu jindikaw il-prezzijiet tal-prodotti b’mod ċar biżżejjed biex tkun tista’ faċilment tqabbilhom ma’ dawk ta’ prodotti simili u tagħmel għażliet informati – ikunu kif ikunu ppakkettati jew kemm ikunu qed jinbiegħu unitajiet flimkien.

Il-kumpaniji huma legalment obbligati li jkunu kompletament ċari dwar il-prezz li se jkollok tħallas meta jirreklamaw jew ibigħulek xi ħaġa.

Informazzjoni sħiħa tal-prezzijiet

Il-prezz ikkwotat f’offerta għandu jinkludi t-taxxi kollha u l-ispejjeż tal-konsenja. Jekk jista’ jkun hemm spejjeż żejda li ma jistgħux jiġu kkalkolati minn qabel, trid ukoll issir taf minn qabel.

Storja bħala eżempju

It-taxxi u t-tariffi jridu jiġu inklużi fil-prezz totali.

Stefaan, mill-Belġju, sab xi titjiriet irħas ħafna biex imur Spanja f'sit web ta’ linja tal-ajru. Iżda wara li lesta l-ibbukkjar online, il-prezz finali rdoppja – inklużi diversi ħlasijiet addizzjonali li ma kienu ssemmew f’ebda stadju tal-proċess tal-ibbukkjar.

Stefaan ikkuntattja d-dipartiment tas-servizz tal-klijent fejn ġie infurmat li l-prezz tal-bidu kien indikattiv. Madankollu, meta ċempel liċ-Ċentru Belġjan tal-konsumaturi dawn ikkonfermawlu li, għalkemm il-linji tal-ajru huma tabilħaqq intitolati għal ħlas żejjed għall-bagalji jew għall-ikel matul it-titjira, dawn għandhom jiġu indikati mill-bidu nett (flimkien ma’ spejjeż addizzjonali oħra, taxxi, eċċ.). L-ispejjeż żejda li huma obbligatorji, bħal tariffi amministrattivi jew fuq il-ħlasijiet, għandhom dejjem jiġu inklużi fil-prezz inizjali.

Din il-linja tal-ajru partikolari issa qed tindika l-prezzijiet supplimentari kollha b'mod ċar fil-bidu ta’ kull proċess tal-ibbukkjar.

Meta xi ħaġa hija rreklamata bħala “bla ħlas”, inti ma tistax tiġi obbligat tħallas aktar mill-kost ta’:

  • ir-risposta għar-reklam
  • il-ġbir tal-oġġett jew għall-konsenja

Paragun faċli – prezz għal kull unità

Għandek tkun tista’ tqabbel il-prezzijiet bejn id-ditti u bejn id-daqs tal-pakketti – biex tara, pereżempju, kemm tiffranka meta tixtri pakkett kbir tal-familja taċ-ċereali minflok pakkett żgħir.

Għaldaqstant, il-prodotti kollha għandhom ikunu mmarkati mhux biss bil-prezz tal-bejgħ, iżda wkoll bil-prezz għal kull unità – pereżempju, il-prezz kull kilo jew kull litru. Din l-informazzjoni trid tkun tinftiehem, tinqara b’mod ċar, u tingħaraf faċilment.

Din ir-regola tapplika wkoll għal reklami li jsemmu’ prezz tal-bejgħ.

Storja bħala eżempju

Iċċekkja l-prezz għal kull unità tal-prodott li qed tixtri

Nadine tgħix il-Lussemburgu viċin il-fruntiera Ġermaniża u għandha tifla ta’ 5 xhur. Biex tipprova tiffranka l-flus, bdiet tqabbel il-prezzijiet tal-ħrieqi fi ħwienet differenti fil-Lussemburgu u n-naħa l-oħra tal-fruntiera fil-Ġermanja.

Sabet bejjiegħ Ġermaniż li joffri pakketti tal-istess ħrieqi għall-istess prezz li tħallas normalment fil-Lussemburgu. Iżda meta ħarset b'aktar attenzjoni lejn il-prezz, irrealizzat li l-pakketti Ġermaniżi kien fihom 140 ħarqa, mentri dawk tal-Lussemburgu kien fihom biss 90. Dan ifisser li mil-Lussemburgu kienu ferm aktar għaljin. Mill-ewwel bdiet tixtri l-ħrieqi mill-ħanut Ġermaniż.

Eċċezzjonijiet

Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ oġġetti li għalihom ir-regoli tal-prezzijiet għal kull unità jistgħu ma japplikawx – minħabba li l-indikazzjoni ta’ prezz għal kull unità jista’ joħloq konfużjoni, jew minħabba n-natura jew l-iskop partikolari tal-oġġetti:

  • prodotti mibjugħa minn magni tal-bejgħ
  • oġġetti mibjugħa bl-irkant
  • opri tal-arti u antikitajiet

Dikjarazzjonijiet qarrieqa ta’ tnaqqis fil-prezz

Dikjarazzjonijiet ta’ tnaqqis fil-prezz bħal “kien €50, issa €25” jistgħu jkunu qarrieqa jekk il-prezz tal-bejgħ inizjali (magħruf bħala “prezz tal-ankraġġ”) ikun ġie minfuħ. Fil-pajjiżi kollha tal-UE n-negozjanti huma obbligati, meta joffru skont, li jindikaw l-inqas prezz applikat għall-oġġett mill-inqas 30 jum qabel it-tħabbir tat-tnaqqis fil-prezz.
Din l-informazzjoni tippermettilek bħala konsumatur tivvaluta jekk l-iskont huwiex ġenwin jew le.

Storja bħala eżempju

Titqarraqx bl-iskontijiet

Basia mill-Polonja kienet qed tibbrawżja f’ħanut online matul il-vjaġġ bil-ferrovija tagħha lura d-dar mix-xogħol. Sabet jeans ta’ disinjatur għali li għoġobha ħafna. Żiditu fil-karru tax-xiri tagħha, iżda ddeċidiet li ma tixtrihx qabel is-sales. Ġimagħtejn wara, hija żaret mill-ġdid il-ħanut online biex tagħmel ix-xirja, iżda kellha sorpriża mhux pjaċevoli. Il-prezz oriġinali indikat flimkien mal-prezz “skontat” attraenti ħafna kien fil-fatt ogħla mill-prezz ikkwotat ġimagħtejn qabel is-sales. Diżappuntata, Basia ma xtratux il-jeans.

Skont ir-regoli tal-UE, trid tkun tista’ tivvaluta jekk il-prezz skontat huwiex fil-fatt prezz tajjeb, peress li l-bejjiegħa jridu jindikaw l-aktar prezz baxx li talbu għall-oġġett skontat fl-aħħar 30 jum.

Mhix permessa d-diskriminatorji tal-prezzijiet

Bħala ċittadin tal-UE, negozjant ma jistax jiċċarġjak aktar meta tixtri prodott jew servizz sempliċiment minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż tar-residenza tiegħek. Jistgħu jkunu ġustifikati xi differenzi fil-prezzijiet jekk ikunu bbażati fuq kriterji objettivi u mhux biss fuq in-nazzjonalità. Pereżempju, spejjeż tal-posta differenti jistgħu jfissru li jkollok tħallas aktar għall-konsenja f’pajjiż wieħed iktar mill-ieħor. Madankollu, in-negozjanti xorta jistgħu jistabbilixxu prezzijiet ta’ bejgħ nett differenti f’punti differenti tal-bejgħ, bħal ħwienet u siti web, jew jista’ jkollhom fil-mira offerti speċifiċi biss għal territorju speċifiku fi Stat Membru. Skont ir-regoli tal-UE, dawn l-offerti kollha jridu jkunu aċċessibbli għall-konsumaturi minn pajjiżi oħra tal-UE.

Madankollu, m’hemm ebda ġustifikazzjoni possibbli għal differenzi fl-aċċess għall-oġġetti jew is-servizzi għal klijenti minn pajjiżi differenti tal-UE f’dawn it-tliet sitwazzjonijiet differenti:

  • bejgħ ta’ oġġetti mingħajr konsenja fiżika – pereżempju, jekk tixtri xi ħaġa online li se tiġbor minn ħanut, minflok ma titwassallek id-dar
  • bejgħ ta’ servizzi li jingħatawlek b'mod elettroniku (minbarra l-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur) – bħal servizzi tal-cloud computing, jew l-ospitar tas-siti web
  • bejgħ ta’ servizzi f’post speċifiku – pereżempju bbukkjar ta’ lukandi, kiri ta’ karozzi, biljetti ta’ dħul għall-parks tad-divertiment

Meta negozjant ikollu verżjonijiet diversi skont il-pajjiż tal-istess sit web, bħal ħanut fuq il-web li jbigħ prodotti lil pajjiżi differenti fl-UE, għandek tkun tista’ tagħżel li tara liema verżjoni se żżur. Trid tagħti l-permess tiegħek biex tittieħed lejn verżjoni speċifika ta’ pajjiż tas-sit web. Trid ukoll tkun tista’ tbiddel l-għażla tiegħek meta trid.

Prezzijiet personalizzati

Il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jużaw algoritmi biex isegwu l-preferenzi tal-imġiba tal-ibbrawżjar online tiegħek u biex jistabbilixxu l-prezzijiet kif xieraq. L-għan huwa li jipprezzaw l-oġġetti abbażi ta’ dak li tkun lest tħallas għal oġġett partikolari. Din il-prattika mhix illegali, madankollu bħala konsumatur int intitolat għal trasparenza sħiħa tal-prezzijiet.

F’konformità mar-regoli tal-UE, in-negozjanti huma obbligati jinfurmawk jekk il-prezz huwiex personalizzat abbażi ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet u tfassil ta’ profili tal-imġiba speċifika tiegħek tal-konsumatur.

Storja bħala eżempju

Għandek dritt tkun taf

Ana mir-Rumanija tibbrawżja regolarment il-ħwienet online favoriti tagħha, tiċċekkja l-prezzijiet ta’ diversi oġġetti, irrispettivament minn jekk hijiex se tixtrihom jew le. Minbarra l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet, hija tinnota wkoll li l-bidla fil-prezz tiddependi mill-apparat li tuża. B’mod aktar sorprendenti, sħabha jaraw prezzijiet differenti meta jiċċekkjaw l-istess sit fl-istess ħin, u dan iħawwadha saħansitra aktar.

Skont ir-regoli tal-UE, qabel ma tixtri, għandek id-dritt li tkun taf jekk jew meta negozjant juża algoritmu biex ibiddel il-prezz tal-prodott li jinteressak.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/11/2024
Ikkondividi din il-paġna