ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 13

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
16ta' Jannar 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/107 tad-9 ta’ Jannar 2023 li jirreġistra isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [Châtaigne des Cévennes (DOP)]

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/108 tad-9 ta’ Jannar 2023 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti Pitina (IĠP)

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2023/109 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-11 ta’ Jannar 2023 li taħtar Imħallef fil-Qorti Ġenerali

4

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/110 tat-12 ta’ Jannar 2023 li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida) fl-Italja u fi Franza u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/597 (notifikata bid-dokument C(2023) 194)  ( 1 )

5

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni ( ĠU L 328, 22.12.2022 )

9

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/107

tad-9 ta’ Jannar 2023

li jirreġistra isem fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti [“Châtaigne des Cévennes” (DOP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-talba ta’ Franza għar-reġistrazzjoni tal-isem “Châtaigne des Cévennes” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ għalhekk li l-isem “Châtaigne des Cévennes” jiġi rreġistrat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Châtaigne des Cévennes” (DOP) huwa b’dan irreġistrat.

L-isem imsemmi fl-ewwel subparagrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 346, 9.9.2022, p. 7.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/108

tad-9 ta’ Jannar 2023

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem irreġistrat fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Pitina” (IĠP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 53(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pitina”, irreġistrata skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/930 (2).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhix minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba biex issir emenda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), kif stipulat fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-modifika tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-isem “Pitina” (IĠP), hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/930 tad-19 ta’ Ġunju 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “Pitina” (IĠP) (ĠU L 165 2.7.2018, p. 12).

(3)   ĠU C 312 17.8.2022, p. 9.


DEĊIŻJONIJIET

16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/4


DEĊIŻJONI (UE) 2023/109 TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

tal-11 ta’ Jannar 2023

li taħtar Imħallef fil-Qorti Ġenerali

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 254 u 255 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-mandati ta’ 27 Imħallef fil-Qorti Ġenerali skadew fil-31 ta’ Awwissu 2022, inkluż dak tas-Sa Beatrix RICZIOVÁ, li nħatret Imħallef fil-Qorti Ġenerali, fuq proposta tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1046 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (1). Għandha tiġi nnominata persuna biex timtela din il-kariga għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Awwissu 2028.

(2)

Is-Sa Beatrix RICZIOVÁ ġiet innominata bil-ħsieb li jiġġedded il-mandat tagħha bħala Mħallef fil-Qorti Ġenerali.

(3)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ta opinjoni favorevoli dwar l-idoneità ta’ din il-kandidata għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sa Beatrix RICZIOVÁ hija b’dan maħtura Mħallef fil-Qorti Ġenerali għall-perjodu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Awwissu 2028.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2023.

Il-President

L. DANIELSSON


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1046 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tad-29 ta’ Ġunju 2022 li taħtar Imħallfin fil-Qorti Ġenerali (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 77).


16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/110

tat-12 ta’ Jannar 2023

li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida) fl-Italja u fi Franza u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/597

(notifikata bid-dokument C(2023) 194)

(It-testi bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) il-punt (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida) hija insett nattiv tal-Afrika sub-Saħarjana, li nfirex mad-dinja kollha f’dawn l-aħħar deċennji u huwa kapaċi jimmultiplika malajr b’mod partikolari fejn iku hemm id-duqqajs, l-għabra tad-dakra u l-għasel fix-xehda. L-eżemplari adulti huma kapaċi jtiru bosta kilometri biex jinvadu postijiet oħra. L-infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429, u fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2).

(2)

L-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) hija fil-biċċa l-kbira assenti mill-Unjoni, iżda seħħew infestazzjonijiet f’ċerti żoni fl-Italja minn Settembru 2014. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE (3) stabbiliet ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-infestazzjonijiet ikkonfermati tal-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) fl-Italja. Dawk il-miżuri ddaħħlu fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/597 (4). Bħalissa huwa biss ir-Reġjun tal-Calabria li hu elenkat fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni bħala żona soġġetta għal dawk il-miżuri protettivi.

(3)

Dan l-aħħar Franza nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) li nstabet fid-Dipartiment Franċiż ta’ Reunion u infurmatha wkoll bil-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ. It-tixrid tal-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) miż-żona affettwata fi Franza jista’ jkun periklu serju għan-naħal tal-għasel u għan-naħal bagħli f’postijiet oħra fl-Unjoni. Il-miżuri li ħadet Franza jaqblu ma’ dawk li ħadet l-Italja u li huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/597 u huma meqjusa sodisfaċenti biex irażżnu t-tixrid tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala.

(4)

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm ebda tfixkil bla bżonn tal-kummerċ fl-Unjoni, biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, kif ukoll biex jiġi evitat kull tixrid tal-infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala) lejn żoni oħra tal-Unjoni, jixraq li d-Dipartiment Franċiż ta’ Reunion jiżdied mal-lista tal-Istati Membri jew taż-żoni tagħhom li huma soġġetti għal restrizzjoni minħabba infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala).

(5)

Minħabba d-diffikultajiet li ġarrbet l-awtorità kompetenti f’dawn l-aħħar snin biex teqred il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-Istati Membri affettwati, dawn il-miżuri jenħtieġ li japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(6)

Sabiex jinkiseb test ċar u konsistenti, jixraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/597 titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kaxxa tan-naħal” tfisser kontenitur fejn jinżamm in-naħal tal-għasel jew in-naħal bagħli;

(b)

“miġbħa” tfisser stabbiliment li jżomm in-naħal tal-għasel jew in-naħal bagħli;

(c)

“prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati” tfisser għasel, xama’ tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew għabra tad-dakra mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif iddefinit fil-punt 10 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (5) li ma jkunux għaddew minn xi proċedura ta’ proċessar kif imsemmi fil-Kapitolu II, it-Taqsima 1, it-Tabella 2 ir-ringiela 10 tar-raba’ kolonna tal-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament;

(d)

“tagħmir għat-trobbija tan-naħal” tfisser il-kaxex tan-naħal użati, il-komponenti tal-kaxex tan-naħal u l-għodod użati f’miġbħa.

Artikolu 2

1.   L-Italja għandha tiżgura li jiġu implimentati l-miżuri ta’ emerġenza li ġejjin fiż-żoni elenkati fl-Anness:

(a)

projbizzjoni fuq id-dispaċċ tal-komoditajiet li ġejjin lejn żoni oħra tal-Unjoni:

(i)

naħal tal-għasel;

(ii)

naħal bagħli;

(iii)

prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati;

(iv)

tagħmir għat-trobbija tan-naħal;

(v)

prodotti tal-apikultura fix-xehda maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(b)

it-twettiq ta’ sorveljanza fil-kaxex tan-naħal u fl-imġiebaħ u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, fosthom:

(i)

l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-movimenti tal-komoditajiet imsemmija fil-punt (a) lejn u mill-imġiebaħ u l-istabbilimenti tal-estrazzjoni tal-għasel li jinsabu f’żona b’raġġ ta’ 20 km madwar il-kaxxa/kaxex tan-naħal fejn tkun ġiet ikkonfermata infestazzjoni bl-Aethina tumida (il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala);

(ii)

in-notifika lill-Kummissjoni tar-riżultati ta’ dawn is-sorveljanza u l-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi.

2.   Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza u tal-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi previsti fil-paragrafu 1(b), Franza u l-Italja jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ emerġenza xierqa addizzjonali skont l-Artikolu 257 tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/597 hija b’dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza u lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi kkonfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 161).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/597 tat-12 ta’ April 2021 li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-Italja (ĠU L 128, 14.4.2021, p. 4).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

Lista ta’ Stati Membri jew żoni tagħhom soġġetti għall-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 2(1)

Stat Membru

Żoni soġġetti għall-miżuri ta’ emerġenza

Franza

Id-Dipartiment ta’ Reunion

L-Italja

Ir-Reġjun ta’ Calabria: ir-Reġjun kollu


Rettifika

16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/9


Rettifika għad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 328 tat-22 ta’ Diċembru 2022 )

Fil-paġna tal-qoxra u f’paġni 1 u 58, id-data tal-adozzjoni (it-titolu u l-firma) tad-Direttiva,

minflok:

“ 14 ta’ Diċembru 2022 ”,

aqra:

“ 15 ta’ Diċembru 2022 ”.