Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1152

Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

PE/43/2019/REV/1

ĠU L 186, 11/07/2019, p. 105–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1152/oj

11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/105


DIRETTIVA (UE) 2019/1152 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta’ leave imħallas.

(2)

Il-Prinċipju Nru 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jgħid li, irrispettivament mit-tip u t-tul tar-relazzjoni tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ, u li titrawwem it-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg miftuħa; li, f’konformità mal-leġislazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, tiġi żgurata l-flessibbiltà neċessarja biex l-impjegaturi jadattaw ruħhom malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku; li jitrawmu forom ta’ xogħol innovattivi li jiżguraw kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità, li jiġu mħeġġa l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti u li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà okkupazzjonali; u li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż billi jiġi pprojbit l-abbuż ta’ kuntratti atipiċi, u li kwalunkwe perijodu ta’ prova jkun ta’ tul raġonevoli.

(3)

Il-Prinċipju Nru 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li, fil-bidu tal-impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt jiġu infurmati bil-miktub dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, inkluż dwar kwalunkwe perijodu ta’ prova; li qabel jitkeċċew għandhom id-dritt jiġu infurmati bir-raġunijiet u jingħataw perijodu ta’ avviż raġonevoli; u li għandhom id-dritt għall-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u, fil-każ ta’ tkeċċija mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat.

(4)

Mill-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (4), is-swieq tax-xogħol għaddew minn bidliet kbar minħabba l-iżviluppi demografiċi u d-diġitalizzazzjoni li wasslu għall-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ impjieg, li tejbu l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol. Xi forom ġodda ta’ impjieg jvarjaw b’mod sinifikanti minn relazzjonijiet tax-xogħol tradizzjonali fir-rigward ta’ prevedibbiltà, u joħolqu inċertezza fir-rigward tad-drittijiet applikabbli u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema kkonċernati. F’din id-dinja tax-xogħol li qed tevolvi, għalhekk hemm ħtieġa ikbar li l-ħaddiema jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol essenzjali tagħhom, li jenħtieġ li jsir f’waqtu u bil-miktub, b’mod faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema. Sabiex l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ impjieg jiġi inkwadrat b’mod adegwat, il-ħaddiema fl-Unjoni jenħtieġ li jingħataw ukoll għadd ta’ drittijiet minimi ġodda mmirati lejn il-promozzjoni tas-sigurtà u l-prevedibbiltà fir-relazzjonijiet tax-xogħol filwaqt li tinkiseb konverġenza ’l fuq fl-Istati Membri u tiġi ppreservata l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol.

(5)

Skont id-Direttiva 91/533/KEE, il-maġġoranza tal-ħaddiema fl-Unjoni għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Madankollu, id-Direttiva 91/533/KEE ma tapplikax għall-ħaddiema kollha fl-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba żviluppi fis-suq tax-xogħol mill-1991 inħolqu lakuni fil-protezzjoni għal forom ġodda ta’ impjiegi.

(6)

Jenħtieġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi relatati mal-informazzjoni dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal kull ħaddiem fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha fl-Unjoni jkollhom livell adegwat ta’ trasparenza u prevedibbiltà fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà raġonevoli ta’ impjieg mhux standard, u għaldaqstant jiġu ppreservati l-benefiċċji tiegħu għall-ħaddiema u l-impjegaturi.

(7)

Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni f’żewġ fażijiet mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar it-titjib tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva 91/533/KEE u t-twessigħ tal-għanijiet tagħha sabiex jiġu stabbiliti drittijiet ġodda għall-ħaddiema. Dan ma rriżultax fi ftehim fost is-sħab soċjali sabiex jidħlu f’negozjati dwar dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, kif ikkonfermat mill-eżitu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin li fittxew il-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ċittadini, huwa importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam billi l-qafas legali attwali jiġi mmodernizzat u adattat għal żviluppi ġodda.

(8)

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) stabbiliet kriterji biex jiġi determinat l-istatus ta’ ħaddiem (5). Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li titqies l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dment li jissodisfaw dawn il-kriterji, il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, il-ħaddiema tal-pjattaforma, it-trainees u l-apprendisti jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-persuni li ġenwinament jaħdmu għal rashom ma jkunux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li ma jissodisfawx dawk il-kriterji. L-abbuż tal-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, kif definit fil-liġi nazzjonali, sew fil-livell nazzjonali jew f’sitwazzjonijiet transkonfinali, huwa forma ta’ xogħol iddikjarat b’mod falz li sikwit ikun assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat. Impjieg indipendenti fittizju jseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala impjegata għal rasha filwaqt li tissodisfa l-kondizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni tax-xogħol, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali. Jenħtieġ li dawn il-persuni ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni tax-xogħol tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni mill-partijiet tar-relazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà jiddeċiedu, meta jkun ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi, li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jkunux applikabbli għal kategoriji partikolari ta’ impjegati taċ-ċivil, is-servizzi ta’ emerġenza pubbliċi, il-forzi armati, l-awtoritajiet tal-pulizija, l-imħallfin, il-prosekuturi, l-investigaturi jew servizzi oħra tal-infurzar tal-liġi minħabba n-natura speċifika ta’ dmirijiethom jew il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

(10)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin jenħtieġ li ma japplikawx għall-baħħara jew is-sajjieda marittimi, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom: l-impjieg parallel, meta dan ikun inkompatibbli max-xogħol imwettaq abbord vapuri jew bastimenti tas-sajd, il-prevedibbiltà minima tax-xogħol, il-ħaddiema mibgħuta fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, it-tranżizzjoni għal forma oħra ta’ impjieg, u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet soċjali. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-baħħara u s-sajjieda marittimi, kif definiti fid-Direttivi tal-Kunsill 2009/13/KE (6) u (UE) 2017/159 (7) rispettivament, jitqiesu bħala li jaħdmu fl-Unjoni meta jkunu qed jagħmlu xogħol abbord bastimenti jew bastimenti tas-sajd reġistrati fi Stat Membru jew li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru.

(11)

Minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ ħaddiema esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE abbażi ta’ esklużjonijiet magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva, huwa meħtieġ li dawk l-esklużjonijiet jiġu sostitwiti mill-possibbiltà li l-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal relazzjoni tax-xogħol b’sigħat tax-xogħol determinati minn qabel u effettivi li jammontaw għal medja ta’ tliet sigħat jew inqas fil-ġimgħa f’perijodu ta’ referenza ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi. Jenħtieġ li l-kalkolu ta’ dawk is-sigħat jinkludi l-ħin kollu li jkun inħadem għal impjegatur, bħas-sahra jew ix-xogħol supplimentari għal dak garantit jew antiċipat fil-kuntratt tax-xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol. Mill-mument li ħaddiem ikun għadda dak il-limitu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw għalih, irrispettivament min-numru ta’ sigħat tax-xogħol li l-ħaddiem jaħdem sussegwentement jew in-numru ta’ sigħat tax-xogħol previsti fil-kuntratt tax-xogħol.

(12)

Il-ħaddiema li ma jkollhomx ħin tax-xogħol garantit, inklużi dawk li jkollhom kuntratti “żero-hour” u ċerti kuntratti għal xogħol fuq talba, ikunu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw għalihom, ikun xi jkun l-għadd ta’ sigħat li fil-fatt jaħdmu.

(13)

Diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi differenti, jew entitajiet oħra, jistgħu jkollhom il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta’ impjegatur fil-prattika. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jiddeterminaw b’mod aktar preċiż il-persuni li huma kkunsidrati totalment jew parzjalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li din id-Direttiva tistabbilixxi għall-impjegaturi, dment li dawk l-obbligi jkunu kollha ssodisfati. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li wħud minn dawk l-obbligi, jew ilkoll kemm huma, għandhom jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mill-kuntatt tax-xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi biex jeskludu mir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva lill-individwi li jaġixxu bħala impjegaturi ta’ ħaddiema domestiċi f’unitajiet domestiċi, fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin: li jikkunsidraw u jwieġbu għal talbiet għal tipi differenti ta’ impjieg, jipprovdu taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas, u jipprovdu mekkaniżmi ta’ rimedju li huma bbażati fuq preżunzjonijiet favorevoli fil-każ ta’ informazzjoni li tkun nieqsa mid-dokumentazzjoni li trid tingħata lill-ħaddiem skont din id-Direttiva.

(15)

Id-Direttiva 91/533/KEE introduċiet lista ta’ aspetti essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol jew ir-relazzjoni tax-xogħol li l-ħaddiema għandhom ikunu infurmati bil-miktub dwarhom. Dik il-lista, li tista’ titkabbar mill-Istati Membri, jeħtieġ li tiġi adattata sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari ż-żieda f’forom ta’ impjieg mhux standard.

(16)

Ħaddiem li ma jkollux post tax-xogħol fiss jew ewlieni jenħtieġ li jirċievi informazzjoni dwar l-arranġamenti, jekk ikun hemm, biex jivvjaġġa bejn il-postijiet tax-xogħol.

(17)

Jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li l-informazzjoni dwar l-intitolament għat-taħriġ mogħti mill-impjegatur tinkludi l-għadd ta’ jiem ta’ taħriġ, jekk ikun il-każ, li l-ħaddiem ikun intitolat għalihom kull sena, u informazzjoni dwar il-politika ġenerali tal-impjegatur dwar it-taħriġ.

(18)

Jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li l-informazzjoni dwar il-proċedura li trid tiġi osservata mill-impjegatur u mill-ħaddiem jekk ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tintemm tista’ tinkludi l-iskadenza biex titressaq azzjoni li tikkontesta t-tkeċċija.

(19)

L-informazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol jenħtieġ li tkun konsistenti ma’ id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar waqfiet, perijodi ta’ mistrieħ u fil-ġimgħa u l-ammont ta’ leave imħallas, biex b’hekk tiżgura l-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema.

(20)

L-informazzjoni li trid tingħata dwar ir-remunerazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-elementi kollha tar-remunerazzjoni indikati separatament, inklużi, jekk applikabbli, il-kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, il-pagamenti għas-sahra, il-bonusijiet u intitolamenti oħra, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament b’rabta max-xogħol tiegħu. L-għoti ta’ din l-informazzjoni jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-impjegaturi li jipprovdu elementi addizzjonali ta’ remunerazzjoni bħal ħlasijiet ta’ darba. Jenħtieġ li l-fatt li l-elementi ta’ remunerazzjoni dovuti mil-liġi jew minn ftehim kollettiv ma jkunux ġew inklużi f’dik l-informazzjoni ma jikkostitwixxix raġuni għalfejn ma jingħatawx lill-ħaddiem.

(21)

Jekk ma jkunx possibbli li tiġi indikata skeda tax-xogħol fissa minħabba n-natura tal-impjieg, bħal fil-każ ta’ kuntratt għal xogħol fuq talba, jenħtieġ li l-impjegaturi jinfurmaw lill-ħaddiema dwar kif se jiġi stabbilit il-ħin tax-xogħol tagħhom, inklużi l-perijodi ta’ ħin li fihom jistgħu jintalbu jaħdmu u l-perijodu ta’ avviż minimu li jenħtieġ li jirċievu qabel jibdew inkarigu.

(22)

L-informazzjoni dwar is-sistemi tas-sigurtà soċjali jenħtieġ li tinkludi informazzjoni dwar l-identità tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali, fejn rilevanti, fir-rigward tal-benefiċċji tal-mard, tal-maternità, tal-paternità u parentali, benefiċċji għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali, kif ukoll benefiċċji tal-anzjanità, l-invalidità, is-superstiti, il-qgħad, l-irtirar bikri u l-familja. Jenħtieġ li l-impjegaturi ma jkunux obbligati jipprovdu dik l-informazzjoni jekk il-ħaddiem jagħżel l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali. L-informazzjoni dwar il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali pprovduta mill-impjegatur jenħtieġ li tinkludi, meta rilevanti, l-eżistenza ta’ kopertura minn skemi ta’ pensjoni supplimentari skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE (10).

(23)

Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-informazzjoni bażika tasal għandhom kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn ġimgħa kalendarja mill-ewwel jum tax-xogħol tagħhom. Jenħtieġ li l-bqija tal-informazzjoni tasal għandhom fi żmien xahar mill-ewwel jum tax-xogħol tagħhom. Jenħtieġ li l-ewwel jum tax-xogħol jinftiehem bħala l-bidu effettiv tal-prestazzjoni tax-xogħol min-naħa tal-ħaddiem fir-relazzjoni tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw li jkollhom l-informazzjoni rilevanti dwar ir-relazzjoni tax-xogħol ipprovduta mill-impjegaturi qabel it-tmiem tat-tul miftiehem inizjalment tal-kuntratt.

(24)

Fid-dawl tal-użu dejjem akbar tal-għodod ta’ komunikazzjoni diġitali, informazzjoni li trid tingħata bil-miktub skont din id-Direttiva tista’ tingħata b’mezzi elettroniċi.

(25)

Sabiex jgħinu lill-impjegaturi jipprovdu informazzjoni f’waqtha, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi jipprovdu mudelli fil-livell nazzjonali li jinkludu informazzjoni li tkun rilevanti u komprensiva biżżejjed dwar il-qafas legali applikabbli. Dawk il-mudelli jistgħu jiġu żviluppati aktar fil-livell settorjali jew lokali, mill-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ mudelli u formati u tqegħdhom għad-dispożizzjoni b’mod estensiv, skont il-każ.

(26)

Ħaddiema mibgħuta barra l-pajjiż jenħtieġ li jirċievu informazzjoni addizzjonali speċifika għas-sitwazzjoni tagħhom. Għal inkarigi suċċessivi mwettqa f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li l-informazzjoni għal diversi inkarigi tiġi raggruppata qabel l-ewwel tluq u wara tiġi modifikata fil-każ ta’ kwalunkwe bidla. Ħaddiema li jikkwalifikaw bħala ħaddiema stazzjonati skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li jiġu nnotifikati wkoll dwar is-sit web nazzjonali uffiċjali uniku żviluppat mill-Istat Membru ospitanti fejn ikunu jistgħu jsibu l-informazzjoni rilevanti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol li japplikaw għas-sitwazzjoni tagħhom. Sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux mod ieħor, dawk l-obbligi japplikaw jekk it-tul tal-perijodu tax-xogħol barra l-pajjiż ikun itwal minn erba’ ġimgħat konsekuttivi.

(27)

Il-perijodi ta’ prova jippermettu lill-partijiet fir-relazzjoni tax-xogħol jivverifikaw li l-ħaddiema u l-pożizzjonijiet li jkunu impjegati biex jimlew ikunu kompatibbli filwaqt li jagħtuhom appoġġ fl-għamla ta’ akkumpanjament. Jenħtieġ li dħul fis-suq tax-xogħol jew tranżizzjoni lejn pożizzjoni ġdida ma jkunux soġġetti għal insigurtà fit-tul. Kif stabbilit fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-perijodi ta’ prova jenħtieġ li għalhekk ikunu ta’ tul raġonevoli.

(28)

Għadd sostanzjali ta’ Stati Membri stabbilixxew tul massimu ġenerali ta’ bejn tlieta u sitt xhur għall-perijodu ta’ prova, u dan jenħtieġ li jitqies bħala raġonevoli. Bħala eċċezzjoni, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li l-perijodi ta’ prova jdumu aktar minn sitt xhur meta dan ikun ġustifikat minħabba n-natura tal-impjieg, bħal pożizzjonijiet maniġerjali jew eżekuttivi u pożizzjonijiet fis-servizz pubbliku, jew meta fl-interessi tal-ħaddiem, bħal fil-kuntest ta’ miżuri speċifiċi li jippromwovu l-impjiegi permanenti, b’mod partikolari għall-ħaddiema żgħażagħ. Jenħtieġ ukoll li l-perijodi ta’ prova jkunu jistgħu jiġu estiżi b’mod korrispondenti f’każijiet fejn il-ħaddiem kien nieqes mix-xogħol waqt il-perijodu ta’ prova, pereżempju minħabba mard jew leave, biex l-impjegatur ikun jista’ jivvaluta jekk il-ħaddiem ikunx adatt għall-kompitu inkwistjoni. Fil-każ ta’ relazzjonijiet tax-xogħol b’terminu fiss ta’ inqas minn 12-il xahar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li t-tul tal-perijodu ta’ prova jkun adegwat u proporzjonat mat-tul mistenni tal-kuntratt u n-natura tax-xogħol. Meta previst mil-liġi jew il-prattika nazzjonali, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jakkumulaw d-drittijiet tax-xogħol matul il-perijodu ta’ prova.

(29)

Jenħtieġ li impjegaturi ma jwaqqfux lil ħaddiem milli jaħdem ma’ impjegaturi oħrajn, lil hinn mill-iskeda tax-xogħol stabbilita ma’ dak l-impjegatur, u lanqas ma jimmaltrattah talli jkun għamel hekk. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ restrizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà, mifhuma bħala restrizzjonijiet fuq ix-xogħol għal impjegaturi oħrajn għal raġunijiet oġġettivi, bħall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, inkluż permezz ta’ limiti fuq il-ħin tax-xogħol, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tan-negozju, l-integrità tas-servizz pubbliku jew l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess.

(30)

Ħaddiema li r-ritmu tax-xogħol tagħhom ikun imprevedibbli għalkollox, jew fil-biċċa l-kbira, jenħtieġ li jibbenefikaw minn livell ta’ prevedibbiltà minimu fejn l-iskeda tax-xogħol tkun iddeterminata prinċipalment mill-impjegatur, kemm direttament, pereżempju billi jalloka inkarigi, jew indirettament, pereżempju billi jirrikjedi li l-ħaddiem iwieġeb għat-talbiet tal-klijenti.

(31)

Is-sigħat u l-jiem ta’ referenza, li għandhom jiġu mifhuma bħala slots ta’ ħin li matulhom jsir xogħol fuq talba tal-impjegatur, jenħtieġ li jiġu stabbiliti bil-miktub fil-bidu tar-relazzjoni tax-xogħol.

(32)

Perijodu ta’ avviż minimu raġonevoli, li j jenħtieġ li jiġi mifhum bħala l-perijodu ta’ żmien bejn il-mument li fih l-ħaddiem ikun infurmat dwar inkarigu ġdid u l-mument li fih jibda l-inkarigu, jikkostitwixxi element neċessarju ieħor ta’ prevedibbiltà tax-xogħol għar-relazzjonijiet tax-xogħol b’ritmu tax-xogħol li jkun imprevedibbli għalkollox, jew fil-biċċa l-kbira. It-tul tal-perijodu ta’ avviż jista’ jvarja skont il-ħtiġijiet tas-settur ikkonċernat, filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema. Il-perijodu ta’ avviż minimu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(33)

Ħaddiem jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jirrifjuta inkarigu jekk dan ma jkunx fis-sigħat u l-jiem ta’ referenza jew jekk il-ħaddiem ma jkunx ġie notifikat dwar l-inkarigu f’konformità mal-perijodu ta’ avviż minimu, mingħajr ma jsofri konsegwenzi negattivi għal dan ir-rifjut. Il-ħaddiem jenħtieġ li jkollu wkoll il-possibbiltà li jaċċetta l-inkarigu jekk jixtieq.

(34)

Meta ħaddiem li r-ritmu tax-xogħol tiegħu jkun imprevedibbli għalkollox, jew fil-biċċa l-kbira, ikun ftiehem mal-impjegatur tiegħu li jwettaq inkarigu speċifiku, jenħtieġ li l-ħaddiem ikun jista’ jippjana f’dan is-sens. Jenħtieġ li l-ħaddiem ikun protett mit-telf ta’ dħul li jirriżulta jekk l-inkarigu miftiehem jiġi kkanċellat tard billi jirċievi kumpens adegwat.

(35)

Kuntratti ta’ xogħol fuq talba jew simili, inklużi kuntratti “żero-hour”, li jagħtu l-flessibbiltà lill-impjegatur li jsejjaħ lill-ħaddiem biex jaħdem kif u meta jkun hemm bżonn, ikunu partikolarment imprevedibbli għall-ħaddiem. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jippermettu dawn il-kuntratti jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri effikaċi biex jiġi evitat l-abbuż. Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-għamla ta’ limitazzjonijiet għall-użu u t-tul ta’ kuntratti bħal dawn, preżunzjoni konfutabbli tal-eżistenza ta’ kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol b’ammont garantit ta’ sigħat imħallsa abbażi tas-sigħat maħduma fil-perijodu ta’ referenza preċedenti, jew miżuri ekwivalenti oħra li jiżguraw il-prevenzjoni effettiva ta’ prattiki abbużivi.

(36)

Meta l-impjegaturi jkollhom il-possibbiltà li joffru kuntratti tax-xogħol full-time jew indefiniti għall-ħaddiema f’forom ta’ impjieg mhux standard, jenħtieġ li, f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg aktar siguri. Il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu forma ta’ impjieg aktar prevedibbli u sigura, meta disponibbli, u jirċievu risposta motivata bil-miktub mill-impjegatur, li tqis il-ħtiġijiet tal-impjegatur u tal-ħaddiem. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw il-frekwenza ta’ talbiet bħal dawn. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu li, fil-każ ta’ pożizzjonijiet fis-servizz pubbliku li għalihom isir eżami kompetittiv, dawk il-pożizzjonijiet ma jitqisux bħala disponibbli fuq sempliċi talba tal-ħaddiem, u għalhekk ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt li tintalab forma ta’ impjieg b’kondizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u siguri.

(37)

Meta l-impjegaturi jkunu obbligati bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi li jipprovdu taħriġ lill-ħaddiema sabiex iwettqu x-xogħol li jkunu impjegati għalih, huwa importanti li jiġi żgurat li tali taħriġ jingħata lill-ħaddiema kollha ndaqs, inkluż lil dawk f’forom ta’ impjieg mhux standard. Jenħtieġ li l-ispejjeż ta’ dan it-taħriġ ma jitħallsux mill-ħaddiem u lanqas ma jinżammu jew jitnaqqsu mir-remunerazzjoni tal-ħaddiem. Jenħtieġ li dan it-taħriġ jgħodd bħala ħin tax-xogħol u, jekk jista jkun, jenħtieġ li jitwettaq waqt il-ħinijiet tax-xogħol. Dak l-obbligu ma jkoprix it-taħriġ vokazzjonali jew taħriġ ieħor meħtieġ biex il-ħaddiema jiksbu, iżommu jew iġeddu kwalifika professjonali dment li l-impjegatur ma jkunx obbligat bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali jew permezz ta’ ftehim kollettiv li jipprovdih lill-ħaddiem. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema minn prattiki abbużivi fir-rigward tat-taħriġ.

(38)

Jenħtieġ li l-awtonomija tas-sħab soċjali u l-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u l-impjegaturi jiġu rispettati. Għaldaqstant jenħtieġ li jkun possibbli għas-sħab soċjali li jikkunsidraw li, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva, f’setturi jew f’sitwazzjonijiet speċifiċi jkunu aktar xierqa dispożizzjonijiet differenti milli ċerti standards minimi stabbiliti f’din id-Direttiva. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu lis-sħab soċjali jżommu, jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi li jvarjaw minn ċerti dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva, dment li ma jitnaqqasx il-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

(39)

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali wriet il-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tagħha. L-evalwazzjoni tad-Direttiva 91/533/KEE mwettqa fil-qafas tal-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni kkonfermat li mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom jistgħu jtejbu l-effikaċja tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tax-xogħol. Il-konsultazzjoni wriet li s-sistemi ta’ rimedju bbażati biss fuq talbiet għal danni huma inqas effettivi minn sistemi li jipprevedu penali wkoll, bħal somom f’daqqa jew telf ta’ permessi, għal impjegaturi li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet bil-miktub. Hija wriet ukoll li l-impjegati rari jfittxu rimedju matul ir-relazzjoni tax-xogħol, li jipperikola l-għan tad-dispożizzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub, li hu li tiżgura li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar il-karatteristiċi essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta’ infurzar li jiżguraw l-użu ta’ preżunzjonijiet favorevoli fejn ma tingħatax informazzjoni dwar ir-relazzjoni tax-xogħol, jew l-użu ta’ proċedura li biha l-impjegatur jista’ jkun obbligat jipprovdi l-informazzjoni nieqsa u jista’ jkun soġġett għal penali f’każ li ma jagħmilx hekk, jew it-tnejn. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawn il-preżunzjonijiet favorevoli jinkludu l-preżunzjoni li l-ħaddiem għandu relazzjoni tax-xogħol miftuħa, li ma hemm l-ebda perijodu ta’ prova jew li l-ħaddiem għandu pożizzjoni full-time, meta l-informazzjoni rilevanti tkun nieqsa. Ir-rimedju jista’ jkun soġġett għal proċedura li biha l-impjegatur jiġi notifikat mill-ħaddiem jew minn parti terza bħal rappreżentant tal-ħaddiem, entità jew awtorità kompetenti oħra li jkun hemm informazzjoni nieqsa u li għandu jipprovdi l-informazzjoni sħiħa u korretta mill-aktar fis.

(40)

Mid-Direttiva 91/533/KEE fl-Unjoni ġiet adottata sistema estensiva ta’ dispożizzjonijiet ta’ infurzar għall-acquis soċjali, b’mod partikolari fil-qasam tat-trattament indaqs, li elementi minnha jenħtieġ li jiġu applikati għal din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi u imparzjali, bħal qorti ċivili jew tax-xogħol kif ukoll dritt għal rimedju, li jista’ jinkludi kumpens adegwat, bħalma jipprevedi l-Prinċipju Nru 7 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(41)

Speċifikament, meta titqies in-natura fundamentali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-ħaddiema jenħtieġ li jkomplu jgawdu minn protezzjoni bħal din anke wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol li tkun wasslet għall-allegat ksur tad-drittijiet tal-ħaddiem skont din id-Direttiva.

(42)

L-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva tirrikjedi protezzjoni ġudizzjarja u amministrattiva adegwata kontra kwalunkwe trattament negattiv bħala reazzjoni għal tentattiv sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, kwalunkwe lment mal-impjegatur jew kwalunkwe proċedura legali jew amministrattiva mmirata sabiex tinforza l-konformità ma’ din id-Direttiva.

(43)

Il-ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jgawdu mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija jew kwalunkwe preġudizzju ekwivalenti, pereżempju ħaddiem fuq talba li ma jibqax jiġi assenjat xogħol, jew kwalunkwe tħejjija għall-possibbiltà ta’ tkeċċija għax ħaddiem ikun ipprova jeżerċita dawn id-drittijiet. Jekk ħaddiem jikkunsidra li jkun tkeċċa jew sofra preġudizzju ekwivalenti għal dawk ir-raġunijiet, il-ħaddiem u l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu li l-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għat-tkeċċija jew il-miżura ekwivalenti.

(44)

L-oneru tal-prova fir-rigward tal-istabbiliment li ma kienx hemm tkeċċija jew preġudizzju ekwivalenti minħabba li l-ħaddiema jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li jaqa’ fuq l-impjegaturi meta l-ħaddiema jistabbilixxu, quddiem qorti, awtorità jew korp kompetenti ieħor, fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li tkeċċew, jew li ġew soġġetti għal miżuri b’effett ekwivalenti, għal dawn ir-raġunijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li ma japplikawx dik ir-regola fi proċedimenti fejn ikun il-kompitu ta’ qorti, awtorità jew korp kompetenti ieħor li jinvestigaw il-fatti, partikolarment f’sistemi fejn it-tkeċċija tkun trid tiġi approvata minn qabel minn tali awtorità jew korp.

(45)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi f’din id-Direttiva. Il-penali jistgħu jinkludu penali amministrattivi u finanzjarji, bħal multi jew ħlas ta’ kumpens, kif ukoll tipi oħra ta’ penali.

(46)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol billi jiġi promoss impjieg iktar trasparenti u previdibbli waqt li tiġi żgurata l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(47)

Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk ma taffettwax il-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. Id-drittijiet akkwistati skont il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, dment li ma jkunux introdotti dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża sabiex tnaqqas drittijiet eżistenti stabbiliti fil-liġi eżistenti tal-Unjoni jew nazzjonali f’dan il-qasam u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. B’mod partikolari, jenħtieġ li ma tkunx ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta’ kuntratti “żero-hour” jew tipi ta’ kuntratti simili.

(48)

Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jevalwaw l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrointrapriżi u lill-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

(49)

L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva. Skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, jenħtieġ li jieħdu wkoll miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u biex jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(50)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kwalunkwe miżura adegwata biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, pereżempju billi jwettqu spezzjonijiet, skont il-każ.

(51)

Fid-dawl tal-bidliet sostanzjali introdotti minn din id-Direttiva u fir-rigward tal-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-Direttiva 91/533/KEE, ma jkunx xieraq li dik id-Direttiva tiġi emendata. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 91/533/KEE titħassar.

(52)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (13), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan, suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi impjiegi aktar trasparenti u prevedibbli filwaqt li tiżgura l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi drittijiet minimi li japplikaw għal kull ħaddiem fl-Unjoni li jkollu kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi f’din id-Direttiva għal ħaddiema li għandhom relazzjoni tax-xogħol li fiha l-ħin tax-xogħol determinat minn qabel u effettiv tagħhom ikun ugwali għal jew inqas minn medja ta’ tliet sigħat fil-ġimgħa f’perijodu ta’ referenza ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi. Il-ħin maħdum mal-impjegaturi kollha li jiffurmaw jew jappartjenu għall-istess intrapriża, grupp jew entità għandu jgħodd għal dik il-medja ta’ tliet sigħat.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal relazzjoni tax-xogħol fejn, qabel jibda l-impjieg, ma jiġi determinat minn qabel l-ebda ammont garantit ta’ xogħol imħallas.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw liema persuni huma responsabbli għat-twettiq tal-obbligi għall-impjegaturi stabbiliti b’din id-Direttiva dment li dawk l-obbligi kollha jkunu ssodisfati. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li dawk l-obbligi kollha, jew parti minnhom, jiġu assenjati lil persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx parti mir-relazzjoni tax-xogħol.

Dan il-paragrafu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, għal raġunijiet oġġettivi, li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III ma japplikawx għall-impjegati taċ-ċivil, is-servizzi ta’ emerġenza pubbliċi, il-forzi armati, l-awtoritajiet tal-pulizija, l-imħallfin, il-prosekuturi, l-investigaturi jew servizzi oħra tal-infurzar tal-liġi.

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13 u fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) għal persuni fiżiċi f’unitajiet domestiċi li jaġixxu bħala impjegaturi fejn ikun qed isir xogħol għal dawk l-unitajiet domestiċi.

8.   Il-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva japplika għall-baħħara u għas-sajjieda marittimi mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2009/13/KE u (UE) 2017/159, rispettivament. L-obbligi stabbiliti fil-punti (m) u (o) tal-Artikolu 4(2), u l-Artikoli 7, 9, 10 u 12 ma għandhomx japplikaw għall-baħħara jew is-sajjieda.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“skeda tax-xogħol” tfisser l-iskeda li tiddetermina s-sigħat u l-jiem li fihom tibda u tispiċċa l-prestazzjoni tax-xogħol;

(b)

“sigħat u jiem ta’ referenza” tfisser slots ta’ ħin f’jiem speċifiċi li matulhom ix-xogħol jista’ jsir fuq talba tal-impjegatur;

(c)

“ritmu tax-xogħol” tfisser il-forma tal-organizzazzjoni tal-ħin u t-tqassim tax-xogħol skont ċertu ritmu determinat mill-impjegatur.

Artikolu 3

Għoti ta’ informazzjoni

L-impjegatur għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba minn din id-Direttiva bil-miktub lil kull ħaddiem. L-informazzjoni għandha tingħata u tiġi trażmessa fuq karta jew, sakemm dik l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-ħaddiem, li tista’ tinħażen u tiġi stampata, u li l-impjegatur iżomm prova tat-trażmissjoni jew tal-wasla f’forma elettronika.

KAPITOLU II

INFORMAZZJONI DWAR IR-RELAZZJONI TAX-XOGĦOL

Artikolu 4

Obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jkunu obbligati jinfurmaw lill-ħaddiema dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-identitajiet tal-partijiet fir-relazzjoni tax-xogħol;

(b)

il-post tax-xogħol; meta ma jkunx hemm post tax-xogħol fiss jew ewlieni, il-prinċipju li l-ħaddiem huwa impjegat f’diversi postijiet jew huwa liberu li jiddetermina l-post tax-xogħol tiegħu, u l-post tan-negozju rreġistrat jew, fejn xieraq, id-domiċilju tal-impjegatur;

(c)

jew:

(i)

it-titlu, il-grad, in-natura jew il-kategorija tax-xogħol li għalih huwa impjegat il-ħaddiem jew

(ii)

speċifikazzjoni jew deskrizzjoni qasira tax-xogħol;

(d)

id-data tal-bidu tar-relazzjoni tax-xogħol;

(e)

fil-każ ta’ relazzjoni tax-xogħol b’terminu fiss, id-data tat-tmiem jew it-tul mistenni tagħha;

(f)

fil-każ ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-identità tal-impriżi utenti, meta u malli tkun magħrufa;

(g)

it-tul u l-kondizzjonijiet tal-perijodu ta’ prova, jekk ikun hemm;

(h)

l-intitolament għal taħriġ ipprovdut mill-impjegatur, jekk ikun il-każ;

(i)

l-ammont ta’ leave imħallas li huwa intitolat għalih il-ħaddiem jew, meta dan ma jkunx jista’ jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-proċeduri sabiex dak il-leave jiġi allokat u ddeterminat;

(j)

il-proċedura li l-impjegatur u l-ħaddiem iridu josservaw, li tinkludi r-rekwiżiti formali u t-tul tal-perijodi ta’ avviż, meta r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tintemm jew, meta t-tul tal-perijodi ta’ avviż ma jkunx jista’ jiġi indikat meta tingħata l-informazzjoni, il-metodu sabiex jiġu determinati tali perijodi ta’ avviż;

(k)

ir-remunerazzjoni, inkluż l-ammont bażiku inizjali, kwalunkwe element ta’ komponenti ieħor, jekk applikabbli, indikat separatament, u l-frekwenza u l-metodu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni li l-ħaddiem huwa intitolat għaliha;

(l)

jekk ir-ritmu tax-xogħol ikun imprevedibbli għalkollox, jew fil-biċċa l-kbira, it-tul tal-jum tax-xogħol jew tal-ġimgħa standard tal-ħaddiem u kwalunkwe arranġament għas-sahra u r-remunerazzjoni tagħha u, jekk applikabbli, kwalunkwe arranġament għal bidliet fix-shift;

(m)

jekk ir-ritmu tax-xogħol ikun imprevedibbli għal kollox, jew fil-biċċa l-kbira, l-impjegatur għandu jinforma lill-ħaddiem dwar:

(i)

il-prinċipju li l-iskeda tax-xogħol hija varjabbli, in-numru ta’ sigħat imħallsa garantiti u r-remunerazzjoni għal xogħol imwettaq lil hinn minn dawk is-sigħat garantiti;

(ii)

is-sigħat u l-jiem ta’ referenza li fihom il-ħaddiem jista’ jkun mitlub jaħdem;

(iii)

il-perijodu ta’ preavviż minimu li l-ħaddiem huwa intitolat għalih qabel il-bidu ta’ inkarigu u, jekk applikabbli, l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 10(3) biex l-impjegatur jikkanċella;

(n)

kwalunkwe ftehim kollettiv li jirregola l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem jew fil-każ ta’ ftehimiet kollettivi konklużi barra n-negozju minn korpi jew istituzzjonijiet konġunti speċjali, l-isem ta’ tali korpi jew istituzzjonijiet li fi ħdanha ġew konklużi l-ftehimiet;

(o)

fejn tkun ir-responsabbiltà tal-impjegatur, l-identità tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jirċievu l-kontribuzzjonijiet soċjali marbutin mar-relazzjoni tax-xogħol u kwalunkwe protezzjoni relatata mas-sigurtà soċjali pprovduta mill-impjegatur.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(g) sa (l) u (o) tista’, fejn xieraq, tingħata f’forma ta’ referenza għal-liġijiet, ir-regolamentazzjoni u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw dawk il-punti.

Artikolu 5

Żmien u mezzi ta’ informazzjoni

1.   Jekk ma tkunx ingħatat qabel, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e), (g), (k), (l) u (m) tal-Artikolu 4(2) għandha tingħata individwalment lill-ħaddiem fl-għamla ta’ dokument wieħed jew aktar matul perijodu li jibda fl-ewwel jum tax-xogħol u li jispiċċa mhux aktar tard mis-seba’ jum tal-kalendarju. L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tingħata individwalment lill-ħaddiem fl-għamla ta’ dokument fi żmien xahar mill-ewwel jum tax-xogħol.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw mudelli u formati għad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 u jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem u tal-impjegatur, inkluż billi jagħmluhom disponibbli fuq sit web nazzjonali uffiċjali uniku jew permezz ta’ mezzi xierqa oħrajn.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-liġijiet, ir-regolamentazzjoni u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li japplikaw b’mod universali li jirregolaw il-qafas legali applikabbli li għandha tiġi kkomunikata mill-impjegaturi ssir ġeneralment disponibbli mingħajr ħlas b’mod ċar, trasparenti, komprensiv u faċilment aċċessibbli mill-bogħod u permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż permezz ta’ portals online eżistenti.

Artikolu 6

Bidla fir-relazzjoni tax-xogħol

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fl-aspetti tar-relazzjoni tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 4(2) u kwalunkwe bidla fl-informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema mibgħuta fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz fl-Artikolu 7 għandha tiġi pprovduta fl-għamla ta’ dokument mill-impjegatur lill-ħaddiem mal-ewwel opportunità u mhux aktar tard mill-jum li fih issir effettiva.

2.   Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal bidliet li jirriflettu biss bidla fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi jew statutorji jew fil-ftehimiet kollettivi li jissemmew fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(1), u, meta rilevanti, fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Informazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema mibgħuta fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ikun mitlub jaħdem fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li mhux l-Istat Membru li fih jaħdem normalment, l-impjegatur għandu jipprovdi d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(1) qabel it-tluq tal-ħaddiem u d-dokumenti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-pajjiż jew il-pajjiżi li fihom se jitwettaq ix-xogħol barra mill-pajjiż u t-tul antiċipat tiegħu;

(b)

il-munita li għandha tintuża għall-ħlas tar-remunerazzjoni;

(c)

jekk applikabbli, il-benefiċċji fi flus kontanti jew in natura relatati mal-inkarigu;

(d)

informazzjoni dwar jekk hijiex prevista r-ripatrijazzjoni u, jekk iva, il-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-ripatrijazzjoni tal-ħaddiem.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ħaddiem stazzjonat kopert mid-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi nnotifikat ukoll dwar:

(a)

ir-remunerazzjoni li l-ħaddiem huwa intitolat għaliha skont il-liġi applikabbli tal-Istat Membru ospitanti;

(b)

fejn applikabbli, kwalunkwe konċessjoni speċifika għall-istazzjonar u kwalunkwe arranġament biex jiġi rimborżat l-infiq fuq il-vjaġġi, l-ikel u l-akkomodazzjoni;

(c)

il-link għas-sit web nazzjonali uffiċjali uniku żviluppat mill-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

3.   L-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-punt (a) tal-paragrafu 2 tista’, fejn xieraq, tingħata f’forma ta’ referenza għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġijiet, ir-regolamentazzjoni u l-atti amministrattivi jew statutorji jew il-ftehimiet kollettivi li jirregolaw dik l-informazzjoni.

4.   Sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux mod ieħor, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk it-tul ta’ kull perijodu tax-xogħol barra mill-Istat Membru li fih jaħdem normalment il-ħaddiem ikun ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi jew inqas.

KAPITOLU III

REKWIŻITI MINIMI RELATATI MAL-KONDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

Artikolu 8

Tul massimu ta’ kwalunkwe perijodu ta’ prova

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta relazzjoni tax-xogħol tkun soġġetta għal perijodu ta’ prova kif definit fil-liġi jew fil-prattika nazzjonali, dak il-perijodu ma jaqbiżx is-sitt xhur.

2.   Fil-każ ta’ relazzjonijiet tax-xogħol b’terminu fiss, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul ta’ tali perijodu ta’ prova jkun proporzjonat mat-tul mistenni tal-kuntratt u n-natura tax-xogħol. Fil-każ tat-tiġdid ta’ kuntratt għall-istess funzjoni u kompiti, ir-relazzjoni tax-xogħol ma għandhiex tkun soġġetta għal perijodu ta’ prova ġdid.

3.   L-Istati Membri, fuq bażi eċċezzjonali, jistgħu jipprevedu perijodi ta’ prova itwal fejn dan ikun ġustifikat minħabba n-natura tal-impjieg jew ikun fl-interess tal-ħaddiem. Fejn il-ħaddiem kien nieqes mix-xogħol matul il-perijodu ta’ prova, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-perijodu ta’ prova jkun jista’ jiġi estiż b’mod korrispondenti, skont kemm ikun dam nieqes.

Artikolu 9

Impjieg parallel

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegatur ma jwaqqafx ħaddiem milli jaħdem ma’ impjegaturi oħrajn, lil hinn mill-iskeda tax-xogħol stabbilita ma’ dak l-impjegatur, u lanqas ma jimmaltratta lil ħaddiem talli jkun għamel hekk.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-użu ta’ restrizzjonijiet ta’ inkompatibbiltà min-naħa tal-impjegaturi, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, bħalma huma s-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità kummerċjali, l-integrità tas-servizz pubbliku jew l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess.

Artikolu 10

Prevedibbiltà minima tax-xogħol

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta r-ritmu tax-xogħol ta’ ħaddiem ikun imprevedibbli għalkollox, jew fil-biċċa l-kbira, l-impjegatur ma għandux jobbliga lill-ħaddiem jaħdem sakemm ma jiġux issodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ix-xogħol isir f’sigħat u jiem ta’ referenza determinati minn qabel kif imsemmi fil-punt (m)(ii) tal-Artikolu 4(2); u

(b)

il-ħaddiem ikun infurmat mill-impjegatur tiegħu dwar inkarigu f’perijodu ta’ avviż raġonevoli, stabbilit skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika nazzjonali kif msemmi fil-punt (m)(iii) tal-Artikolu 4(2).

2.   Meta wieħed mir-rekwiżiti jew iż-żewġ rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jiġux issodisfati, ħaddiem għandu jkollu d-dritt jirrifjuta inkarigu mingħajr konsegwenzi negattivi.

3.   Meta l-Istati Membri jippermettu lil impjegatur jikkanċella inkarigu mingħajr kumpens, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika nazzjonali, biex jiżguraw li l-ħaddiem ikun intitolat għal kumpens jekk l-impjegatur jikkanċella, wara skadenza raġonevoli u speċifika, l-inkarigu miftiehem minn qabel mal-ħaddiem.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika nazzjonali.

Artikolu 11

Miżuri komplementari għall-kuntratti fuq talba

Meta l-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ xogħol fuq talba jew kuntratti ta’ impjieg simili, għandhom jieħdu waħda mill-miżuri li ġejjin jew aktar biex jimpedixxu prattiki abbużivi:

(a)

limitazzjonijiet fuq l-użu u t-tul ta’ kuntratti għal xogħol fuq talba jew kuntratti tax-xogħol simili;

(b)

suppożizzjoni konfutabbli dwar l-eżistenza ta’ kuntratt tax-xogħol li jipprevedi ammont minimu ta’ sigħat imħallsa abbażi tal-medja ta’ sigħat maħduma f’perijodu partikolari;

(c)

miżuri ekwivalenti oħra li jiżguraw il-prevenzjoni effettiva ta’ prattiki abbużivi.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri.

Artikolu 12

Tranżizzjoni għal forma oħra ta’ impjieg

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ħaddiem li jkun ħadem mill-inqas sitt xhur mal-istess impjegatur, li jkun temm il-perijodu ta’ prova tiegħu, jekk ikun il-każ, jista’ jitlob forma ta’ impjieg b’kondizzjonijiet tax-xogħol aktar prevedibbli u siguri jekk ikun disponibbli u jirċievi risposta motivata bil-miktub. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-frekwenza tat-talbiet li jiskattaw l-obbligu skont dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegatur jipprovdi r-risposta motivata bil-miktub msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien xahar mit-talba. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu bħala impjegaturi u intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li dik l-iskadenza tiġi estiża għal mhux aktar minn tliet xhur u jippermettu li tingħata risposta bil-fomm għal talba sussegwenti simili mressqa mill-istess ħaddiem jekk il-ġustifikazzjoni għat-tweġiba fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem tibqa’ l-istess.

Artikolu 13

Taħriġ obbligatorju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jkunu jirrikjedu li impjegatur jipprovdi t-taħriġ lil ħaddiem sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol li jkun ġie impjegat għalih, dan it-taħriġ għandu jingħata lill-ħaddiem mingħajr ħlas, jgħodd bħala ħin tax-xogħol u, fejn possibbli, għandu jsir waqt il-ħinijiet tax-xogħol.

Artikolu 14

Ftehimiet kollettivi

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li s-sħab soċjali jżommu, jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi, f’konformità mal-liġi jew mal-prattika nazzjonali, li, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema, jistabbilixxu arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli minn 8 sa 13.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 15

Preżunzjonijiet legali u mekkaniżmu għal soluzzjoni bikrija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ħaddiem ma jkunx irċieva fil-ħin id-dokumenti kollha, jew parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 6, għandha tapplika waħda minn dawn li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

il-ħaddiem għandu jibbenefika minn preżunzjonijiet favorevoli definiti mill-Istat Membru li l-impjegaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jirribattu;

(b)

il-ħaddiem għandu jkollu l-possibbiltà li jressaq ilment lill-awtorità jew korp kompetenti u li jirċievi rimedju adegwat b’mod effettiv u f’waqtu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet u l-mekkaniżmu msemmija fil-paragrafu 1 tkun soġġetta għan-notifika tal-impjegatur u n-nuqqas tiegħu li jipprovdi l-informazzjoni nieqsa f’waqtha.

Artikolu 16

Dritt għal rimedju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema, inklużi dawk li r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tkun intemmet, ikollhom aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

L-Istati Membri għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, inklużi dawk li jkunu rappreżentanti tal-ħaddiema, minn kwalunkwe trattament negattiv min-naħa tal-impjegatur u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem l-impjegatur jew li jirriżultaw minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.

Artikolu 18

Protezzjoni mit-tkeċċija u oneru tal-provi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu t-tkeċċija jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għat-tkeċċija tal-ħaddiema għal raġuni li jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.

2.   Ħaddiema li jikkunsidraw li jkunu tkeċċew, jew li kienu soġġetti għal miżuri b’effett ekwivalenti, għal raġuni li jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għat-tkeċċija jew il-miżuri ekwivalenti. L-impjegatur għandu jagħti dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, meta l-ħaddiema msemmija fil-paragrafu 2 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità jew korp kompetenti oħrajn, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm tkeċċija ta’ dan it-tip jew il-miżuri ekwivalenti, għandu jkun l-impjegatur li juri li t-tkeċċija kienet ibbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.

5.   L-Istati Membri ma għandhomx jinħtieġu japplikaw il-paragrafu 3 għal proċedimenti fejn huma l-qorti jew awtorità jew korp kompetenti oħrajn li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istat Membru.

Artikolu 19

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fl-Istati Membri.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamentazzjoni jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-ħaddiema minn atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 21

Traspożizzjoni u implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Awwissu 2022. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u biex jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li tiġi implimentata din id-Direttiva.

5.   L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva.

Artikolu 22

Arranġamenti tranżitorji

Id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kull relazzjoni tax-xogħol sal-1 ta’ Awwissu 2022. Madankollu, impjegatur għandu jipprovdi jew jikkomplementa d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 fuq talba ta’ ħaddiem li huwa diġà impjegat f’dik id-data biss. In-nuqqas ta’ tali talba ma għandux ikollu l-effett li jeskludi lill-ħaddiema mid-drittijiet minimi stabbiliti skont l-Artikoli minn 8 sa 13.

Artikolu 23

Rieżami mill-Kummissjoni

Sal-1 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni u filwaqt li tqis l-impatt fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, twettaq rieżami tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi leġislattivi.

Artikolu 24

Tħassir

Id-Direttiva 91/533/KEE għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2022. Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 39.

(2)  ĠU C 387, 25.10.2018, p. 53.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2019.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).

(5)  Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum vs Land Baden-Württemberg, C-66/85, ECLI:EU:C:1986:284; l-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère vs Premier ministre et., C-428/09, ECLI:EU:C:2010:612; id-9 ta’ Lulju 2015, Ender Balkaya vs Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH, C-229/14, ECLI:EU:C:2015:455; l-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media vs Staat der Nederlanden, C-413/13, ECLI:EU:C:2014:2411; u s-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik gGmbH vs Ruhrlandklinik gGmbH, C-216/15, ECLI:EU:C:2016:883.

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12).

(8)  Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).

(9)  Id-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta’ titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 1).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet għall-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fil-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46).

(11)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

(13)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(14)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(15)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).


Top