Menu

Kuntratti u konsum tal-enerġija

Informazzjoni ċara dwar il-kuntratt

Qabel ma tiffirma kuntratt tal-enerġija, għandek tingħata informazzjoni importanti ċara, korretta u li tinftiehem mingħand il-fornitur. Għandek ukoll tkun avżat minn qabel jekk ikunu se jsiru xi tibdiliet fil-kuntratt, kif ukoll tkun tista' ttemm il-kuntratt jekk ma taċċettax il-kundizzjonijiet il-ġodda.

Dritt ta' reċess

Għandek id-dritt li tirtira minn kuntratt ġdid sa 14-il jum wara li dan ikun ġie ffirmat jekk il-kuntratt ikun sar barra mill-post tan-negozju tal-fornitur jew bl-internet jew bit-telefown.

Informazzjoni preċiża dwar il-konsum tiegħek tal-enerġija

Inti intitolat li jkollok aċċess għad-dejta dwar il-konsum tiegħek, mingħajr ħlas. Tista' tistaqsi lill-maniġer tad-dejta (eż. fornitur tal-enerġija jew operatur tan-netwerk) li jagħti din id-dejta lil fornituri tal-elettriku jew tal-gass oħrajn, u m'għandekx tiġi ċċarġjat għal dan is-servizz.

Għandek id-dritt li jkollok arloġġ li jagħti kejl preċiż individwali għall-elettriku u għall-gass bi prezz kompetittiv (minbarra t-tisħin/it-tkessiħ tad-dar u misħun ipprovduti mid-distrett) meta tiġi installata konnessjoni ġdida f'bini (pereżempju meta binja ssirilha rinnovazzjoni kbira). F'każijiet oħra, japplika d-dritt li jkollok arloġġ individwali li jagħti kejl preċiż bi prezz kompetittiv, sakemm ma jkunux ġew identifikati ostakoli tekniċi jew finanzjarji għal dan fuq livell nazzjonali.

Jekk ikollok arloġġ intelliġenti, għandek tkun tista' taċċessa faċliment u bla ħlas informazzjoni dettaljata dwar il-konsum tal-enerġija tiegħek taħt il-kuntratt ta' forniment attwali tiegħek li jkopri mill-inqas l-aħħar sentejn. Inti intitolat ukoll għal aċċess tad-dejta dwar il-konsum tiegħek li jkopri mill-inqas l-aħħar tliet snin jew sa mill-bidu tal-kuntratt tal-forniment attwali tiegħek, jekk dan ikun aktar reċenti.

Twissija

Il- kontijiet tal-gass u l-elettriku en għandhom ikunu bbażati fuq l-enerġija li tkun użajt u għandhom jintbagħtulek biżżejjed spiss li tkun tista' tirregola kemm tuża enerġija.

Il-kontijiet għandhom ikunu ċari u jkun fihom informazzjoni utli Għandhom jippermettulek:

  • tifhem faċilment kemm qed tħallas verament u għas-servizzi tal-enerġija li użajt, u
  • tqabbel offerti mingħand fornituri tal-enerġija differenti

biex tkun tista' tibdel il-fornitur jekk tkun trid

Kif tuża l-enerġija b'mod effiċjenti

Għandek dritt tkun infurmat tajjeb dwar kemm tuża enerġija u kif għandek tagħmel biex tagħmel użu aktar effiċjenti mill-enerġija.

Sakemm ma jaħsbux mod ieħor l-awtoritajiet nazzjonali tiegħek, il-kontijiet tal-enerġija, il-kuntratti, it-transazzjonijiet u r-riċevuti tiegħek għandhom juru b'mod ċar:

  • il-prezzijiet reali u kemm tkun użajt enerġija
  • paragun ma' kemm tkun użajt enerġija fl-istess perjodu tas-sena ta' qabel
  • lil min tista' tikkuntattja biex issir taf kif għandek tagħmel biex tiffranka l-enerġija, pereżempju organizzazzjonijiet għall-konsumaturi, aġenziji tal-enerġija jew korpi simili, bl-indirizzi tas-siti tal-internet u, jekk ikun possibbli, paraguni ma' tipi ta' klijenti simili.

It-Tikketta tal-Enerġija tal-UE

Meta tixtri apparat ġdida, bħal friġġ, friżer, magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ, tumble dryer, magna tal-ħasil tal-platti, forn tal-elettriku, TV, lampa jew air conditioner, għandek tiġi informat dwar kemm juża enerġija dan l-apparat. Il-ħwienet iridu juru t-tikketta tal-enerġija tal-UE en flimkien ma' fuljett b'informazzjoni ddettaljata dwar il-prestazzjoni tal-prodott.

Ċertifikat dwar il-prestazzjoni ta' l-enerġija

Int intitolat għal informazzjoni dwar kemm hemm użu effiċjenti tal-enerġija f'proprjetà meta tkun qed tfittex post biex tixtrih jew tikrih. Qabel ma tiffirma kuntratt għandek tirċievi ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija li jispjega l-klassifikazzjoni tal-proprjetà fejn għandu x'jaqsam mal-użu effiċjenti tal-enerġija. Dan iċ-ċertifikat għandu wkoll jirrakkomanda modi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija tal-proprjetà.

Għejun ta' enerġija rinnovabbli

Il-fornitur tal-prodotti jew l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurmawk dwar il-benefiċċji, l-ispejjeż u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-apparat u tas-sistemi għall-użu ta' tisħin, tkessiħ u elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

Il-fornitur tal-elettriku tiegħek għandu jipprovdilek informazzjoni dwar il-kombinazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tiegħu (rinnovabbli, nukleari, eċċ) u l-impatt ambjentali. Din l-informazzjoni għandha tintwera b'mod li tinftiehem faċilment u tista' titqabbel.

Jekk qed tikkunsidra li tinstalla jew tbiddel sistema li tipproduċi l-elettriku jew għat-tisħin/it-tkessiħ minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, għandek tirċievi informazzjoni mill-fornitur tat-tagħmir jew mill-awtorità nazzjonali maħtura dwar l-ispejjeż/benefiċċji u l-effiċjenza enerġetika ta' tali tagħmir.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 13/05/2024
Ikkondividi din il-paġna