19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/79


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 21/14/COL

tad-29 ta' Jannar 2014

li temenda, għat-tlieta u disgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), b'mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, (2) u b'mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu,

Billi:

Il-Kapitolu fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (3) (il-Linji Gwida RŻI) skada fil-31 ta' Diċembru 2013 (4),

Dak il-Kapitolu jikkorrispondi għall-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (5) li skada wkoll fil-31 ta' Diċembru 2013 (6),

Fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ippubblikat Komunikazzjoni li tikkonċerna l-estensjoni għall-applikazzjoni tal-Qafas Komunitarju għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni sat-30 ta' Ġunju 2014 (7).

L-estensjoni kienet adottata mill-Kummissjoni fid-dawl tar-reviżjoni proposta attwali tagħha tal-Linji Gwida RŻI (8) u fil-kuntest tal-proċess kumplessiv għall-modernizzazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat (9), u huwa b'mod partikolari interkonness mill-qrib mar-reviżjoni proposta parallela tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (10).

Sabiex ikun żgurat approċċ konsistenti mal-istrumenti tal-għajnuna mill-Istat, b'kunsiderazzjoni għall-bżonn ta' kontinwità u ċertezza tad-dritt fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, il-Kapitolu attwali dal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri għandu jiġġedded.

Il-Kummissjoni u l-Istati tal-EFTA ġew ikkonsultati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 178 tal-Kapitolu fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) taqra kif ġej:

“(178)

Dan il-Kapitolu se jkun applikabbli sat-30 ta' Ġunju 2014”.

Artikolu 2

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2014.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Frank BÜCHEL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Il-“Ftehim taż-ŻEE”.

(2)  Il-“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(3)  ĠU L 305, 19.11.2009, p. 1, Suppliment taż-ŻEE Nru 60, 19.11.2009, p. 1.

(4)  Ara l-paragrafu 178 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni.

(5)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(6)  Ara l-punt 10.3, it-tieni paragrafu tal-Qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

(7)  ĠU C 360, 10.12.2013, p. 1.

(8)  Konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-Qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni nfetħet fl-20.12.2013. L-abbozz huwa aċċessibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_rdi/index_en.html

(9)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) COM(2012) 209 finali.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3. Konsultazzjoni dwar abbozz għall-GBER tal-UE nfetħet fit-18.12.2013. L-abbozz huwa aċċessibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_consolidated_gber/index_en.html