Menu

Sensji

Sensji kollettivi

Jekk in-negozju tiegħek qed jiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi u qed tikkontempla li tissensja l-ħaddiema, allura jeħtieġlek tkun taf l-obbligi tiegħek rigward is-sensji kollettivi.

Dak li jgħodd bħala sensja kollettiva?

Is-sensja titqies jekk hix jew mhix sensja kollettiva skont it-total tal-istaff u l-għadd ta' impjegati li qed taħseb li tkeċċi:

Għadd ta' impjegati b'mod ġenerali

Staff li se jingħata s-sensja

Perjodu ta' waqfien mix-xogħol

20-100

Minimu ta' 10

30 jum tal-kalendarju

100-300

Minimu ta' 10%

30 jum tal-kalendarju

300 or more

Minimu ta' 30

30 jum tal-kalendarju

Twissija

F'xi pajjiżi tal-UE r-regoli dwar is-sensja kollettiva huma aktar protettivi għall-ħaddiema u l-livelli t'hawn fuq jistgħu jkunu anqas.

Obbligat li tinforma u tikkonsulta

Jekk qed tippjana sensja kollettiva, trid tibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-istaff fi żmien xieraq u tagħtihom in-notice bil-miktub fejn tiddikjara:

  • ir-raġunijiet għas-sensja kollettiva
  • l-għadd ta' staff li se jisfa żejjed
  • l-għadd ta' staff impjegat
  • il-perjodu li matulu se tingħata s-sensja
  • il-kriterji għall-għażla tal-istaff li għandhom jingħataw is-sensja.

Għandek ukoll tgħarraf lill-awtorità pubblika tiegħek dwar il-punti ta' hawn fuq, bil-miktub.

Meta r-regoli ma japplikawx

Informazzjoni u konsultazzjoni qabel ma tingħata sensja kollettiva mhumiex obbligatorji għal:

  • staff b'kuntratti ta' żmien fiss - sakemm is-sensja ma tingħatax qabel ma jispiċċalu l-kuntratt
  • staff impjegati minn entitajiet amministrattivi.

Matul il-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-istaff għandek tiddiskuti alternattivi differenti biex jiġu evitati s-sensji kollettivi, jew jekk dan mhux possibbli, biex jitnaqqas l-għadd tal-istaff affettwat. Miżuri soċjali biex jitħarreġ jew jitqassam mill-ġdid l-istaff żejjed għandhom ukoll jiġu negozjati.

Żmien biex tidħol fis-seħħ

Jekk, wara konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-istaff, tiddeċiedi li jiġu ssensjati ħaddiema, trid tavża bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti f'pajjiżek.

Twissija

Il-liġi nazzjonali tista' twarrab dan l-obbligu jekk is-sensja kollettiva hi minħabba t-tmiem tal-attivitajiet kummerċjali tiegħek wara deċiżjoni ġudizzjarja.

Sensji kollettivi jistgħu jidħlu fis-seħħ mhux qabel 30 jum tal-kalendarju wara li tibgħat notifika bil-miktub tiegħek lill-awtorità kompetenti. Dan il-perjodu jintuża sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi mqajma mis-sensji. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jnaqqsuh jew jestenduh għal 60 jum f'ċerti każijiet.

Id-drittijiet tal-ħaddiema meta jittieħed in-negozju

Meta tieħu f'idejk in-negozju, inti tassumi l-obbligi lejn l-impjegati konċernati. Ir-regoli tal-UE jistabbilixxu rekwiżiti minimi. Innota li f'xi pajjiżi tal-UE r-regoli jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-impjegati.

Ebda dritt awtomatiku li tagħti s-sensja

Kemm jekk tieħu f'idejk il-kumpanija kollha jew parti minnha dan ma jagħtikx id-dritt awtomatiku li tkeċċi l-impjegati. Id-drittijiet u l-obbligi kollha minn kuntratti ta' impjiegi eżistenti fid-data tal-akkwist jgħaddu fuqek.

Ikollok ukoll tkompli tikkonforma mat-termini ta' kull ftehim kollettiv diġà fis-seħħ, sakemm jiġi terminat, jiskadi jew jidħol fis-seħħ ftehim ġdid. Il-perjodu li matulu għandek tikkonforma ma' ftehim eżistenti jista' jitnaqqas f'xi pajjiżi tal-UE, iżda għandu jkun għall-anqas ta' sena.

Twissija

Madankollu, jekk ċirkostanzi ekonomiċi, tekniċi jew organizzattivi jeħtieġu bidliet fil-forza tax-xogħol, tista' tilliċenzja l-impjegati.

Eċċezzjonijiet

Sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ mod ieħor, m'intix obbligat li tieħu f'idejk l-obbligi tas-sid preċedenti rigward id-drittijiet tal-impjegati għall-benefiċċji tal-anzjanità, tal-invalidità jew tas-superstiti li mhumiex statutorji taħt skemi ta' pensjoni supplementari tal-kumpanniji jew bejn il-kumpanniji.

Jekk tieħu f'idejk kumpanija li tkun għaddejja minn proċedura ta' falliment jew ta' insolvenza, sorveljata minn awtorità pubblika kompetenti, li tillikwida l-assi tagħha, ir-regoli ta' hawn fuq ma japplikawx aktar - sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ mod ieħor.

Drittijiet kollettivi wara li tieħu f'idejk in-negozju

Rappreżentanti tal-impjegati

Jekk inti tieħdu negozju iżda tippreserva l-awtonomija tiegħu, ir-rappreżentanti tal-impjegati għandhom iżommu l-istatus u l-funzjoni tagħhom. Jekk in-negozju m'għadux jopera b'mod awtonomu, l-impjegati għandhom ikomplu jkunu rappreżentati kif xieraq sakemm ir-rappreżentanti tal-impjegati jiġu rikostitwiti jew maħturin mill-ġdid.

Obbligu li tinfurma u tikkonsulta

Ir-rappreżentanti tal-impjegati, u f'xi każijiet l-impjegati nfushom, għandhom ikunu infurmati dwar:

  • id-data ta' u r-raġuni għat-trasferiment
  • bl-implikazzjonijiet legali, ekonomiċi u soċjali tat-trasferiment għall-impjegati
  • kwalunkwe miżuri ppjanati għall-impjegati.

Ir-rappreżentanti għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwalunkwe miżuri maħsuba fir-rigward tal-impjegati.

Nacionalinę informaciją rasite toliau.

Agħżel il-pajjiż Iftaħ Agħlaq

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 11/03/2024
Ikkondividi din il-paġna