9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/5


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10702 – KPS CAPITAL PARTNERS / REAL ALLOY EUROPE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 346/04)

1.   

Fil-31 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Speira BidCo I GmbH (il-Ġermanja), kif ikkontrollata minn Speira (il-Ġermanja), li min-naħa tagħha hija finalment ikkontrollata minn KPS Capital Partners, LP (“KPS”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Real Alloy UK Holdco Ltd (“Real Alloy UK”, l-Ingilterra), ikkontrollata minn Real Alloy Holding, LLC (l-Istati Uniti tal-Amerka),

Evergreen Holding GmbH (“Evergreen”, il-Ġermanja), ikkontrollata minn Real Alloy Holding, LLC (l-Istati Uniti tal-Amerka).

Speira BidCo I GmbH se takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Real Alloy UK u Evergreen (“Real Alloy Europe”). Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

KPS tiġġestixxi fondi ta’ investiment fuq skala globali permezz tal-entitajiet ta’ ġestjoni affiljati tagħha, filwaqt li tiffoka fost l-oħrajn fuq kumpaniji tal-manifattura u industrijali, f’firxa varjata ta’ industriji, inklużi diversi manifatturi ta’ prodotti tal-aluminju, li huma attivi wkoll fiż-ŻEE u madwar id-dinja.

Speira BidCo I GmbH hija kumpanija ta’ portafoll ikkontrollata esklużivament minn Speira. Finalment ikkontrollata minn KPS, Speira hija manifattur ta’ prodotti avvanzati tal-aluminju rrumblati ċatti (flat rolled aluminium products, “FRPs”). L-FRPs huma grupp ta’ prodotti tal-aluminju ċatti nofshom lesti li jistgħu jintużaw għal għadd ta’ applikazzjonijiet, inkluż fl-industriji tal-karozzi, tal-imballaġġ, tal-istampar, tal-inġinerija, tal-bini u tal-kostruzzjoni.

Real Alloy Europe tinkludi n-negozju kollu taż-ŻEE u tar-Renju Unit tar-Real Alloy Group, li huwa attiv fir-riċiklaġġ ta’ prodotti tal-aluminju u fil-produzzjoni ta’ funderiji u ligi maħduma fl-Ewropa u fl-Amerka ta’ Fuq. Evergreen, permezz tas-sussidjarji tagħha u ta’ diversi impjanti fil-Ġermanja, fi Franza u fin-Norveġja, kienet involuta fil-forniment, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tar-ruttam tal-aluminju u tal-manjeżju, tal-ħmieġ tal-metalli, tal-gagazza tal-melħ u tal-prodotti sekondarji tagħha, u tipproduċi ligi tal-aluminju sekondarji u manjeżju sekondarju. Real Alloy UK hija involuta fl-akkwist, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ ruttam tal-aluminju, ħmieġ tal-metalli, gagazza tal-melħ u prodotti sekondarji tagħha u fil-produzzjoni ta’ ligi tal-aluminju sekondarji. Għalhekk, iż-żewġ kumpaniji fil-mira jistgħu jiġu deskritti bħala terzi riċiklaturi tal-aluminju u tal-manjeżju u produttur tal-liga ta’ speċifikazzjoni.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10702 – KPS CAPITAL PARTNERS / REAL ALLOY EUROPE

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: [email protected]

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).