Verifiki ta' konformità

L-ECHA tista’ teżamina skont l-Artikolu 41 ta’ REACH kwalunkwe dossier ta’ reġistrazzjoni fi kwalunkwe ħin biex tivverifika jekk l-informazzjoni sottomessa mir-reġistranti hijiex konformi mar-rekwiżiti legali. Ir-rekwiżiti legali (rekwiżiti ta’ informazzjoni standard) huma kumulattivi u jiddependu mill-medda ta’ tunnellaġġ.

 

Tunnellaġġ fis-sena
(manifatturat/importat)
Informazzjoni standard meħtieġa skont REACH
1 sa < 10 Anness VII
10 sa <100 Annessi VII-VIII
100 sa < 1000 Annessi VII-IX
1000 jew iktar Annessi VII-IX
 

Wara li tiġi vverifikata l-identità tas-sustanza, il-kontrolli tal-konformità jevalwaw l-informazzjoni fid-dossier, inkluż ir-rapport dwar is-sigurtà kimika jew partijiet speċifiċi tad-dossier, pereżempju l-informazzjoni relatata mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent.

L-għażla tad-dossier għall-kontroll tal-konformità tista’ tkun aleatorja jew ibbażata fuq it-tħassib (immirata).

L-għażla bbażata fuq it-tħassib tippermetti lill-ECHA tiffoka fuq endpoints, li jkunu rilevanti għall-użu sigur tas-sustanzi.

Il-kontroll tal-konformità jiffoka fuq tmien endpoints ewlenin: il-ġenotossiċità, it-tossiċità b’doża ripetuta, it-tossiċità fl-iżvilupp prenatali, it-tossiċità riproduttiva, il-karċinoġeniċità, it-tossiċità akwatika fit-tul, il-bijodegradazzjoni u bijoakkumulazzjoni. Dawn huma l-endpoints ewlenin għall-identifikazzjoni tas-sustanzi ta’ tħassib.

Sabiex jiġi żgurat li l-ECHA twettaq kontroll tal-konformità fuq l-informazzjoni l-aktar aġġornata fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, l-ECHA titlob lir-Reġistranti biex jirrieżaminaw b’mod proattiv id-dossiers ta’ reġistrazzjoni relatati tagħhom u jaġġornawhom bi kwalunkwe informazzjoni ġdida u/jew rilevanti bħal informazzjoni ġdida dwar il-perikli, bidliet fl-użu u fl-esponiment, aġġornamenti għar-rapport dwar is-sigurtà kimika (CSR), bidliet fil-klassifikazzjoni jew bidliet fil-kwantitajiet manifatturati jew importati, inkluż il-waqfien tal-manifattura jew tal-importazzjoni.

Ir-reġistranti jistgħu jirċievu diversi deċiżjonijiet ta’ kontroll tal-konformità biex jitolbu informazzjoni addizzjonali dwar l-istess dossier jekk ma jkunx konformi għal aktar minn rekwiżit wieħed ta’ informazzjoni.