5.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/115


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2035

tat-28 ta’ Ġunju 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(5), 87(3), 94(3), 97(2), 101(3), 106(1), 118(1) u (2), 119(1) u 122(2), l-Artikoli 271(2) u 279(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard trażmessibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inklużi, fost l-oħrajn, ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u r-regoli għat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis fl-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati. Għalhekk jixraq li jiġu adottati dawn ir-regoli supplimentari biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-sistema fil-qafas legali l-ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/429.

(2)

B’mod partikolari, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jissupplimentaw dawk stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu I tal-Parti IV tar-Regolament (UE) 2016/429 rigward l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tat-trasportaturi involuti fit-trasport ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma għajr l-annimali ungulati, l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri li huma ta’ riskju għas-saħħa tal-annimali, u l-approvazzjoni tal-imfaqas, ir-reġistri tat-trasportaturi u tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis li jridu jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti, l-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi, u r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-annimali terrestri miżmuma u għall-bajd għat-tifqis. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi r-regoli li jiżguraw li l-Parti IV tiegħu tiġi applikata b’mod korrett għall-movimenti ta’ annimali domestiċi, għajr il-movimenti mhux kummerċjali. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula wkoll ir-regoli rigward il-movimenti ta’ dan it-tip.

(3)

Il-“bajd għat-tifqis” jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “prodotti ġerminali” stabbilita fil-punt 28 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429, u għaldaqstant huma soġġetti għar-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament għall-prodotti ġerminali. Fl-istess ħin, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament għat-tjur u l-għasafar miżmuma għandhom japplikaw ukoll għall-bajd għat-tifqis ta’ dawk l-għasafar u għalhekk jenħtieġ li l-bajd għat-tifqis u l-istabbilimenti li jfornuhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(4)

Filwaqt li jenħtieġ li r-regoli supplimentari stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu applikati għall-annimali terrestri miżmuma kollha, hemm ċerti popolazzjonijiet ta’ żwiemel miżmuma f’kundizzjonijiet fis-selvaġġ jew parzjalment fis-selvaġġ f’żoni definiti fl-Unjoni li ma jiddependux kompletament fuq il-kontroll tal-bniedem għas-sopravivenza u r-riproduzzjoni, u għalhekk ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu applikati għalkollox għal dawk l-annimali. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jiċċara li filwaqt li r-regoli dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 ġeneralment japplikaw għal dawn l-annimali ta’ speċijiet ekwini domestiċi, huma meħtieġa ċerti derogi speċifiċi peress li mhuwiex possibbli li r-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma jiġu applikati għaż-żwiemel li jgħixu barra mill-kontroll tal-bniedem.

(5)

Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament jissupplimentaw ir-regoli stabbiliti fil-Parti IX tar-Regolament (UE) 2016/429, fir-rigward tal-miżuri tranżitorji għall-protezzjoni tad-drittijiet miksuba u l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill-atti tal-Unjoni li diġà jeżistu.

(6)

Ir-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament huma sostanzjalment marbuta u japplikaw għall-operaturi li jittrasportaw jew iżommu l-annimali terrestri jew il-bajd għat-tifqis. Għalhekk, fl-interess tal-koerenza, tas-sempliċità u għall-applikazzjoni effettiva tagħhom, u biex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att wieħed minflok ma jkunu mxerrdin f’għadd ta’ atti separati li fihom ħafna kontroreferenzi. Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament (UE) 2016/429, li kien li jissimplifika r-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u b’hekk jagħmilhom aktar trasparenti u eħfef biex jiġu applikati.

(7)

L-Artikolu 87(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tispeċifika t-tipi ta’ trasportaturi għajr dawk involuti fit-trasport ta’ annimali ungulati miżmuma, minn Stat Membru għal ieħor jew minn Stat Membru lejn pajjiż terz, li l-attività ta’ trasport tagħhom tippreżenta riskji speċifiċi u sinifikanti għal ċerti speċijiet ta’ annimali, u li tistipula r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom dawk it-trasportaturi sabiex ikunu rreġistrati skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk, sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ twettaq b’mod effiċjenti attività ta’ sorveljanza, kif ukoll tipprevjeni, tikkontrolla u teqred il-mard trażmissibbli tal-annimali, jixraq li f’dan ir-Regolament tiġi stabbilita lista tat-tipi l-oħra ta’ trasportaturi u li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-informazzjoni li jridu jipprovdu biex jiġu rreġistrati mill-awtorità kompetenti.

(8)

L-Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-annimali ungulati miżmuma jistgħu jinġarru lejn Stat Membru ieħor biss jekk dawk l-annimali jkunu miġburin fi stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti skont dak ir-Regolament. L-Artikolu 94(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jipprovdu derogi mir-rekwiżit li trid issir applikazzjoni lill-awtorità kompetenti biex tinkiseb l-approvazzjoni għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti, meta dawk l-istabbilimenti jippreżentaw riskju insinifikanti.

(9)

Minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-annimali ekwini li mhux dejjem jinżammu primarjament għal skopijiet ta’ produzzjoni tal-ikel, iżda ta’ spiss jinżammu għal skopijiet ta’ rikreazzjoni u sport, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawk l-annimali jinġabru fi stabbiliment sempliċement sabiex jinġarru lejn Stat Membru ieħor, għal skopijiet bħall-parteċipazzjoni f’wirjiet, f’avvenimenti sportivi, kulturali jew simili, jixraq li tingħata deroga f’dan ir-Regolament mir-rekwiżiti għall-operaturi ta’ dawk l-istabbilimenti li japplikaw għal approvazzjoni mal-awtorità kompetenti peress li dawk l-istabbilimenti jippreżentaw riskju insinifikanti għas-saħħa tal-annimali u l-ebda perjodu ta’ residenza ma japplika fil-każ tal-mard elenkat għall-annimali ekwini.

(10)

L-Artikolu 94(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-bajd għat-tifqis jista’ jinġarr biss għal Stat Membru ieħor jekk dak il-bajd ikun ġej minn stabbiliment approvat mill-awtorità kompetenti skont dak ir-Regolament. Il-bajd għat-tifqis tat-tjur jew ta’ għasafar oħra miżmuma jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-bajd għat-tifqis stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429, u għaldaqstant l-operaturi ta’ stabbilimenti li jipproduċu dak il-bajd li jkun maħsub biex jinġarr lejn Stat Membru ieħor huma meħtieġa japplikaw għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom mal-awtorità kompetenti.

(11)

Madankollu, l-imfaqas tal-għasafar miżmuma ma jippreżentawx l-istess riskju għas-saħħa mit-tixrid tal-mard elenkat bħall-imfaqas tat-tjur. L-importanza u l-volum tal-produzzjoni ta’ flieles li jkunu għadhom kemm faqqsu u ta’ bajd għat-tifqis ta’ għasafar miżmuma huma ħafna inqas minn dawk tat-tjur għall-produzzjoni agrikola. Barra minn hekk, iċ-ċirkwiti tal-attività kummerċjali tal-produzzjoni tat-tjur u tal-għasafar miżmuma, u b’mod partikolari dawk tal-bajd għat-tifqis, huma distinti minn xulxin u l-kuntatt bejniethom huwa limitat. Għalhekk, ir-riskju ta’ tixrid ta’ mard elenkat għat-tjur permezz tal-movimenti ta’ flieles li jkunu għadhom kemm faqqsu u bajd għat-tifqis ta’ għasafar miżmuma huwa limitat. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi deroga għall-operaturi tal-imfaqas tal-għasafar miżmuma mir-rekwiżit li trid issir applikazzjoni lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

(12)

L-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-annimali ungulati, it-tjur miżmuma u l-bajd għat-tifqis jistgħu jinġarru biss fi Stat Membru ieħor jekk dawk l-annimali jew il-bajd għat-tifqis kienu nġabru fi stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti skont dak ir-Regolament jew jekk joriġinaw minnhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-annimali terrestri miżmuma fi stabbiliment bi status konfinat jistgħu jinġarru lejn l-istabbiliment tagħhom jew ’l barra minnu biss jekk dan ikun kiseb approvazzjoni għal dak l-istatus mill-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dak ir-Regolament. L-awtorità kompetenti tista’ tapprova dawk l-istabbilimenti biss jekk jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti, dwar il-kwarantina, l-iżolazzjoni u miżuri ta’ bijosigurtà oħra, is-sorveljanza, il-faċilitajiet u t-tagħmir, il-persunal u l-veterinarji, kif ukoll is-superviżjoni mill-awtorità kompetenti. L-Artikolu 97(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu r-regoli supplimentari għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jqisu dawn ir-rekwiżiti.

(13)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-approvazzjoni ta’ dawk l-istabbilimenti jqisu l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 64/432/KEE (2), 92/65/KEE (3) u 2009/158/KE (4). Dawk id-Direttivi huma mħassra bir-Regolament (UE) 2016/429 b’effett mill-21 ta’ April 2021.

(14)

L-Artikolu 94(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistabbilixxu liema tipi oħra ta’ stabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma huma wkoll meħtieġa li jiġu approvati mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 94(1) ta’ dak ir-Regolament. L-għadd ta’ klieb, qtates u inmsa li joriġinaw minn stabbilimenti differenti, jew klieb, qtates u inmsa li kienu jgħixu fit-triq, jew li huma selvaġġi, mitlufa, abbandunati jew ikkonfiskati li jkunu miġbura fi stabbilimenti bil-għan li jinġabru f’kunsinna qabel ma jinġarru lejn Stat Membru ieħor qed jikber. Id-Direttiva 92/65/KEE diġà tistipula r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment ta’ dawk l-annimali lejn Stat Membru ieħor. Madankollu, sabiex titwettaq sorveljanza adegwata u jiġu applikati miżuri sanitarji preventivi bbażati fuq il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Istat Membru, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi li dawk l-istabbilimenti japplikaw għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti filwaqt li jistipula wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ din l-approvazzjoni.

(15)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 (5) jistipula r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li jridu jitħarsu mill-operaturi tal-postijiet ta’ kontroll li japplikaw għall-approvazzjoni mal-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jinżammu, iżda jridu jiġu aġġornati b’dan ir-Regolament minħabba li wrew li huma effettivi fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard tal-annimali fl-Unjoni.

(16)

Fil-maġġoranza tal-każijiet, in-naħal bagħli jitrabba fi stabbilimenti iżolati ambjentalment li huma soġġetti għal livell għoli ta’ miżuri ta’ bijosigurtà u li huma soġġetti għall-kontrolli b’mod regolari mill-awtorità kompetenti u vverifikati għall-preżenza ta’ mard. Meta dawk l-istabbilimenti jkunu rikonoxxuti u ssorveljati mill-awtorità kompetenti, x’aktarx li ma jiġux affettwati mill-preżenza tal-ħanfusa ż-żgħira tal-ġabsala, b’kuntrast mal-kolonji fil-miftuħ. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi li dawn l-istabbilimenti jiġu approvati u ssorveljati mill-awtorità kompetenti u jistipula r-rekwiżiti għall-għoti ta’ din l-approvazzjoni.

(17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 (6) jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina ta’ tali importazzjonijiet. B’mod partikolari huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-faċilitajiet ta’ kwarantina u taċ-ċentri għall-għasafar ta’ dan it-tip. Sabiex tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli għall-istabbilimenti ta’ kwarantina għal speċijiet differenti ta’ annimali terrestri, jenħtieġ li dan ir-Regolament iżomm il-qofol ta’ dawk ir-rekwiżiti, iżda jadattahom sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati għal diversi speċijiet ta’ annimali terrestri.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti dderivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u mminimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf. B’mod partikolari, jistipula r-regoli dwar il-ġbir, it-trasport, il-ħżin, l-immaniġġjar, l-ipproċessar u l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali, fosthom annimali li jkunu nqatlu biex jinqered il-mard epiżootiku, biex jiġi evitat li dawn ikunu ta’ riskju għas-saħħa tal-annimali kif ukoll għas-saħħa pubblika. Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 flimkien ma’ għadd ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament, jipprovdu qafas ġenerali għar-rimi tal-annimali mejta. Meta tapprova stabbilimenti skont l-Artikoli 97 u 99 tar-Regolament (UE) 2016/429, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiżgura li l-applikanti jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

(19)

L-Artikolu 101(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-awtoritajiet kompetenti jridu jistabbilixxu u jżommu reġistri aġġornati tal-istabbilimenti u tal-operaturi rreġistrati u approvati minnhom, u li dawk ir-reġistri jridu jkunu disponibbli għall-Kummissjoni u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Fl-interess tat-trasparenza, jenħtieġ li dawk ir-reġistri jkunu disponibbli għall-pubbliku wkoll.

(20)

Barra minn hekk, l-Artikolu 101(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jistipulaw l-informazzjoni dettaljata li trid tiddaħħal fir-reġistri li jżommu l-awtoritajiet kompetenti u d-disponibbiltà għall-pubbliku tar-reġistri tal-istabbilimenti approvati. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ dawk ir-reġistri.

(21)

L-Artikoli 102 sa 105 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxu r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni minima li trid tiġi rreġistrata mill-operaturi tal-istabbilimenti u t-trasportaturi rreġistrati jew approvati mill-awtorità kompetenti, filwaqt li l-Artikolu 106 tiegħu jipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi regoli li jissupplimentaw dawk l-obbligi għaż-żamma tar-rekords. L-operaturi tal-istabbilimenti u t-trasportaturi għandhom għarfien dirett tal-annimali terrestri miżmuma fil-ħarsien tagħhom, u meta l-annimali jiġu ttrasferiti, huma obbligati jipprovdu ċerta informazzjoni lill-awtorità kompetenti għal skopijiet ta’ ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali jew tat-traċċabbiltà tagħhom, u konsegwentement dik l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod faċli għall-awtorità kompetenti. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar l-informazzjoni li trid tiġi rreġistrata minn ċerti operaturi tal-istabbilimenti u t-trasportaturi flimkien ma’ dik diġà meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2016/429.

(22)

L-Artikoli 112 sa 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jeżiġu li l-operaturi li jżommu l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini jidentifikaw kull annimal b’mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni, u jiżguraw li dawk l-annimali jkunu akkumpanjati minn dokument ta’ identifikazzjoni jew tal-moviment meta jinġarru, u li jittrażmettu l-informazzjoni li tkun meħtieġa f’bażi tad-data kompjuterizzata miżmuma mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 117 tar-Regolament (UE) 2016/429 jeħtieġ li l-operaturi li jżommu l-annimali terrestri għajr l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini, jidentifikaw kull annimal b’mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni u jiżguraw li dawk l-annimali jkunu akkumpanjati minn identifikazzjoni jew dokument ta’ moviment meta tali regoli jkunu ġew adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118 tiegħu.

(23)

L-Artikolu 118(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistipula rekwiżiti dettaljati għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali terrestri miżmuma u r-regoli għall-identifikazzjoni u d-dokumenti ta’ moviment għal dawk l-annimali, kif ukoll regoli dettaljati għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati previsti f’dak ir-Regolament għall-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini miżmuma, u r-regoli dwar l-iskambju tad-data elettronika bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ Stati Membri għall-annimali bovini miżmuma. Barra minn hekk, l-Artikolu 118(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistipula r-rekwiżiti għal mezzi alternattivi ta’ identifikazzjoni għall-annimali terrestri miżmuma, kif ukoll eżenzjonijiet u dispożizzjonijiet speċjali għal ċerti kategoriji ta’ dawk l-annimali, u dispożizzjonijiet speċifiċi għad-dokument ta’ identifikazzjoni u tal-moviment għal dawk l-annimali, kif ukoll regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni.

(24)

Barra minn hekk, l-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tistipula regoli dwar derogi speċifiċi għall-operaturi minn ċerti rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni stabbiliti f’dak l-att. L-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistipula r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-prodotti ġerminali tal-annimali terrestri miżmuma ta’ speċijiet oħrajn għajr dawk bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini.

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (9), u fid-Direttivi tal-Kunsill 2008/71/KE (10) u 2009/156/KE (11). Ir-Regolament (UE) 2016/429 iħassar u jissostitwixxi dawk l-erba’ Atti b’effett mill-21 ta’ April 2021. Dawk l-erba’ Atti kienu jistipulaw ir-regoli dwar il-mezzi ta’ identifikazzjoni, id-dokument ta’ identifikazzjoni jew tal-moviment u l-bażijiet ta’ data kompjuterizzati. Kienu jipprevedu wkoll il-perjodi taż-żmien għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni lill-annimali miżmuma mill-operaturi. Barra minn hekk, kienu jipprevedu għadd ta’ derogi u eżenzjonijiet fir-rigward tal-mezzi ta’ identifikazzjoni u d-dokumenti ta’ moviment mingħajr ma jikkompromettu t-traċċabbiltà tal-annimali miżmuma. Ir-regoli stabbiliti f’dawk l-atti urew li huma effettivi biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini miżmuma. Għaldaqstant, jenħtieġ li jinżamm il-qofol ta’ dawk ir-regoli, iżda jiġi aġġornat sabiex iqis l-esperjenza prattika miksuba fl-applikazzjoni tagħhom u l-progress tekniku attwali. Il-perjodi taż-żmien il-ġodda għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni lill-annimali terrestri miżmuma mill-operaturi jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li l-annimali ekwini li jidħlu fl-Unjoni jiġu identifikati biss skont ir-regoli tal-Unjoni wara li jidħlu fl-Unjoni u meta jibqgħu fl-Unjoni, jeħtieġ li f’dan ir-Regolament issir referenza għall-proċeduri doganali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(26)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma, u tal-għasafar miżmuma kienu stabbiliti fid-Direttiva 92/65/KEE. Ir-regoli stabbiliti f’dik id-Direttiva urew li huma effettivi biex jiżguraw it-traċċabbiltà ta’ dawk l-annimali. Għaldaqstant, jenħtieġ li jinżamm il-qofol ta’ dawk ir-regoli, iżda jiġi aġġornat sabiex iqis l-esperjenza prattika miksuba fl-applikazzjoni tagħhom u l-progress tekniku attwali.

(27)

Barra minn hekk, id-Direttiva 92/65/KEE tistipula li biex ikunu soġġetti għall-kummerċ, jenħtieġ li l-klieb, il-qtates u l-inmsa jkunu akkumpanjati bl-istess dokument ta’ identifikazzjoni bħal dak għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi previst fl-Artikolu 6(d) Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għaldaqstant, jenħtieġ li din ir-regola tinżamm f’dan ir-Regolament.

(28)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà tal-bajd għat-tifqis ġew stabbiliti bid-Direttiva 2009/158/KE. Is-sistema attwali fir-rigward tal-immarkar tal-bajd għat-tifqis hija stabbilita sew. Għaldaqstant jenħtieġ li jinżamm il-qofol ta’ dawk ir-regoli f’dan ir-Regolament, iżda jrid jiġi addattat biex jidħol fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429.

(29)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1739/2005 (14). Ir-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament urew ukoll li huma effettivi biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma fiċ-ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet. Għaldaqstant jenħtieġ li jinżamm il-qofol ta’ dawk ir-regoli, iżda jiġi aġġornat sabiex iqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom.

(30)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li r-regoli għall-mard speċifiku għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard japplikaw għall-mard elenkat imsemmi fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, li jinkludu l-infezzjoni bil-Brucella abortus, B. melitensis u B. suis u infezzjoni bil-kumpless tal-Mycobacterium tuberculosis (M. bovis, M. caprae u M. tuberculosis). L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi r-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li jridu jiġu applikati għal kategoriji differenti tal-mard elenkat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (15) jistipula li r-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jridu japplikaw għall-kategoriji tal-mard elenkat għall-ispeċijiet u għall-gruppi ta’ speċijiet elenkati msemmija fl-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Kemm l-annimali tal-familja tal-iġmla kif ukoll iċ-ċervidi miżmuma huma elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 bħala speċijiet suxxettibbli għal dawk l-infezzjonijiet. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-traċċabbiltà ta’ dawk l-annimali.

(31)

Minħabba s-sitwazzjoni unika tat-trobbija tar-renniet li hija marbuta sew mal-wirt kulturali tal-poplu Sami fl-Ewropa ta’ Fuq, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu reġimi speċifiċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni stabbiliti għar-renni miżmuma fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi sistema speċifika għall-identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali.

(32)

Rigward l-annimali ekwini, l-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula li l-operaturi jridu jiżguraw li l-annimali ekwini jiġu identifikati b’mod individwali permezz ta’ dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja li jkun mtela’ b’mod korrett. Barra minn hekk, l-Artikolu 120(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni dwar ċerti rekwiżiti għal dak id-dokument. Filwaqt li r-regoli dwar id-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja issa huma stabbiliti bħala parti mir-regoli tas-saħħa tal-annimali fil-qafas legali tar-Regolament (UE) 2016/429, jeħtieġ li jitqiesu r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali li huma stipulati f’atti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jitqiesu d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/262 (17), ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940 (19), u r-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), biex jiġi evitat li jkun hemm għadd kbir ta’ regoli u ta’ dokumenti tal-identifikazzjoni li jżidu bla bżonn il-piżijiet amministrattivi u finanzjarji. L-importanza li r-regoli tal-Unjoni jiġu ssimplifikati tapplika b’mod partikolari fil-każ tal-annimali ekwini, billi dawn jintużaw għal diversi raġunijiet, fosthom l-avvenimenti sportivi, għat-tnissil u anki bħala ikel. Barra minn hekk jintużaw għal skopijiet differenti skont f’liema stadju tal-ħajja jkunu, allura huwa importanti li d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja jibqa’ validu għal diversi użi. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijet tranżizzjonali stipulati f’dan ir-Regolament iridu jqisu l-perjodi tal-applikazzjoni ta’ dawk il-ħames atti biex jiżguraw il-koordinazzjoni tar-regoli tal-Unjoni li japplikaw.

(33)

Bil-ħsieb li jkun hemm applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma, u biex jiġi żgurat li din hija ċara u trasparenti, jenħtieġ li b’dan ir-Regolament jitħassru r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 509/1999 (21), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2680/99 (22), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/678/KE (23), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE (24), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (25), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/764/KE (26), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 644/2005 (27), ir-Regolament (KE) Nru 1739/2005, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/28/KE (28), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/968/KE (29), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE (30) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/262. Madankollu, sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid għall-operaturi taċ-ċirki li jivvjaġġaw u ta’ annimali għall-wirjiet, jenħtieġ li jibqgħu japplikaw id-dokumenti tal-moviment u tal-identifikazzjoni fil-format skont ir-Regolament (KE) Nru 1739/2005 sa data li għad trid tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 rigward il-format tad-dokumenti tal-moviment u tal-identifikazzjoni għall-annimali terrestri miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u miżmuma għall-wirjiet.

(34)

Id-Direttiva 2001/82/KE tistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-annimali ekwini fir-rigward tal-prodotti mediċinali veterinarji f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament tal-annimali ekwini li jipproduċu l-ikel, dment li dawk l-annimali ekwini jkunu identifikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li jkun hemm immarkat fid-dokumenti ta’ identifikazzjoni tagħhom speċifikament li mhumiex maħsubin għall-iskarnar għall-konsum mill-bniedem. Is-sustanza ta’ dawk ir-regoli issa hija stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/6, li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2001/82/KE. Ir-Regolament (UE) 2019/6 jibda japplika mit-28 ta’ Jannar 2022 u b’hekk jibda japplika wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429. Iżda dawk iż-żewġ atti huma marbutin ma’ xulxin, billi l-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2019/6 jipprevedi li l-Kummissjoni tadotta l-atti delegati sabiex tissupplimenta dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni li jrid ikun hemm fid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja previst fir-Regolament (UE) 2016/429, għall-finijiet tal-obbligi taż-żamma tar-rekords stipulati fir-Regolament (UE) 2019/6. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/262 jistabbilixxi r-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-equidae, fosthom ir-regoli dwar id-dokumenti ta’ identifikazzjoni għal dawk l-annimali, u jistipula li s-sistema tal-Unjoni għall-identifikazzjoni tal-equidae fost affarijiet oħra tinkludi dokument uniku permanenti. Finalment, ir-Regolament (UE) 2016/1012 jistipula wkoll ir-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-equidae. Huwa jistipula li l-Kummissjoni trid tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudelli tal-formoli tad-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja.

(35)

Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla bżonn għall-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma u għall-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja tal-annimali ekwini miżmuma li attwalment huwa stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/262 jibqa’ japplika sa data li tiġi deċiża mill-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni li jiġi adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-Artikolu 109(2) tar-Regolament (UE) 2019/6 rigward il-format tad-dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku tal-annimali ekwini miżmuma.

(36)

L-Artikolu 271 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistipula l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-qafas legali l-ġdid stabbilit f’dak l-att, għall-operaturi rigward l-identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tqassar dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(37)

Sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/429 għall-operaturi li jżommu l-annimali terrestri fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dawk l-annimali u għall-qafas legali l-ġdid fir-rigward tar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali għall-moviment ta’ dawk l-annimali, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429.

(38)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid għall-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri rreġistrati jew approvati skont id-Direttivi 64/432/KEE u 92/65/KEE, ir-Regolamenti (KE) Nru 1760/2000, (KE) Nru 21/2004, id-Direttivi 2008/71/KE, 2009/156/KE u 2009/158/KE, jenħtieġ li jitqiesu li huma rreġistrati jew approvati skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk l-operaturi jikkonformaw mar-regoli kollha previsti f’dan ir-Regolament.

(39)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid, l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, ekwini, l-annimali tal-familja tal-iġmla, u ċ-ċervidi, u l-psittacidae identifikati u rreġistrati qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitqiesu li huma identifikati u rreġistrati skont dan ir-Regolament u li huma eliġibbli għall-moviment fl-Unjoni.

(40)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mill-21 ta’ April 2021 f’konformità mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward ta’:

(a)

l-istabbilimenti rreġistrati u approvati għall-annimali terrestri miżmuma u l-bajd għat-tifqis;

(b)

ir-rekwiżiti dwar it-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma elenkati hawn taħt:

(i)

l-annimali bovini, ovini u kaprini, porċini, ekwini, l-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi (ungulati);

(ii)

il-klieb, il-qtates u l-inmsa;

(iii)

l-għasafar miżmuma;

(iv)

il-bajd għat-tifqis;

(v)

l-annimali terrestri miżmuma fiċ-ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet.

2.   Il-Kapitolu 1 tat-Titolu I tal-Parti II jistipula r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta’ klieb, qtates u inmsa miżmuma u tat-tjur, li huma involuti fit-trasportazzjoni ta’ dawk l-annimali minn Stat Membri għal ieħor jew bejn Stat Membru u pajjiż terz.

3.   Il-Kapitolu 2 tat-Titolu I tal-Parti II jipprevedi d-derogi mir-rekwiżit li l-operaturi ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ċerti annimali ekwini u ta’ mfaqas tal-għasafar miżmuma japplikaw għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Dak il-Kapitolu jistipula wkoll ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin:

(a)

l-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-annimali ungulati u tat-tjur li minnhom dawk l-annimali jkunu se jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor jew l-istabbilimenti li jirċievu dawk l-annimali minn Stat Membru ieħor;

(b)

l-imqafas li minnhom ikunu se jintbagħtu fi Stat Membru ieħor il-bajd għat-tifqis jew il-flieles ta’ ġurnata;

(c)

l-istabbilimenti li jżommu t-tjur maħsuba għal skopijiet oħra għajr l-iskarnar, jew li minnhom jintbagħat il-bajd għat-tifqis lejn Stat Membru ieħor.

Dawk ir-rekwiżiti jikkonċernaw il-miżuri ta’ iżolazzjoni u ta’ bijosigurtà oħra, il-miżuri għas-sorveljanza, il-faċilitajiet u t-tagħmir, il-persunal u s-superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

4.   Il-Kapitolu 3 tat-Titolu I tal-Parti II jistipula r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin:

(a)

iċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa li minnhom dawk l-annimali jkunu se jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor;

(b)

is-santwarji tal-annimali għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa li minnhom dawk l-annimali jkunu se jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor;

(c)

il-postijiet tal-kontroll;

(d)

l-istabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli iżolati ambjentalment li minnhom dawk l-annimali jkunu se jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor;

(e)

l-istabbilimenti ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma, għajr il-primati, li minnhom dawk l-annimali jkunu se jintbagħtu post ieħor fl-istess Stat Membru jew għal Stat Membru ieħor.

Dawk ir-rekwiżiti jikkonċernaw il-miżuri ta’ kwarantina, ta’ iżolazzjoni u ta’ bijosigurtà oħrajn, il-miżuri għas-sorveljanza u għall-kontroll, il-faċilitajiet u t-tagħmir, kif ukoll is-superviżjoni mill-veterinarju.

5.   Il-Kapitolu 4 tat-Titolu I tal-Parti II jistipula r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti konfinati li minnhom l-annimali terrestri miżmuma jkunu se jinġarru fl-istess Stat Membru jew għal Stat Membru ieħor, rigward il-kwarantina, l-iżolament, u miżuri ta’ bijosigurtà oħrajn, il-miżuri tas-sorveljanza u tal-kontroll, il-faċilitajiet u t-tagħmir, kif ukoll is-sorveljanza mill-veterinarju.

6.   Il-Kapitolu 1 tat-Titolu II tal-Parti II jistipula l-obbligi ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti rigward ir-reġistri tagħha dwar:

(a)

l-stabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma;

(b)

l-imfaqas;

(c)

it-trasportaturi tal-ungulati, tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma, u tat-tjur, li huma involuti fit-trasportazzjoni ta’ dawk l-annimali minn Stat Membru għal ieħor jew bejn Stat Membru u pajjiż terz;

(d)

l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati miżmuma u tjur indipendentement minn ebda stabbiliment.

7.   Il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti II jistipula l-obbligu ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistri tal-istabbilimenti approvati msemmija fil-Kapitoli 2, 3 u 4 tat-Titolu I tal-Parti II.

8.   Il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tal-Parti II jistipula l-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi, flimkien ma’ dawk previsti fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 għat-tipi ta’ stabbilimenti rreġistrati jew approvati li ġejjin:

(a)

l-istabbilimenti kollha li jżommu l-annimali terrestri;

(b)

l-istabbilimenti li jżommu:

(i)

l-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini;

(ii)

l-annimali ekwini;

(iii)

it-tjur u l-għasafar miżmuma;

(iv)

il-klieb, il-qtates u l-inmsa;

(v)

in-naħal tal-għasel;

(c)

iċ-ċirki li jivvjaġġaw u l-annimali għall-wirjiet;

(d)

is-santwarji tal-annimali għall-klieb, il-qtates u l-inmsa;

(e)

il-postijiet tal-kontroll;

(f)

l-istabbilimenti ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma, għajr il-primati;

(g)

l-istabbilimenti konfinati.

9.   Il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tal-Parti II jistipula l-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-imfaqas irreġistrati jew approvati, flimkien ma’ dawk previsti fl-Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

10.   Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tal-Parti II jistipula l-obbligi taż-żamma ta’ rekords mit-trasportaturi rreġistrati, flimkien ma’ dawk previsti fl-Artikolu 104(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

11.   Il-Kapitolu 4 tat-Titolu III tal-Parti II jistipula l-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa, flimkien ma’ dawk previsti fl-Artikolu 105(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, għal

(a)

l-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati jew approvati għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ungulati miżmum u tjur;

(b)

l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati miżmuma u tjur indipendentement minn stabbiliment;

(c)

l-operaturi ta’ ċentri għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa rreġistrati mal-awtorità kompetenti.

12.   It-Titoli I sa IV tal-Parti III jistipulaw ir-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-annimali miżmuma tal-ispeċijiet bovina, ovina u kaprina, porċina u ekwina, inklużi l-mezzi ta’ identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-bażijiet ta’ data kompjuterizzati.

13.   Il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma, inklużi dawk għall-annimali domestiċi meta jinġarru fi Stat Membru ieħor għajr għal skopijiet mhux kummerċjali.

14.   Il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-annimali tal-familja tal-iġmla u taċ-ċervidi miżmuma.

15.   Il-Kapitolu 3 tat-Titolu V tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-għasafar miżmuma.

16.   Il-Kapitolu 4 tat-Titolu V tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma fiċ-ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet.

17.   It-Titolu VI tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-bajd għat-tifqis.

18.   It-Titolu VII tal-Parti III jistipula r-rekwiżiti għat-traċċabbiltà tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, ekwini, tal-annimali tal-familja tal-iġmla, u taċ-ċervidi miżmuma wara li jiddaħħlu fl-Unjoni.

19.   Il-Parti IV tistipula ċerti miżuri tranżizzjonali fir-rigward tad-Direttivi 64/432/KEE u 92/65/KEE, ir-Regolamenti (KE) Nru 1760/2000, (KE) Nru 21/2004 u (KE) Nru 1739/2005, id-Direttivi 2008/71/KE, 2009/156/KE u 2009/158/KE, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/262 f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

(a)

ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni tal-istabbilimenti;

(b)

l-identifikazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma;

(c)

id-dokumenti tal-moviment u tal-identifikazzjoni għall-annimali terrestri miżmuma fiċ-ċirki li jivvjaġġaw u għall-annimali tal-wirjiet;

(d)

id-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja tal-annimali ekwini miżmuma.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kelb” tfisser annimal miżmum tal-ispeċiCanis lupus;

(2)

“qattus” tfisser annimal miżmum tal-ispeċi Felis silvestris;

(3)

“nemes” tfisser annimal miżmum tal-ispeċi Mustela putorius furo;

(4)

“tip ta’ trasport” tfisser il-mod kif issir it-trasportazzjoni, bħal pereżempju bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru jew fuq l-ilma;

(5)

“mezz tat-trasport” tfisser vetturi tat-triq jew vetturi ferrovjarji, bastimenti u inġenji tal-ajru;

(6)

“flieles ta’ ġurnata” tfisser it-tjur kollu li għandu inqas minn 72 siegħa;

(7)

“ċentru ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa” tfisser stabbiliment fejn dawk l-annimali tal-istess status ta’ saħħa li jkunu ġejjin minn għadd ta’ stabbilimenti diversi jinġabru f’daqqa;

(8)

“santwarju tal-annimali” tfisser stabbiliment fejn jinżammu annimali terrestri li kienu jgħixu fit-triq, jew li huma selvaġġi, mitlufa, abbandunati jew ikkonfiskati, u jista’ jkun li ma jkunx magħruf l-istatus tas-saħħa tagħhom kollha meta jiddaħħlu fl-istabbiliment;

(9)

“postijiet tal-kontroll” tfisser postijiet ta’ kontroll kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1255/97;

(10)

“stabbiliment ta’ produzzjoni iżolati ambjentalment” tfisser stabbiliment li l-istrutturi tiegħu kif ukoll il-miżuri stretti ta’ bijosigurtà, jiżguraw iżolament effettiv tal-produzzjoni tal-annimali mill-faċilitajiet assoċjati miegħu u mill-ambjent;

(11)

“naħal bagħli” tfisser annimal tal-ispeċi tal-ġeneru Bombus;

(12)

“primati” tfisser annimali tal-ispeċi tal-ordni tal-Primati minbarra l-bnedmin;

(13)

“naħal tal-għasel” tfisser annimali tal-ispeċi Apis mellifera;

(14)

“veterinarju tal-istabbiliment” tfisser veterinarju responsabbli mill-attivitajiet li jitwettq fi stabbiliment tal-kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma għajr il-primati, jew fi stabbiliment konfinat kif stabbilit f’dan ir-Regolament;

(15)

“numru ta’ reġistrazzjoni uniku” tfisser numru assenjat minn awtorità kompetenti lil stabbiliment irreġistrat kif imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(16)

“numru ta’ approvazzjoni uniku” tfisser numru assenjat minn awtorità kompetenti lil stabbiliment approvat minnha skont l-Artikoli 97 u 99 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(17)

“kodiċi uniku” tfisser il-kodiċi uniku li bih l-operaturi li jżommu l-annimali miżmuma tal-ispeċi ekwina huma meħtieġa li jiżguraw li dawk l-annimali jiġu identifikati b’mod individwali, kif stipulat fl-Artikolu 114(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429, u li jkun irreġistrat fil-bażi tad-data kompjuterizzat tal-Istat Membru, previst fl-Artikolu 109(1) ta’ dak ir-Regolament;

(18)

“il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal” tfisser il-kodiċi individwali li jintwera bil-mezz ta’ identifikazzjoni li jinġarr mill-annimal, u jikkonsisti minn:

(a)

il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun twaħħal fuq l-annimal;

(b)

wara dan, in-numru uniku tal-identifikazzjoni f’għamla ta’ ċifri li jkun ġie assenjat lill-annimal u l-għadd ta’ ċifri li ma jkunx aktar minn 12-il wieħed;

(19)

“annimal bovin” jew “annimal tal-ispeċi bovina” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-ġeneri Bison, Bos (inklużi s-subġeneri Bos, Bibos, Novibos, Poephagus) u Bubalus (inkluż is-subġeneru Anoa) u l-frieħ tat-taħlit tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(20)

“annimal ovin” jew “annimal tal-ispeċi ovina” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-ġeneru Ovis u l-frieħ tat-taħlit tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(21)

“annimal kaprin” jew “annimal tal-ispeċi kaprina”tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-ġeneru Capra u l-frieħ tat-taħlit tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(22)

“annimal porċin” jew “annimal tal-ispeċi porċina” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-familja tas-Suidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(23)

“identifikatur elettroniku” tfisser indikatur b’identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (“RFID”);

(24)

“annimal tal-ispeċi ekwina” jew “annimal ekwin” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ solipedi tal-ġeneru Equus (fosthom iż-żwiemel, il-ħmir u ż-żebri) u l-frieħ tat-taħlit tar-razez ta’ dawk l-ispeċijiet;

(25)

“bażi ta’ data kompjuterizzata” tfisser bażi tad-data kompjuterizzata tal-annimali terrestri miżmuma kif previst fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(26)

“katina tal-provvista” tfisser katina ta’ produzzjoni integrata li tikkonsisti minn netwerk kollaborattiv ta’ stabbilimenti speċjalizzati approvati mill-awtorità kompetenti għall-iskop tal-Artikolu 53 li jkollhom l-istess status ta’ saħħa fir-rigward tal-mard elenkat u li jibagħtu l-annimali porċini minn wieħed għall-ieħor biex jitlesta ċ-ċiklu tal-produzzjoni;

(27)

“dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja” tfisser id-dokument waħdieni li jservi tul il-ħajja tal-annimali, li permezz tiegħu l-operaturi li jżommu l-annimali tal-ispeċi ekwina miżmuma huma meħtieġa li jiżguraw li dawk l-annimali jiġu identifikati b’mod individwali, kif previst fl-Artikolu 114(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(28)

“soċjetà tat-tnissil” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ nissiela, organizzazzjoni tat-tnissil jew korp pubbliku, għajr l-awtoritajiet kompetenti, li hija rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1012 bil-għan li jitwettaq programm ta’ tnissil fuq annimali tat-tnissil ta’ razza pura li jiddaħħlu fir-reġistru/reġistri tat-tnissil li żżomm jew tistabbilixxi;

(29)

“korp tat-tnissil” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ nissiela, organizzazzjoni tat-tnissil, impriża privata, organizzazzjoni tat-trobbija tal-bhejjem jew servizz uffiċjali f’pajjiż terz li, fir-rigward ta’ annimali tat-tnissil ta’ razza pura tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina jew ekwina jew tal-majjali ibridi għat-tnissil, ikunu ġew aċċettati minn dak il-pajjiż terz b’rabta mad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali għat-tnissil għal skopijiet ta’ tnissil;

(30)

“annimal ekwin irreġistrat” tfisser:

(a)

annimal tat-tnissil ta’ razza pura tal-ispeċi Equus caballus jew Equus asinus imdaħħal jew eliġibbli għad-dħul fit-taqsima prinċipali ta’ reġistru tat-tnissil stabbilit minn soċjetà tat-tnissil jew minn korp tat-tnissil rikonoxxuti skont l-Artikoli 4 jew 34 tar-Regolament (UE) 2016/1012;

(b)

annimal miżmum tal-ispeċi Equues caballus irreġistrat ma’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni internazzjonali, jew direttament jew permezz tal-federazzjoni jew il-fergħat nazzjonali tagħha, li tamministra ż-żwiemel għall-kompetizzjoni jew għat-tlielaq (“żiemel irreġistrat”);

(31)

“l-annimali tal-familja tal-iġmla” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-familja Camelidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(32)

“annimal ċervid” tfisser annimal tal-ispeċi ta’ ungulati tal-familja taċ-Cervidae elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(33)

“renna” tfisser annimal ungulat tal-ispeċi Rangifer tarandus elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/429;

(34)

“ċirku li jivvjaġġa” tfisser eżibizzjoni jew fiera li tinkludi l-annimali jew il-wirjiet tal-annimali u li hija maħsuba biex tivvjaġġa minn Stat Membru għal-ieħor;

(35)

“wirja tal-annimali” tfisser kwalunkwe att li jieħdu sehem fih l-annimali miżmuma għall-iskop ta’ eżibizzjoni jew fiera, u li tista’ tkun parti minn ċirku;

(36)

“tjur tat-tnissil” tfisser tjur li għandhom 72 siegħa jew aktar, li jkunu maħsuba għall-produzzjoni tal-bajd għat-tifqis;

(37)

“qatgħa” tfisser it-tjur u l-għasafar miżmuma kollha tal-istess status ta’ saħħa li jinżammu fl-istess bini jew fl-istess spazju magħluq u li jikkostitwixxu unità epidemjoloġika waħda; it-tjur miżmuma f’bini jinkludi l-għasafar kollha li jaqsmu l-istess spazju tal-arja.

PARTI II

REĠISTRAZZJONI, APPROVAZZJONI, REĠISTRI U ŻAMMA TA' REKORDS

TITOLU I

REĠISTRAZZJONI U APPROVAZZJONI TAT-TRASPORTATURI U TAL-OPERATURI TA' STABBILIMENTI MILL-AWTORITÀ KOMPETENTI

KAPITOLU 1

Reġistrazzjoni ta’ trasportaturi tal-annimali terrestri miżmuma minbarra l-ungulati biex jittrasportaw l-annimali minn Stat Membru għal ieħor u lejn pajjiżi terzi

Artikolu 3

Obbligi ta’ reġistrazzjoni tat-trasportaturi tal-klieb, il-qtates u l-inmsa miżmuma, u tat-tjur

1.   Biex ikunu rreġistrati skont l-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/429, it-trasportaturi li jġorru l-klieb, il-qtates u l-inmsa miżmuma, u t-tjur minn Stat Membru għal ieħor jew minn Stat Membru għal pajjiż terz jew viċe versa, qabel ma jibdew dawn l-attivitajiet għandhom jagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti:

(a)

l-isem u l-indirizz tat-trasportatur ikkonċernat;

(b)

l-ispeċijiet li huwa ppjanat li se jinġarru;

(c)

it-tip ta’ trasport;

(d)

il-mezz tat-trasport.

2.   It-trasportaturi tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma, imsemmijin fil-paragrafu 1, għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bl-għadd ta’ annimali li huwa ppjanat li se jinġarru.

3.   It-trasportaturi tat-tjur, imsemmijin fil-paragrafu 1, għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bil-kategoriji tat-tjur li huwa ppjanat li se jinġarru.

4.   It-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti b’kull:

(a)

bidla li tikkonċerna l-materji msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3;

(b)

il-waqfien tal-attività tat-trasport.

KAPITOLU 2

Approvazzjoni tal-istabbilimenti għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati u tjur, għall-imfaqas u għall-istabbilimenti li jżommu t-tjur

Artikolu 4

Derogi mill-ħtieġa li ssir applikazzjoni mal-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni ta’ operaturi ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ċerti annimali ekwini u għall-imfaqas tal-għasafar miżmuma

L-operaturi tal-istabbilimenti li ġejjin ma għandhomx japplikaw mal-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom skont l-Artikoli 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429:

(a)

stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ekwini meta dawk l-annimali jinġabru għall-iskopijiet ta’ kompetizzjonijiet, tiġrijiet, eżibizzjonijiet, taħriġ, attivitajiet ta’ divertiment jew ta’ xogħol kollettiv jew fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ tnissil;

(b)

imfaqas tal-għasafar miżmuma.

Artikolu 5

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ungulati

Meta tagħti l-approvazzjoni lil stabbiliment għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ungulati, li minnhom dawk l-annimali jkunu se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, jew li jirċievu dawk l-annimali minn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I hawn mehmuż:

(a)

il-punt 1, fir-rigward ta’ miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 2, fir-rigward tal-faċilitajiet u tat-tagħmir;

(c)

il-punt 3, fir-rigward tal-persunal;

(d)

il-punt 4, fir-rigward tas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 6

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur

Meta tagħti l-approvazzjoni għall-ġbir f’daqqa tat-tjur lill-istabbilimenti li minnhom dawk l-annimali se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, jew li jirċievu dawk l-annimali minn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I hawn mehmuż:

(a)

il-punt 1, fir-rigward ta’ miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 2, fir-rigward tal-faċilitajiet u tat-tagħmir;

(c)

il-punt 3, fir-rigward tal-persunal;

(d)

il-punt 4, fir-rigward tas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 7

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-imfaqas

Meta tagħti l-approvazzjoni lil-imfaqas li minnhom il-bajd għat-tifqis tat-tjur jew il-flieles ta’ ġurnata jkunu se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti:

(a)

fil-punt 1 tal-Parti 3 tal-Anness I, fir-rigward tal-miżuri tal-bijosigurtà;

(b)

Fil-punt 2 tal-Parti 3 tal-Anness I u l-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II, fir-rigward tas-sorveljanza;

(c)

fil-punt 3 tal-Parti 3 tal-Anness I, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir;

(d)

fil-punt 4 tal-Parti 3 tal-Anness I, fir-rigward tal-persunal;

(e)

fil-punt 5 tal-Parti 3 tal-Anness I, fir-rigward tas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 8

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lil stabbilimenti li jżommu t-tjur

Meta tagħti l-approvazzjoni lill-istabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom it-tjur li jkun maħsub għal skopijiet oħra minbarra l-iskarnar jew il-bajd għat-tifqis, ikun se jinġarr lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti:

(a)

fil-punt 1 tal-Parti 4 tal-Anness I, fir-rigward tal-miżuri tal-bijosigurtà;

(b)

fil-punt 2 tal-Parti 4 tal-Anness I u fil-Parti 2 tal-Anness II, fir-rigward tas-sorveljanza;

(c)

fil-punt 3 tal-Parti 4 tal-Anness I, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

KAPITOLU 3

Approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri

Artikolu 9

Obbligu fuq l-operaturi ta’ ċertu tip ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri biex japplikaw għall-approvazzjoni mal-awtorità kompetenti

L-operaturi tat-tipi ta’ stabbilimenti li ġejjin għandhom japplikaw għall-approvazzjoni mal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u dawn ma għandhomx jibdew l-attivitajiet tagħhom qabel ma jkun ġie approvat l-istabbiliment tagħhom:

(a)

iċ-ċentri tal-ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa li minnhom dawk l-annimali jinġarru lejn Stat Membru ieħor;

(b)

santwarji tal-annimali għal klieb, qtates u nemes li minnhom dawk l-annimali jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor;

(c)

il-postijiet tal-kontroll;

(d)

stabbilimenti ta’ produzzjoni iżolati ambjentalment għan-naħal bagħli li minnhom dawk l-annimali għandhom jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor;

(e)

stabbilimenti ta’ kwarantina għal annimali terrestri miżmuma, għajr għal primati, li minnhom dawk l-annimali jiġu ttrasferiti fl-istess Stat Membru jew għal Stat Membru ieħor.

Artikolu 10

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni liċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa

Meta tagħti l-approvazzjoni liċ-ċentri ta’ ġbir f’daqqa tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa, li minnhom dawk l-annimali se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 1, fir-rigward ta’ miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 3, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 11

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lis-santwarji tal-annimali għall-klieb, il-qtates u l-inmsa

Meta tagħti l-approvazzjoni lis-santwarji għall-annimali li minnhom il-klieb, il-qtates u l-inmsa jkunu se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 2, fir-rigward ta’ miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 3, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 12

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lil postijiet tal-kontroll

Meta tagħti l-approvazzjoni lill-postijiet tal-kontroll, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn il-postijiet tal-kontroll jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin stabbiliti fil-Parti 6 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 1, fir-rigward ta’ miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 2, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 13

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti iżolati ambjentalment tal-produzzjoni tan-naħal bagħli

Meta tagħti l-approvazzjoni lill-istabbilimenti iżolati ambjentalment għall-produzzjoni tan-naħal bagħli, li minnhom in-naħal bagħli jinġarr lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 7 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 1, fir-rigward ta’ miżuri ta’ bijosigurtà u sorveljanza;

(b)

il-punt 2, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 14

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma, minbarra l-primati

Meta tagħti l-approvazzjoni lill-istabbilimenti ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma, minbarra l-primati, li minnhom dawk l-annimali se jinġarru fl-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 8 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 1, fir-rigward tal-miżuri ta’ kwarantina, iżolament u miżuri ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 2, fir-rigward ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll;

(c)

il-punt 3, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 15

Obbligi fuq l-operaturi ta’ stabbilimenti tal-kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma minbarra l-primati

L-operaturi ta’ stabbilimenti ta’ kwarantina għal annimali terrestri miżmuma għajr għal primati msemmija fl-Artikolu 14 għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa biex jitwettqu l-ispezzjonijiet veterinarji post-mortem f’faċilitajiet xierqa fl-istabbiliment jew f’laboratorju;

(b)

permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ strument legali ieħor, jassikuraw is-servizzi ta’ veterinajru tal-istabbiliment li għandu ikunu responsabbli minn dawn li ġejjin:

(i)

is-sorveljanza tal-attivitajiet tal-istabbiliment u tal-konformità mar-rekwiżiti għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14;

(ii)

ir-rieżami tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt 2(a) tal-Parti 8 tal-Anness I kull meta jkun meħtieġ u mill-inqas kull sena.

KAPITOLU 4

Approvazzjoni tal-istabbilimenti konfinati li minnhom l-annimali terrestri se jinġarru fl-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor

Artikolu 16

Rekwiżiti għall-għoti tal-approvazzjoni tal-istatus ta’ stabbilimenti konfinati għall-annimali terrestri

Meta tagħti l-approvazzjoni lil stabbilimenti konfinati għall-annimali terrestri, li minnhom dawk l-annimali se jinġarru fl-istess Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li dawn l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, stabbiliti fil-Parti 9 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-punt 1, fir-rigward tal-miżuri ta’ kwarantina, iżolament u miżuri ta’ bijosigurtà oħra;

(b)

il-punt 2, fir-rigward ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll;

(c)

il-punt 3, fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir.

Artikolu 17

Obbligi fuq l-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati għall-annimali terrestri

L-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati għall-annimali terrestri msemmija fl-Artikolu 16 għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa biex jitwettqu l-ispezzjonijiet veterinarji post-mortem f’faċilitajiet xierqa fl-istabbiliment jew f’laboratorju;

(b)

permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ strument legali ieħor, jassikuraw is-servizzi ta’ veterinajru tal-istabbiliment li għandu ikunu responsabbli minn dawn li ġejjin:

(i)

is-sorveljanza tal-attivitajiet tal-istabbiliment u tal-konformità mar-rekwiżiti għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16;

(ii)

ir-rieżami tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-punt 2(a) tal-Parti 9 tal-Anness I kull meta jkun hemm bżonn u mill-inqas kull sena.

TITOLU II

REĠISTRI LI JRIDU JINŻAMMU MILL-AWTORITÀ KOMPETENTI TAT-TRASPORTATURI U TAL-OPERATURI TAL-ISTABBILIMENTI RREĠISTRATI U APPROVATI

KAPITOLU 1

Reġistri tal-istabbilimenti, tat-trasportaturi u tal-operaturi rreġistrati mal-awtorità kompetenti

Artikolu 18

Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistri ta’ stabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas

Għal kull stabbiliment irreġistrat magħha, fir-reġistru tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas irreġistrati, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(b)

id-data tar-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment;

(d)

l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment;

(e)

deskrizzjoni tal-faċilitajiet tiegħu;

(f)

it-tip ta’ stabbiliment;

(g)

l-ispeċijiet, il-kategoriji u l-għadd ta’ annimali terrestri jew ta’ bajd għat-tifqis li jinżammu fl-istabbiliment;

(h)

il-perjodu li matulu l-annimali jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari;

(i)

l-istatus tas-saħħa tal-istabbiliment meta dan ikun ġie assenjat lilu mill-awtorità kompetenti;

(j)

ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ annimali, bajd għat-tifqis jew prodotti lejn l-istabbiliment u 'l barra minnu, meta l-awtorità kompetenti tkun tapplika dan it-tip ta’ restrizzjonijiet;

(k)

id-data ta’ kull waqfien mill-attività meta l-operatur ikun informa lill-awtorità kompetenti b’dan.

Artikolu 19

Obbligu ta’ informazzjoni fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistri tat-trasportaturi tal-ungulati, tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma, kif ukoll tat-tjur

1.   Fir-reġistru tagħha tat-trasportaturi rreġistrati magħha li huma involuti fit-trasportazzjoni ta’ ungulati, klieb, qtates u inmsa miżmuma, u tat-tjur, minn Stat Membru għal ieħor jew bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull trasportatur:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(b)

id-data tar-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-operatur;

(d)

l-ispeċijiet li huwa ppjanat li se jinġarru;

(e)

it-tip ta’ trasport;

(f)

il-mezz tat-trasport;

(g)

id-data ta’ kull waqfien mill-attività meta l-operatur ikun informa lill-awtorità kompetenti b’dan.

2.   Għal kull trasportatur ta’ ungulati, klieb, qtates u inmsa miżmuma, kif imsemmi fil-paragrafu 1, fir-reġistru tagħha tat-trasportaturi l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni dwar l-għadd ta’ annimali li huwa ppjanat li se jinġarru.

3.   Għal kull trasportatur tat-tjur, kif imsemmi fil-paragrafu 1, fir-reġistru tagħha tat-trasportaturi l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-kategoriji tat-tjur li huwa ppjanat li se jinġarru.

Artikolu 20

Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistri tal-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati u tat-tjur miżmuma, indipendentement minn stabbiliment

Fir-reġistru tagħha tal-operaturi rreġistrati magħha li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati u tat-tjur miżmuma indipendentement minn stabbiliment, inklużi dawk li jixtru u jbiegħu dawk l-annimali, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull operatur:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(b)

id-data tar-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-operatur;

(d)

l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali ungulati u t-tjur miżmuma li jkunu se jinġabru f’daqqa;

(e)

id-data ta’ kull waqfien mill-attività meta l-operatur ikun informa lill-awtorità kompetenti b’dan.

KAPITOLU 2

Reġistri ta’ stabbilimenti approvati mill-awtorità kompetenti

Artikolu 21

Obbligu ta’ informazzjoni fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistri tal-istabbilimenti approvati

Fir-reġistru tagħha tal-istabbilimenti approvati msemmija fil-Kapitoli 2, 3, u 4 tat-Titolu I tal-Parti II, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull stabbiliment:

(a)

in-numru ta’ approvazzjoni uniku assenjat mill-awtorità kompetenti;

(b)

id-data tal-approvazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti jew id-data ta’ kull sospensjoni jew irtirar ta’ tali approvazzjoni;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-operatur;

(d)

l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment;

(e)

deskrizzjoni tal-faċilitajiet tiegħu;

(f)

it-tip ta’ stabbiliment;

(g)

l-ispeċijiet, il-kategoriji u l-għadd tal-annimali terrestri jew tal-bajd għat-tifqis jew il-flieles ta’ ġurnata miżmuma fl-istabbiliment;

(h)

il-perjodu li matulu l-annimali jinżammu fl-istabbiliment jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż okkupazzjoni staġonali jew okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari;

(i)

jekk l-istabbiliment ikun assenjat status tas-saħħa mill-awtorità kompetenti, dak l-istatus tas-saħħa;

(j)

jekk ikun hemm, ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-movimenti ta’ annimali jew prodotti ġerminali lejn l-istabbiliment u 'l barra minnu mill-awtorità kompetenti;

(k)

id-data ta’ kull waqfien mill-attività meta l-operatur ikun informa lill-awtorità kompetenti b’dan.

TITOLU III

OBBLIGI TA' ŻAMMA TA' REKORDS MILL-OPERATURI FLIMKIEN MA' DAWK PREVISTI FIR-REGOLAMENT (UE) 2016/429

KAPITOLU 1

Operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati u approvati mill-awtorità kompetenti

Artikolu 22

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti kollha li jżommu l-annimali terrestri

L-operaturi tal-istabbilimenti rreġistrati jew approvati kollha li jżommu l-annimali terrestri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ kull annimal miżmum fl-istabbiliment u identifikat kif muri mil-mezz tal-identifikazzjoni, jekk dan il-mezz ikun ġie applikat;

(b)

in-numru uniku tar-reġistrazzjoni jew tal-approvazzjoni tal-istabbiliment tal-oriġini tal-annimali, meta dawn joriġinaw minn stabbiliment ieħor;

(c)

in-numru uniku tar-reġistrazzjoni jew tal-approvazzjoni tal-istabbiliment ta’ destinazzjoni tal-annimali, meta jkunu ddestinati għal stabbiliment ieħor.

Artikolu 23

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu l-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini

1.   L-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati li jżommu l-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja dwar dawk l-annimali:

(a)

id-data tat-twelid ta’ kull annimal miżmum fl-istabbiliment;

(b)

id-data tal-mewt naturali, tal-iskarnar jew tat-telf ta’ kull annimal fl-istabbiliment;

(c)

it-tip ta’ identifikatur elettroniku jew tattoo u l-pożizzjoni fejn ikun twaħħal mal-annimal, jekk l-annimal ikollu identifikatur;

(d)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni oriġinali ta’ kull annimal identifikat, meta dan il-kodiċi jkun inbidel, u r-raġuni għal dik il-bidla.

2.   L-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu l-annimali ovini u kaprini, għandhom jirreġistraw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) f’format li jindika s-sena tat-twelid ta’ kull annimal ta’ dan it-tip miżmum fl-istabbiliment.

3.   L-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu l-annimali porċini għandhom ikunu eżentati milli jirreġistraw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a).

4.   Fejn l-annimali ovini, kaprini jew porċini li jinżammu fl-istabbiliment ikunu identifikati biss bin-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-istabbiliment fejn twieldu, l-operaturi tal-istabbilimenti għandhom jirreġistraw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għal kull grupp ta’ annimali li għandhom l-istess numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-istabbiliment fejn twieldu u l-għadd totali tal-annimali f’dak il-grupp.

5.   Meta l-annimali porċini miżmuma fl-istabbiliment ma jkunux identifikati skont l-Artikolu 53, l-operaturi tal-istabbilimenti:

(a)

ma għandhomx ikunu meħtieġa jirreġistraw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

għal kull grupp ta’ annimali li jinħareġ mill-istabbiliment tagħhom għandhom jirreġistraw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 102(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-għadd totali tal-annimali f’dak il-grupp.

Artikolu 24

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu l-annimali ekwini

Għal kull annimal ekwin miżmum, l-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati li jżommu l-annimali ekwini, għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi uniku;

(b)

id-data tat-twelid tal-annimal fl-istabbiliment;

(c)

id-data tal-mewt naturali, tat-telfa jew tal-iskarnar fl-istabbiliment.

Artikolu 25

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur u l-għasafar

L-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati jew approvati li jżommu t-tjur u l-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu l-għasafar għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-rendiment tal-produzzjoni tat-tjur;

(b)

il-morbożità tat-tjur u tal-għasafar miżmuma fl-istabbiliment flimkien ma’ informazzjoni dwar il-kawża.

Artikolu 26

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa

L-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal kull annimal ta’ dan it-tip:

(a)

id-data tat-twelid;

(b)

id-data tal-mewt jew tat-telfa fl-istabbiliment.

Artikolu 27

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu n-naħal tal-għasel

L-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati li jżommu n-naħal tal-għasel, għal kull miġbħa għandhom jirreġistraw id-dettalji tat-transumanza temporanja, f’każ li jkun hemm, tal-kaxxex tan-naħal miżmuma, inkluża l-informazzjoni li tkopri tal-inqas il-post ta’ kull transumanza, id-data tal-bidu u t-tmiem tagħha, u l-għadd ta’ kaxex tan-naħal li jkunu ġew trasposti.

Artikolu 28

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi ta’ ċirki li jivvjaġġaw u ta’ wirjiet tal-annimali

L-operaturi ta’ ċirki li jivvjaġġaw u ta’ wirjiet tal-annimali għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal kull annimal:

(a)

id-data tal-mewt jew tat-telfa ta’ kull annimal fl-istabbiliment;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-operatur li għandu r-responsabbiltà ta’ dawn l-annimali, inkella tas-sid tal-annimali domestiċi;

(c)

id-dettalji dwar il-movimenti taċ-ċirki li jivvjaġġaw u tal-wirjiet tal-annimali.

Artikolu 29

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi ta’ santwarji għall-annimali li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa

L-operaturi tas-santwarji approvati għall-annimali li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal kull annimal:

(a)

l-età stmata u s-sess, ir-razza jew il-kulur tal-pil;

(b)

id-data tal-applikazzjoni jew id-data tal-qari tat-transponder injettabbli;

(c)

l-osservazzjonijiet magħmula fuq l-annimali li ddaħħlu waqt il-perjodu tal-iżolament;

(d)

id-data tal-mewt jew tat-telfa fl-istabbiliment.

Artikolu 30

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-postijiet tal-kontroll

L-operaturi tal-postijiet tal-kontroll approvati għandhom jirreġistraw in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jħottu l-annimali u n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur, fejn dan huwa disponibbli.

Artikolu 31

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi ta’ stabbilimenti tal-kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma minbarra l-primati

L-operaturi ta’ stabbilimenti approvati ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma minbarra l-primati, għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istima tal-età, u s-sess tal-annimali miżmuma fl-istabbiliment;

(b)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jħottu u jgħabbu l-annimali u n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur, fejn dan huwa disponibbli;

(c)

id-dettalji tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard previst fil-punt 2(a) tal-Parti 8 tal-Anness I;

(d)

ir-riżultati ta’ testijiet kliniċi u tal-laboratorju u ta’ testijiet post-mortem previsti fil-punt 2(b) tal-Parti 8 tal-Anness I;

(e)

id-dettalji tat-tilqim u tat-trattament ta’ annimali suxxettibbli previsti fil-punt 2(c) tal-Parti 8 tal-Anness I;

(f)

l-istruzzjonijiet, jekk ikun hemm, tal-awtorità kompetenti fir-rigward tal-osservazzjonijiet li saru waqt kwalunkwe perjodu ta’ iżolament jew ta’ kwarantina.

Artikolu 32

L-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati

L-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati approvati għandhom jirreġistraw l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

l-istima tal-età, u s-sess tal-annimali miżmuma fl-istabbiliment;

(b)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jħottu u jgħabbu l-annimali u n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur, fejn dan huwa disponibbli;

(c)

id-dettalji tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-pjan ta’ sorveljanza tal-mard previst fil-punt 2(a) tal-Parti 9 tal-Anness I;

(d)

ir-riżultati ta’ testijiet kliniċi u tal-laboratorju u ta’ testijiet post-mortem previsti fil-punt 2(b) tal-Parti 9 tal-Anness I;

(e)

id-dettalji tat-tilqim u tat-trattament ta’ annimali suxxettibbli previsti fil-punt 2(c) tal-Parti 9 tal-Anness I;

(f)

id-dettalji dwar l-iżolament jew il-kwarantina tal-annimali li jiddaħħlu fl-istabbiliment, l-istruzzjonijiet, jekk ikun hemm, tal-awtorità kompetenti fir-rigward tal-iżolament u l-kwarantina u l-osservazzjonijiet li jkunu saru waqt kwalunkwe perjodu ta’ iżolament jew ta’ kwarantina.

KAPITOLU 2

Imfaqas

Artikolu 33

L-obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi tal-imfaqas

L-operaturi tal-imfaqas irreġistrati jew approvati għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal kull qatgħa:

(a)

l-ispeċi u l-għadd ta’ flieles ta’ ġurnata jew ta’ flieles li jkunu għadhom kemm faqqsu ta’ speċijiet oħra ta’ għasafar jew ta’ bajd għat-tifqis miżmuma fil-mafqas;

(b)

il-movimenti tal-flieles ta’ ġurnata, tal-flieles li għadhom kemm faqqsu ta’ speċijiet oħra ta’ għasafar u tal-bajd għat-tifqis lejn l-istabbilimenti tagħhom u ’l barra minnhom, u għandha u tingħata l-informazzjoni skont ir-rilevanza dwar:

(i)

il-post tal-oriġini tagħhom jew id-destinazzjoni ppjanata, inkluż in-numru uniku tat-reġistrazzjoni jew tal-approvazzjoni tal-istabbiliment, skont liema japplika;

(ii)

id-dati ta’ dawn il-movimenti;

(c)

l-għadd ta’ bajd inkubat li ma faqqasx u d-destinazzjoni ppjanata tagħhom, inkluż in-numru uniku tar-reġistrazzjoni jew tal-approvazzjoni tal-istabbiliment, skont liema japplika;

(d)

kemm faqqsu;

(e)

id-dettalji ta’ kull programm ta’ tilqim.

KAPITOLU 3

Trasportaturi rreġistrati mal-awtorità kompetenti

Artikolu 34

Obbligi ta’ żamma ta’ rekords mit-trasportaturi rreġistrati tal-annimali terrestri miżmuma

It-trasportaturi rreġistrati għandhom jirreġistraw l-informazzjoni addizzjonali li ġejja għal kull mezz ta’ trasport li jintuża għat-trasport tal-annimali terrestri miżmuma:

(a)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni;

(b)

id-dati u l-ħinijiet tat-tagħbija tal-annimali fl-istabbiliment tal-oriġini;

(c)

l-isem, l-indirizz u n-numru uniku tar-reġistrazzjoni jew tal-approvazzjoni ta’ kull stabbiliment miżjur;

(d)

id-dati u l-ħinijiet tat-ħatt tal-annimali fl-istabbiliment tad-destinazzjoni;

(e)

id-dati u l-postijiet tat-tindif, id-diżinfezzjoni u d-diżinfestazzjoni tal-mezzi tat-trasport;

(f)

in-numri ta’ referenza tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-annimali.

KAPITOLU 4

Operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa

Artikolu 35

Obbligi ta’ żamma ta’ rekords mill-operaturi ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ ungulati u tjur miżmuma

L-operaturi ta’ stabbilimenti rreġistrati jew approvati għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ annimali ungulati u tjur miżmuma għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-data tal-mewt jew tat-telfa tal-annimali fl-istabbiliment;

(b)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-mezzi tat-trasport li jħottu u jgħabbu l-annimali u n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur ta’ dawk l-annimali, meta dan ikun disponibbli;

(c)

in-numri ta’ referenza tad-dokumenti meħtieġa li jakkumpanjaw l-annimali.

Artikolu 36

Obbligi ta’ żamma ta’ rekords mill-operaturi li jwettqu l-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati u tat-tjur miżmuma indipendentement minn ebda stabbiliment

L-operaturi rreġistrati li jwettqu l-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati u tat-tjur miżmuma indipendentement minn ebda stabbiliment għandhom jirreġistraw l-informazzjoni li ġejja għal kull annimal soġġett għax-xiri:

(a)

in-numru uniku tal-approvazzjoni jew tar-reġistrazzjoni tal-istabbiliment tal-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa li jkun għadda minnu l-annimal wara li jkun ħalla l-istabbiliment tal-oriġini u qabel ma jinxtara, meta dan ikun disponibbli;

(b)

id-data li fiha nxtara;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-akkwirent tal-annimal;

(d)

in-numru tal-pjanċa tal-liċenzja jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jħottu u jgħabbu l-annimali u n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur, meta dan ikun disponibbli;

(e)

in-numri ta’ referenza tad-dokumenti meħtieġa li jakkumpanjaw l-annimali.

Artikolu 37

Obbligi taż-żamma ta’ rekords mill-operaturi taċ-ċentri għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa

L-operaturi taċ-ċentri għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa għandhom jirreġistraw in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jgħabbu jew iħottu l-annimali, kif ukoll in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur, meta dan ikun disponibbli.

PARTI III

TRAĊĊAIBBILTÀ TAL-ANNIMALI TERRESTRI MIŻMUMA U TAL-BAJD GĦAT-TIFQIS

TITOLU I

TRAĊĊABBILTÀ TAL-ANNIMALI BOVINI MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Mezzi u metodi ta’ identifikazzjoni

Artikolu 38

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-annimali bovini fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini miżmuma, l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi li jżommu l-annimali bovini għandhom jiżguraw li l-annimali bovini jkunu identifikati b’mod individwali permezz ta’ ċomba tal-widna konvenzjonali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Anness III li għandha:

(a)

titwaħħal mal-parti esterna ta’ widnejn l-annimal b’tali mod li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal fuq il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun viżibbli, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

(b)

titwaħħal fuq l-annimali bovini fl-istabbiliment fejn jitwieldu;

(c)

ma għandhiex titneħħa, tiġi mmodifikata jew tiġi ssostitwita mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu qed jinżammu l-annimali bovini.

2.   L-operaturi li jżommu l-annimali bovini jistgħu jissostitwixxu:

(a)

waħda miċ-ċombiet tal-widna konvenzjonali msemmija fil paragrafu 1 b’identifikatur elettroniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-annimali bovini jkunu qed jinżammu;

(b)

iż-żewġ ċombiet tal-widna konvenzjonali msemmija fil-paragrafu 1 b’identifikatur elettroniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu qed jinżammu l-annimali bovini skont l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 39(1).

Artikolu 39

Eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti għall-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u għall-operaturi biex jidentifikaw l-annimali bovini miżmuma għal skopijiet kulturali, storiċi, rikreattivi, xjentifiċi jew sportivi

1.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u lill-operaturi li jżommu l-annimali bovini għal skopijiet kulturali, storiċi, rikreattivi, xjentifiċi jew sportivi mir-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni għall-annimali bovini previsti fl-Artikolu 38(1)(a).

2.   Meta tagħti l-eżenzjonijiet kif stipulat fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tal-inqas wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (d) u (e) tal-Anness III jiġi approvat mill-awtorità kompetenti għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini miżmuma minn operaturi eżentati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-proċeduri għall-applikazzjoni mill-operaturi meta jitolbu tali eżenzjoni kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 40

Dispożizzjonijiet speċjali għall-identifikazzjoni tal-annimali bovini ta’ razez imrobbija speċifikament għal avvenimenti kulturali tradizzjonali u sportivi

L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza lill-operaturi li jżommu l-annimali bovini ta’ razez imrobbija speċifikament għal avvenimenti kulturali tradizzjonali u sportivi biex jidentifikaw dawk l-annimali individwalment b’mezz alternattiv ta’ identifikazzjoni awtorizzat mill-awtorità kompetenti wara t-tneħħija taċ-ċomba tal-widna konvenzjonali msemmija fl-Artikolu 38(1)(a) dejjem jekk tinżamm rabta ċara bejn l-annimal identifikat u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tiegħu.

Artikolu 41

Sostituzzjoni taċ-ċomba tal-widna konvenzjonali għall-annimali bovini miżmuma kif imsemmi fl-Artikolu 38(1)

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw is-sostituzzjoni ta’ waħda miċ-ċombiet tal-widna konvenzjonali msemmija fl-Artikolu 38(1)(a) b’wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (c), (d) u(e) tal-Anness III għall-kategoriji kollha jew għal kategoriji speċifiċi ta’ annimali bovini miżmuma fit-territorju tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Anness III jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li juru l-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal;

(b)

li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn qed jinżammu l-annimali bovini.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni mill-manifatturi għall-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali bovini li jinżammu fit-territorju tagħhom;

(b)

l-applikazzjoni mill-operaturi li jżommu l-annimali bovini għall-mezzi ta’ identifikazzjoni li se jiġu allokati lill-istabbiliment tagħhom.

4.   Stat Membru għandu jistabbilixxi u jippubblika l-lista ta’ razez tal-annimali bovini mrobbija speċifikament għall-avvenimenti kulturali tradizzjonali u sportivi li jinżammu fit-territorju tiegħu.

KAPITOLU 2

Il-bażi tad-data kompjuterizzata

Artikolu 42

Regoli għall-informazzjoni fil-bażi tad-data kompjuterizzata tal-annimali bovini miżmuma

L-awtorità kompetenti għandha żżomm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal kull annimal bovin miżmum f’bażi tad-data kompjuterizzata skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal jeħtieġ li jkun irreġistrat;

(b)

it-tip ta’ identifikatur elettroniku, jekk ikun applikat fuq l-annimal bovin, irid jiġi rreġistrat kif elenkat fil-punti (c), (d) u(e) tal-Anness III;

(c)

trid tiġi rreġistrata l-informazzjoni li ġejja dwar l-istabbilimenti li jżommu l-annimali bovini:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment;

(d)

trid tiġi rreġistrata l-informazzjoni li ġejja dwar kull moviment tal-annimali bovini lejn l-istabbiliment u ’l barra minnu:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbilimenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni;

(ii)

id-data tal-wasla;

(iii)

id-data tat-tluq;

(e)

id-data tal-mewt naturali, tat-telfa jew tal-iskarnar tal-annimali bovini fl-istabbiliment jeħtieġ li jkunu rreġistrati.

Artikolu 43

Regoli dwar l-iskambju ta’ data elettronika bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fir-rigward tal-annimali bovini

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzata tagħhom dwar l-annimali bovini tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu sikuri f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

ikun fihom għall-inqas l-informazzjoni aġġornata prevista fl-Artikolu 42.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati tagħhom ikunu ġestiti minn sistema ta’ informazzjoni li kapaċi tapplika u tamministra l-firem elettroniċi kkwalifikati għal messaġġi ta’ skambju tad-data biex tiggarantixxi n-nonripudju dwar:

(a)

l-awtentiċità tal-messaġġi skambjati sabiex jingħataw garanziji dwar l-oriġini tal-messaġġ;

(b)

l-integrità tal-messaġġi skambjati sabiex jingħataw garanziji li l-messaġġ ma ġiex mibdul jew korrott;

(c)

it-temporanjetà tal-informazzjoni tal-messaġġi skambjati sabiex jingħataw garanziji li ntbagħtu fi żmien speċifiku.

3.   Stat Membru għandu, mingħajr ebda dewmien żejjed iżda fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jiġi infurmat, jinnotifika lill-Istat Membru li miegħu ġie stabbilit l-iskambju elettroniku tad-data, bi kwalunkwe ksur tas-sigurtà jew telf ta’ integrità li jkollu impatt sinifikanti fuq il-validità tad-data jew fuq id-data personali miżmuma fih.

KAPITOLU 3

Dokument ta’ identifikazzjoni

Artikolu 44

Dokument ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini miżmuma

Id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini miżmuma previsti fl-Artikolu 112(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 42(a) sa (d);

(b)

id-data tat-twelid ta’ kull annimal;

(c)

l-isem tal-awtorità kompetenti li ħarġitu, jew il-korp tal-ħruġ li lilu ġie assenjat il-kompitu;

(d)

id-data tal-ħruġ.

TITOLU II

TRAĊĊABBILTÀ TAL-ANNIMALI OVINI U KAPRINI MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Mezzi u metodi ta’ identifikazzjoni

Artikolu 45

Obbligi fuq l-operaturi tal-annimali ovini u kaprini miżmuma fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali, u tal-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini maħsuba biex jinġarru direttament lejn biċċerija qabel l-età ta’ 12-il xahar għandhom jiżguraw li kull annimal ta’ dan it-tip ikun identifikat tal-inqas b’ċomba tal-widna konvenzjonali mwaħħla mal-parti esterna tal-widna, jew b’faxxa tal-pastur konvenzjonali, kif elenkat fil-punt (a) jew (b) tal-Anness III li juru b’mod viżibbli, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx, jew:

(a)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbilimenti fejn twieled l-annimal;

inkella

(b)

il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal.

2.   L-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini mhux maħsuba biex jinġarru direttament lejn il-biċċerija qabel l-età ta’ 12-il xahar għandhom jiżguraw li kull annimal ta’ dan it-tip ikun identifikat individwalment kif ġej:

(a)

permezz ta’ ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III fejn jintwera l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal b’mod viżibbli, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

u

(b)

permezz ta’ wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn qed jinżammu l-annimali ovini u kaprini fejn jintwera l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal b’mod li jista’ jinqara u li ma jitħassarx.

3.   L-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini għandhom jiżguraw li:

(a)

il-mezzi tal-identifikazzjoni jitwaħħlu fuq l-annimali ovini u kaprini fl-istabbiliment fejn jitwieldu;

(b)

l-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa, jiġi mmodifikat jew issostitwit mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti.

4.   L-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini jistgħu jissostitwixxu:

(a)

wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati msemmija fil-paragrafu 2 skont id-derogi previsti fl-Artikolu 46(1), (2), (3) u (4);

(b)

iż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu b’identifikatur elettroniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-annimali ovini u kaprini jinżammu skont l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 47(1).

Artikolu 46

Derogi mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45 fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali ovini u kaprini miżmuma, u rigward l-applikazzjoni u l-użu ta’ dawn il-mezzi u metodi

1.   B’deroga mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45(2)(a), l-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini li jkunu mit-tip ta’ annimali li jitwieldu b’widnejhom żgħar wisq biex titwaħħlilhom ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III, għandhom jiżguraw li dawn l-annimali jkunu jistgħu jiġu identifikati individwalment minn faxxa tal-pastur konvenzjonali, kif elenkat fil-punt (b) ta’ dak l-Anness fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jidher ċar, jista’ jinqara u ma jistax jitħassar.

2.   B’deroga mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45(2)(a), l-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini mhux maħsuba biex jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor jistgħu jissostitwixxu ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III b’tattoo elenkat fil-punt (g) ta’ dak l-Anness, fejn il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal ikun jidher ċar, jista’ jinqara u ma jistax jitħassar dment li l-awtorità kompetenti tkun awtorizzat l-użu ta’ bolu ruminali kif elenkat fil-punt (d) ta’ dak l-Anness.

3.   B’deroga mill-Artikolu 45(2)(b), l-operaturi li jżommu annimali ovini u kaprini mhux maħsuba biex jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor u l-operaturi li jżommu annimali ovini jew kaprini eżentati mill-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku f’konformità mal-Artikolu 48, jistgħu jissostitwixxu l-identifikatur elettroniku b’tattoo kif elenkat fil-punt (g) tal-Anness III b’mod li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal ikun viżibbli, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx.

4.   B’deroga mill-Artikolu 45(2), l-operaturi li jżommu annimali ovini u kaprini maħsuba biex jiġu ttrasportati lejn il-biċċerija jew wara li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ ġbir f’daqqa jew wara li jkunu għaddew minn operazzjoni tat-tismin fi stabbiliment ieħor jistgħu jidentifikaw kull annimal tal-inqas b’ċomba tal-widna elettronika kif elenkat fil-punt (c) tal-Anness III li tkun imwaħħla mal-parti esterna tal-widna tal-annimal li turi b’mod viżibbli, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx in-numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tat-twelid tal-annimal u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ dak l-annimal li jkun jista’ jinqara u li ma jitħassarx sakemm dawk l-annimali:

(a)

mhuwiex ippjanat li dawn jinġarru lejn Stat Membru ieħor;

u

(b)

jiġu skarnati qabel l-età ta’ 12-il xahar.

Artikolu 47

Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-Artikolu 45(2) għall-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u għal dawk li jżommu l-annimali għal skopijiet kulturali, rikreattivi jew xjentifiċi

1.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u lill-operaturi li jżommu l-annimali ovini u kaprini għal skopijiet kulturali, rikreattivi jew xjentifiċi mir-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni tal-Artikolu 45(2) soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jew bolu ruminali kif elenkat fil-punt (d) tal-Anness III, jew transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-istess Anness III, ġie awtorizzat minnha għall-identifikazzjoni tal-annimali ovini u kaprini msemmija fil-paragrafu 1, u li tali mezz ta’ identifikazzjoni awtorizzat jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 48(3).

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-proċeduri għall-applikazzjoni mill-operaturi meta jitolbu tali eżenzjoni kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 48

Deroga mill-Istati Membri mir-rekwiżiti tal-Artikolu 45(2) u l-obbligi tal-Istati Membri rigward il-mezzi ta’ identifikazzjoni

1.   B’deroga mill-Artikolu 45(2)(b), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi li jżommu l-annimali ovini jew kaprini biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III, b’ċomba tal-widna konvenzjonali jew b’faxxa tal-pastur konvenzjonali kif elenkat fil-punti (a) jew (b) ta’ dak l-Anness soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma fit-territorju tiegħu ma jaqbiżx is-600 000 kif irreġistrat f’bażi tad-data kompjuterizzata;

u

(b)

l-annimali ovini u kaprini miżmuma mhumiex maħsuba biex jinġarru lejn Stat Membru ieħor.

2.   B’deroga mill-Artikolu 45(2)(b), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi li jżommu l-annimali kaprini biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III, b’ċomba tal-widna konvenzjonali jew b’faxxa tal-pastur konvenzjonali, kif elenkat fil-punti (a) jew (b) ta’ dak l-Anness soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta’ annimali kaprini miżmuma fit-territorju tiegħu ma jaqbiżx il-160 000 kif irreġistrat f’bażi tad-data kompjuterizzata;

u

(b)

mhuwiex maħsub li l-annimali kaprini miżmuma se jinġarru lejn Stat Membru ieħor.

3.   L-Istat Membru għandu jiżgura li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (a), sa (f) tal-Anness III jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li juru l-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal;

(b)

huma approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali ovini u kaprini.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għall-applikazzjoni mill:

(a)

manifatturi għall-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali ovini u kaprini miżmuma fit-territorju tagħhom;

(b)

operaturi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali ovini u kaprini li se jiġu allokati lill-istabbiliment tagħhom.

KAPITOLU 2

Il-bażi tad-data kompjuterizzata

Artikolu 49

Regoli għall-informazzjoni fil-bażi tad-data kompjuterizzata tal-annimali ovini u kaprini miżmuma

L-awtorità kompetenti għandha żżomm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 109(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għall-annimali ovini u kaprini miżmuma f’bażi tad-data kompjuterizzata skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni li ġejja jeħtieġ li tiġi rreġistrata għall-istabbilimenti li jżommu dawk l-annimali:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment;

(b)

l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi rreġistrata għal kull moviment ta’ dawk l-annimali lejn l-istabbiliment u ’l barra minnu:

(i)

l-għadd totali tal-annimali;

(ii)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbilimenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni tagħhom;

(iii)

id-data tal-wasla;

(iv)

id-data tat-tluq.

KAPITOLU 3

Dokumenti tal-moviment

Artikolu 50

Dokumenti tal-moviment ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma li se jinġarru fit-territorju tal-istess Stat Membru

Id-dokumenti tal-moviment, kif previst fl-Artikolu 113(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/429, għall-annimali ovini u kaprini miżmuma li se jinġarru fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali tal-annimal jew in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment fejn twieled l-annimal kif jidher fuq il-mezz ta’ identifikazzjoni;

(b)

it-tip ta’ identifikatur elettroniku, elenkat fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III, u l-post fejn jinsab, meta jkun twaħħal fuq l-annimal;

(c)

l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 49(a)(i) u fl-Artikolu 49(b)(i), (ii) u (iv);

(d)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur;

(e)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezz tat-trasport.

Artikolu 51

Deroga minn ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 50 għad-dokumenti tal-moviment tal-annimali ovini u kaprini miżmuma maħsubin biex jinġabru f’daqqa fit-territorju ta’ Stat Membru

L-awtorità kompetenti tista’ tagħti d-derogi mir-rekwiżiti fl-Artikolu 50(a) għall-operaturi ta’ stabbilimenti li minnhom se jinġarru l-annimali ovini u kaprini miżmuma lejn stabbiliment fejn huwa ppjanat li jsir ġbir f’daqqa tagħhom, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operaturi ma jridux jittrasportaw lill-annimali ovini u kaprini miżmuma fl-istess mezz tat-trasport ta’ annimali minn stabbilimenti oħra, sakemm il-gruppi ta’ dawk l-annimali ma jinżammux fiżikament separati minn xulxin fil-mezz tat-trasport;

(b)

l-operaturi ta’ stabbilimenti fejn ikun se jsir ġbir f’daqqa tal-annimali, soġġett għal permess mill-awtorità kompetenti, jirreġistraw il-kodiċi ta’ identifikazzjoni individwali ta’ annimal kif imsemmi fl-Artikolu 50(a) f’isem l-operatur tal-istabbiliment minn fejn jintbagħtu l-annimali ovini u kaprini u dawn ir-reġistri jinżammu minn dak l-operatur;

(c)

l-awtorità kompetenti trid tkun tat aċċess għall-bażi tad-data kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 49 lill-operaturi ta’ stabbilimenti fejn se jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-annimali ovini u kaprini;

(d)

l-operaturi tal-istabbilimenti fejn ikun se jsir ġbir f’daqqa tal-annimali irid ikollhom fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tiġi rreġistrata f’bażi tad-data kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 49.

TITOLU III

TRAĊĊABBILTÀ TAL-ANNIMALI PORCINI MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Mezzi u metodi ta’ identifikazzjoni

Artikolu 52

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-annimali porċini fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali porċini miżmuma, l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali porċini għandhom jiżguraw li kull annimal porċin ikun identifikat bil-mezzi ta’ identifikazzjoni li ġejjin:

(a)

ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III jew ċomba tal-widna elettronika kif elenkat fil-punt (c) tal-Anness III, li titwaħħal mal-parti esterna tal-widna tal-annimal u turi b’mod ċar, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku

(i)

tal-istabbiliment fejn twieled l-annimal;

inkella

(ii)

tal-aħħar stabbiliment fil-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 meta dawk l-annimali jinġarru lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista;

inkella

(b)

tattoo kif elenkat fil-punt (g) tal-Anness III fejn dan ikun applikat fuq l-annimal b’mod li ma jitħassarx in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’

(i)

tal-istabbiliment fejn twieled l-annimal;

inkella

(ii)

tal-aħħar stabbiliment fil-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 meta dawk l-annimali jinġarru lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista.

2.   L-operaturi li jżommu l-annimali porċini għandhom jiżguraw li:

(a)

il-mezzi tal-identifikazzjoni jitwaħħlu fuq l-annimali porċini:

(i)

fl-istabbiliment fejn twieldu;

inkella

(ii)

tal-aħħar stabbiliment fil-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 meta dawk l-annimali jinġarru lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista;

(b)

l-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa, jiġi mmodifikat jew issostitwit mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti.

3.   L-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali porċini jistgħu jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’identifikatur elettroniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali ovini u kaprini skont l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 54(1).

Artikolu 53

Derogi mir-rekwiżiti tal-Artikolu 52 fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali porċini miżmuma tal-katina tal-provvista

B’deroga mill-Artikolu 52, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operaturi ta’ stabbilimenti tal-katina tal-provvista jidderogaw mill-obbligu li jidentifikaw l-annimali porċini meta jkun ippjanat li dawk l-annimali jinġarru fil-katina tal-provvista fit-territorju tal-Istat Membru tagħha, dment li l-applikazzjoni prattika tal-miżuri ta’ traċċabbiltà f’dak l-Istat Membru tiżgura t-traċċabbiltà sħiħa ta’ dawk l-annimali.

Artikolu 54

Eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti għall-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u biex l-operaturi jidentifikaw l-annimali porċini miżmuma għal skopijiet kulturali, rikreattivi jew xjentifiċi

1.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi ta’ stabbilimenti konfinati u lill-operaturi li jżommu l-annimali porċini għal skopijiet kulturali, rikreattivi jew xjentifiċi mir-rekwiżiti tal-identifikazzjoni tal annimali porċini previsti fl-Artikolu 52(1).

2.   Meta tagħti l-eżenzjonijiet kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li transponder injettabbli elenkat fil-punt (e) tal-Anness III, jkun ġie awtorizzat minnha għall-identifikazzjoni tal-annimali porċini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u li tali mezz ta’ identifikazzjoni awtorizzat jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55(1).

3.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-proċeduri għall-applikazzjoni mill-operaturi meta jitolbu tali eżenzjoni kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 55

Obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (a), (c), (e), u (g) tal-Anness III jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li juru:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbilimenti fejn twieled l-annimal;

inkella

(ii)

fil-każ ta’ annimali li se jinġarru mill-istabbiliment tal-katina tal-provvista msemmi fl-Artikolu 53 għal stabbiliment ieħor barra dik il-katina tal-provvista, in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista;

(b)

li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali porċini.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għall-applikazzjoni mill:

(a)

mill-manifatturi, għall-approvazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali porċini miżmuma fit-territorju tagħhom;

(b)

mill-operaturi, għall-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali porċini li se jiġu allokati lill-istabbiliment tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi u jippubblikaw il-lista ta’ stabbilimenti fal-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53, fit-territorju tagħhom.

KAPITOLU 2

Il-bażi tad-data kompjuterizzata

Artikolu 56

Regoli għall-informazzjoni fil-bażi tad-data kompjuterizzata tal-annimali porċini miżmuma

L-awtorità kompetenti għandha żżomm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 109(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 dwar l-annimali porċini miżmuma f’bażi tad-data kompjuterizzata skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni li ġejja jeħtieġ li tiġi rreġistrata għall-istabbilimenti li jżommu dawk l-annimali:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment;

(b)

l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi rreġistrata għal kull moviment ta’ dawk l-annimali lejn l-istabbiliment u ’l barra minnu:

(i)

l-għadd totali tal-annimali;

(ii)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbilimenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni tagħhom;

(iii)

id-data tal-wasla;

(iv)

id-data tat-tluq.

KAPITOLU 3

Dokumenti tal-moviment

Artikolu 57

Dokumenti tal-moviment ta’ annimali porċini miżmuma li se jinġarru fit-territorju tal-Istat Membru

Id-dokumenti tal-moviment previsti fl-Artikolu 115(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għall-annimali tal-ispeċi porċina miżmuma li se jinġarru fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni li trid tinżamm fil-bażi tad-data kompjuterizza msemmija fl-Artikolu 56(a)(i) u fl-Artikolu 56(b)(i) (ii) u (iv);

(b)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tat-trasportatur;

(c)

in-numru tal-pjanċa jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezz tat-trasport.

TITOLU IV

TRAĊĊABBILTÀ TAL-ANNIMALI EKWINI MIŻMUMA

KAPITOLU 1

Mezzi u metodi ta’ identifikazzjoni

Artikolu 58

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-annimali ekwini f’dak li għandu x’jaqsam mal-mezzi u l-metodi tal-identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma għandhom jiżguraw li kull annimal jiġi identifikat individwalment bil-mezzi ta’ identifikazzjoni li ġejjin:

(a)

transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III;

(b)

dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja.

2.   L-operaturi ta’ annimali ekwini miżmuma għandhom jiżguraw li:

(a)

l-annimali ekwini jiġu identifikati fil-perjodi taż-żmien previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2015/262;

(b)

l-ebda mezz ta’ identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ma jitneħħa, jiġi mmodifikat jew issostitwit mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti tal-istabbiliment fejn normalment jinżammu dawk l-annimali.

3.   L-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma, li, jekk ma jkunux sidien l-annimali, jaġixxu f’isem u bi qbil ma’ sid l-annimal, għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-ħruġ ta’ dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja, imsemmi fl-Artikolu 65 jew 66, lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment fejn normalment jinżammu l-annimali, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità kompetenti biex timla dak id-dokument ta’ identifikazzjoni u r-rekords fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 64.

Artikolu 59

Obbligi tal-Istati Membri għall-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali ekwini miżmuma, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li t-transponder injettabbli msemmi fl-Artikolu 58(1)(a) jiġi sostitwit b’:

(a)

ċomba tal-widna konvenzjonali waħda kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III mwaħħla fuq l-annimali ekwini li jinżammu għall-produzzjoni tal-laħam, dment li dawk l-annimali jkunu twieldu f’dak l-Istat Membru jew ġew importati f’dak l-Istat Membru mingħajr ma kellhom mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni qabel ma daħlu fl-Unjoni;

(b)

metodu alternattiv awtorizzat mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 62, li jistabbilixxi rabta ċara bejn l-annimal ekwin u d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja msemmi fl-Artikolu 58(1)(b).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 58(1)(a), u l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li juru l-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal;

(b)

li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-annimali ekwini huma identifikati b’konformità mal-Artikolu 58(2)(a).

3.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-proċeduri biex il-manifatturi japplikaw għall-approvazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali ekwini miżmuma identifikati fit-territorju tagħhom;

(b)

jistabbilixxu l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni previsti fl-Artikolu 58(1)(b).

Artikolu 60

Derogi għall-identifikazzjoni ta’ annimali ekwini miżmuma li jgħixu f’kundizzjonijiet parzjalment fis-selvaġġ

1.   B’deroga mill-Artikolu 58(2)(a), l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw popolazzjonijiet ta’ annimali ekwini miżmuma li jgħixu f’kundizzjonijiet parzjalment fis-selvaġġ f’ċerti żoni tat-territorju tagħhom, li għandhom ikunu meħtieġa li jiġu identifikati biss f’konformità mal-Artikolu 58(1) meta:

(a)

jitneħħew minn tali popolazzjonijiet, minbarra jekk jiġu ttrasferiti taħt superviżjoni uffiċjali minn popolazzjoni speċifika għal oħra;

inkella

(b)

jiddaħħlu biex jinżammu għall-użu domestiku.

2.   Qabel ma jagħmlu użu mid-deroga prevista fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-popolazzjonijiet tal-annimali ekwini u ż-żoni fejn dawk l-annimali jgħixu f’kundizzjonijiet parzjalment fis-selvaġġ.

3.   B’deroga mill-Artikolu 58(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-applikazzjoni ta’ transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III aktar minn 12-il xahar qabel il-ħruġ ta’ dokument ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li jidher fuq it-transponder injettabbli jkun irreġistrat mill-operatur fil-ħin tal-impjantazzjoni tat-transponder injettabbli u jiġi trażmess lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 61

Derogi għall-identifikazzjoni ta’ annimali ekwini miżmuma li jintbagħtu lejn biċċerija jew li jkunu akkumpanjati minn dokument ta’ identifikazzjoni temporanju

1.   B’deroga mill-Artikolu 58(2)(a), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-użu ta’ metodu ta’ identifikazzjoni ssimplifikat għall-annimali ekwini li jkunu maħsuba biex jintbagħtu lejn il-biċċerija li għalih ma nħareġ l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja skont l-Artikolu 67(1), dment li

(a)

l-annimali ekwini jkollhom inqas minn 12-il xahar;

(b)

ikun hemm linja bla interruzzjoni tat-traċċabbiltà tal-annimali mill-istabbiliment fejn twieldu sal-biċċerija li tinsab fl-istess Stat Membru.

L-annimali ekwini jeħtieġ li jiġu ttrasportati direttament lejn il-biċċerija u waqt it-trasport iridu jiġu identifikati individwalment permezz ta’ transponder injettabbli, ċomba tal-widna konvenzjonali jew elettronika, jew faxxa tal-pastur konvenzzjonali jew elettronika kif elenkati fil-punti (a), (b), (c), (e) jew (f) tal-Anness III rispettivament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 58(2)(a), l-awtorità kompetenti għandha, fuq talba mill-operatur tal-annimal ekwin, toħroġ dokument ta’ identifikazzjoni temporanju għall-perjodu ta’ żmien meta d-dokument tal-identifikazzjoni maħruġ skont l-Artikolu 67(1) jkun ċedut lil dik l-awtorità kompetenti sabiex taġġorna d-dettalji tal-identifikazzjoni f’dak id-dokument.

Artikolu 62

Awtorizzazzjoni ta’ metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni tal-annimali ekwini miżmuma

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw metodi alternattivi xierqa għall-identifikazzjoni tal-annimali ekwini miżmuma, fosthom ir-reġistrazzjoni ta’ marki, li jiżguraw rabta ċara bejn l-annimal ekwin u d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja u juru li l-annimal ekwin għadda mill-proċess ta’ identifikazzjoni.

2.   L-Istati Membri li jawtorizzaw metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni kif previst fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li:

(a)

il-metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni jintużaw biss f’każijiet eċċezzjonali għall-identifikazzjoni ta’ annimali ekwini mdaħħla f’reġistri speċifiċi tat-tnissil jew jintużaw għal għanijiet speċifiċi, jew fil-każ ta’ annimali ekwini li ma jistgħux jiġu identifikati b’transponder injettabbli għal raġunijiet mediċi jew ta’ benessri tal-annimali;

(b)

kull metodu alternattiv ta’ identifikazzjoni awtorizzat, jew kull kombinazzjoni ta’ dawk il-metodi jipprovdu tal-inqas l-istess garanziji tat-transponder injettabbli;

(c)

il-format tal-informazzjoni dwar il-metodu alternattiv ta’ identifikazzjoni applikat fuq annimal ekwin għandu jkun adattat biex jiddaħħal f’bażitad-data li jista’ jsir tiftix fiha.

Artikolu 63

Obbligu fuq l-operaturi li jużaw metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni

1.   L-operaturi li jagħmlu użu minn metodu ta’ identifikazzjoni alternattiv awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 62(1), għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti, u jekk ikun hemm bżonn lil operaturi oħra, il-mezzi biex jaċċessaw dik l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni jew ikollhom l-oneru li b’xi mod jew bi ħlas iroddu lura l-ispejjeż tal-verifika tal-identità tal-annimali ekwini lil dawk l-awtoritajiet jew l-operaturi.

2.   Meta l-metodi alternattivi tal-identifikazzjoni jkunu bbażati fuq karatteristiċi tal-annimal ekwin li jistgħu jinbidlu maż-żmien, l-operatur għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità kompetenti biex dawn jaġġornaw id-dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 62 u l-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 64.

3.   Is-soċjetajiet tat-tnissil u l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jamministraw iż-żwiemel għall-kompetizzjonijiet jew għat-tiġrijiet jistgħu jeżiġu li l-annimali ekwini li jkunu ġew identifikati b’metodu ta’ identifikazzjoni alternattiv previst fl-Artikolu 62 jiġu identifikati bl-impjantazzjoni ta’ transponder injettabbli biex l-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina jiddaħħlu jew jiġu rreġistrati fil-kotba tat-tnissil jew biex iż-żwiemel jiġu rreġistrati għall-għanijiet ta’ kompetizzjonijiet jew ta’ tiġrijiet.

KAPITOLU 2

Il-bażi tad-data kompjuterizzata

Artikolu 64

Regoli għall-informazzjoni fil-bażi tad-data kompjuterizzata tal-annimali ekwini miżmuma

L-awtorità kompetenti għandha żżomm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 109(1)(d) tar-Regolament (UE) 2016/429 dwar l-annimali ekwini f’bażi tad-data kompjuterizzata skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

dwar l-istabbiliment fejn normalment jinżammu dawk l-annimali ekwini jridu jkunu rreġistrati:

(i)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lilu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment;

(b)

dwar kull annimal ekwin li normalment jinżamm fl-istabbiliment irid ikun irreġistrat:

(i)

il-kodiċi uniku;

(ii)

meta jkun disponibbli, il-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal li jintwera b’mezz ta’ identifikazzjoni fiżiku;

(iii)

meta t-transponder injettat ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ġie identifikat l-annimal ekwin skont l-Artikolu 58(2), is-sistema għall-qari tat-transponder injettat;

(iv)

kull informazzjoni li tikkonċerna dokumenti ta’ identifikazzjoni ġodda, duplikati jew ta’ sostituzzjoni maħruġa għall-annimal;

(v)

l-ispeċi tal-annimal;

(vi)

is-sess tal-annimali, bil-possibbiltà li tiddaħħal id-data tal-ħasja;

(vii)

id-data u l-pajjiż tat-twelid kif iddikjarati mill-operatur tal-annimal ekwin miżmum;

(viii)

id-data tal-mewt naturali fl-istabbiliment jew tat-telfa ddikjarata mill-operatur tal-annimal ekwin miżmum, inkella d-data tal-iskarnar tal-annimal;

(ix)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti, jew tal-korp tal-ħruġ li ġie assenjat il-kompitu, li ħareġ id-dokument ta’ identifikazzjoni;

(x)

id-data tal-ħruġ tad-dokument ta’ identifikazzjoni.

(c)

għandu jiġi rreġistrat il-kodiċi uniku ta’ kull annimal ekwin li jinżamm fl-istabbiliment għal perjodu ta’ aktar minn 30 jum; iżda, ħlief fil-każijiet li ġejjin:

(i)

għall-annimali ekwini li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet, tlielaq, spettakli, taħriġ u tagħbija għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum;

(ii)

għall-annimali ekwini maskili miżmuma għat-tnissil waqt l-istaġun tat-tnissil;

(iii)

għall-annimali ekwini femminili miżmuma għat-tnissil għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum.

KAPITOLU 3

Dokument ta’ identifikazzjoni

Artikolu 65

Dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja tal-annimali ekwini miżmuma

1.   Id-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja għandu jkun fih għallinqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li jintwera mit-transponder injettabbli jew miċ-ċomba tal-widna;

(b)

il-kodiċi uniku assenjat lill-annimal għat-tul ta’ ħajtu li jikkodifika

(i)

il-bażi tad-data kompjuterizzata li fiha l-awtorità kompetenti jew il-korp tal-ħruġ irreġistraw l-informazzjoni meħtieġa biex jinħareġ l-ewwel dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja msemmi fl-Artikolu 58(1)(b), u fejn meħtieġ dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja ta’ sostituzzjoni msemmi fl-Artikolu 69(2)(b);

(ii)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni numeriku tal-annimal ekwin individwali f’dik il-bażi tad-data;

(c)

l-ispeċi tal-annimal;

(d)

is-sess tal-annimal, bil-possibbiltà li tiddaħħal id-data tal-ħasja;

(e)

id-data u l-pajjiż tat-twelid kif iddikjarati mill-operatur tal-annimal ekwin miżmum;

(f)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li ħarġitu, jew tal-korp tal-ħruġ li lilu ġie assenjat il-kompitu;

(g)

id-data tal-ħruġ tad-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja;

(h)

fejn japplika, l-informazzjoni dwar is-sostituzzjoni tal-mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li kien jintwera fuq il-mezz fiżiku ta’ identifikazzjoni sostitut;

(i)

fejn japplika,

(i)

il-marka ta’ validazzjoni li ngħatat u li ddaħlet fid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja mill-awtorità kompetenti jew mill-korp li lilu ġiet iddelegata din l-attività, għal perjodu li ma jaqbiżx l-4 snin, li tiddokumenta li l-annimal huwa normalment residenti fi stabbiliment rikonoxxut mill-awtorità kompetenti li hu stabbiliment b’riskju żgħir ta’ mard minħabba li jsirulu visti tas-saħħa frekwenti, verifiki tal-identit addizzjonali u ttestjar tas-saħħa u li ma jsirx tgħammir naturali fl-istabbiliment, ħlief f’bini separat iddedikat għalhekk, bil-possibbiltà li jiġġedded il-perjodu tal-validità tal-marka ta’ validazzjoni mogħtija;

inkella

(ii)

il-liċenzja li ngħatat mill-federazzjoni nazzjonali tal-Federation Equestre Internationale għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet ekwestri u li ddaħħlet fid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja għal perjodu li ma jaqbiżx l-4 snin, jew il-liċenzja għall-parteċipazzjoni f’tiġrijiet li nħarġet mill-awtorità kompetenti tat-tiġrijiet u li tiddokumenta mill-inqas żewġ visti fis-sena minn veterinarju, inklużi dawk li huma meħtieġa biex isir tilqim regolari kontra l-influwenza ekwina u l-eżamijiet meħtieġa biex l-annimal jinġarr lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi, bil-possibbiltà li jiġġedded il-perjodu ta’ validità tal-liċenzja maħruġa.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni uniċi għat-tul tal-ħajja għall-annimali ekwini rreġistrati u għall-ekwidi identifikati skont l-Artikolu 62 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni bl-istampi u verbali tal-annimal, bil-possibbiltà li din l-informazzjoni tiġi aġġornata;

(b)

fejn japplika, informazzjoni dettaljata dwar il-metodi alternattivi ta’ identifikazzjoni;

(c)

fejn japplika, informazzjoni dwar ir-razza skont l-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1940;

(d)

fejn japplika, l-informazzjoni meħtieġa għall-użu tad-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja għal skopijiet sportivi f’konformità mar-rekwiżiti tal-organizzazzjonijiet rilevanti li jimmaniġġjaw iż-żwiemel għall-kompetizzjonijiet jew għat-tiġrijiet, inkluża l-informazzjoni dwar it-testijiet għall-mard elenkat u mhux elenkat u t-tilqim kontrih kif meħtieġ għall-aċċess għall-kompetizzjonijiet u għat-tiġrijiet u biex tinkiseb il-liċenzja msemmija fil-paragrafu 1(i)(ii).

Artikolu 66

Obbligi fuq l-operaturi ta’ annimali ekwini miżmuma fir-rigward tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni uniċi għat-tul tal-ħajja

1.   L-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jkunu dejjem akkumpanjati mid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja tagħhom.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-operaturi ma għandux ikollhom jiżguraw li l-annimali ekwini miżmuma jkunu akkumpanjati mid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja tagħhom meta dawk l-annimali:

(a)

ikunu fl-istalla jew fil-mergħat, u d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja jista’ jiġi ppreżentat mingħajr dewmien mill-operatur tal-annimal ekwin miżmum jew mill-operatur tal-istabbiliment li fih jinżamm l-annimal;

(b)

temporanjament jintrikbu, jitmexxew, jitwasslu jew jittieħdu:

(i)

fil-qrib tal-istabbiliment fejn jinżamm l-annimal fi Stat Membru;

inkella

(ii)

matul it-transumanza tal-annimali lejn u iż-żoni tal-mergħat għas-sajf reġistrati u lura minnhom, dment li d-dokumenti ta’ identifikazzjoni uniċi għat-tul tal-ħajja jkunu jistgħu jiġu ppreżentati fl-istabbiliment tat-tluq;

(c)

annimali ekwini li mhumiex miftuma u li jakkumpanjaw lil ommhom jew lill-omm adottiva tagħhom;

(d)

qed jipparteċipaw f’taħriġ jew test ta’ kompetizzjoni, tiġrija jew avveniment ekwestri li jitlobhom li jħallu temporanjament l-istabbiliment fejn ikun qed iseħħ it-taħriġ, il-kompetizzjoni, it-tiġrija jew l-avveniment;

(e)

itrasferiti jew ittrasportat f’sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mal-annimali nfushom jew mal-istabbiliment fejn jinżammu.

3.   L-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma ma għandhomx iġorru l-annimali ekwini akkumpanjati mid-dokument temporanju msemmi fl-Artikolu 61(2) lejn il-biċċerija.

4.   L-operaturi tal-annimali ekwini miżmuma għandhom jirritornaw id-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja lill-awtorità kompetenti li ħarġitu, jew lill-korp tal-ħruġ li lilu ġie ddelegat il-kompitu, kif iddekodifikat mill-kodiċi uniku wara l-mewt jew it-telfa tal-annimal ekwin.

Artikolu 67

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-ħruġ tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni uniċi għat-tul tal-ħajja duplikati u ta’ sostituzzjoni

1.   Fuq applikazzjoni mill-operatur, l-awtorità kompetenti jew il-korp tal-ħruġ li lilu ġie ddelegat il-kompitu, għandhom joħorġu dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja duplikat fejn l-identità tal-annimal ekwin miżmum tista’ tiġi stabbilita u l-operatur jew

(a)

iddikjara t-telfa tad-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja maħruġ fir-rigward tal-annimal;

inkella

(b)

ma identifikax l-annimal fiż-żminijiet stipulati fl-Artikolu 58(2)(a).

2.   Fuq applikazzjoni mill-operatur jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja ta’ sostituzzjoni fejn l-identità tal-annimal ma tistax tiġi stabbilita u l-operatur jew

(a)

iddikjara t-telfa tad-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja maħruġ fir-rigward tal-annimal;

inkella

(b)

naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni tal-Artikolu 58(2)(b).

Artikolu 68

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni permanenti uniċi għall-annimali ekwini reġistrati

Meta annimal ekwin identifikat isir annimal ekwin irreġistrat u d-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja maħruġ fir-rigward ta’ dak l-annimal ma jkunx jista’ jiġi addattat biex jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 65(2), l-awtorità kompetenti, jew il-korp tal-ħruġ li lilu ġie ddelegat il-kompitu, fuq applikazzjoni mill-operatur tal-annimal ekwin għandha toħroġ dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja ġdid biex jissostitwixxi dak preċedenti, li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 65(1) u (2).

Artikolu 69

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni duplikati, ta’ sostituzzjoni, u ġodda

1.   L-awtorità kompetenti, jew il-korp tal-ħruġ li lilu ġie ddelegat il-kompitu, għandhom idaħħlu l-informazzjoni dwar il-ħruġ ta’ dokument ta’ identifikazzjoni duplikat jew ta’ sostituzzjoni skont l-Artikolu 67 jew dwar il-ħruġ ta’ dokument ta’ identifikazzjoni ġdid skont l-Artikolu 68 fil-bażi tad-data kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 64.

2.   L-awtorità kompetenti, jew il-korp tal-ħruġ li lilu ġie ddelegat il-kompitu, għandhom idaħħlu

(a)

fid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja duplikat u fid-dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku l-ġdid, il-kodiċi uniku assenjat lill-annimal skont l-Artikolu 65(1)(b) fid-data tal-ħruġ tal-ewwel dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja;

inkella

(b)

fid-dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja ta’ sostituzzjoni, il-kodiċi uniku assenjat lill-annimal ekwin fid-data tal-ħruġ tiegħu.

TITOLU V

TRAĊĊABBILTÀ TAL-KLIEB, TAL-QTATES U TAL-INMSA MIŻMUMA, TAL-ANNIMALI TAL-FAMILJA TAL-IĠMLA U TAĊ-ĊERVIDI, TAL-GĦASAFAR MIŻMUMA U TAL-ANNIMALI TERRESTRI F’ĊIRKI LI JIVVJAĠĠAW U WIRJIET TAL-ANNIMALI

KAPITOLU 1

Traċċabbiltà tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa miżmuma

Taqsima 1

Mezzi ta’ identifikazzjoni

Artikolu 70

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

L-operaturi li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom jiżguraw li:

(a)

dawk l-annimali jkunu identifikati individwalment permezz ta’ transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III meta jinġarru lejn Stat Membru ieħor;

(b)

it-transponder injettabbli li se jiġi impjantat fl-annimal ikun approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti, u fejn meħtieġ lill-operaturi l-oħra, l-apparat tal-qari li jippermetti fi kwalunkwe ħin il-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal f’każ li t-transponder injettabli impjantat ma kienx approvat mill-awtorità kompetenti.

Taqsima 2

Dokument ta’ identifikazzjoni

Artikolu 71

Dokument ta’ identifikazzjoni tal-klieb, il-qtates u l-inmsa miżmuma

L-operaturi li jżommu l-klieb, il-qtates u l-inmsa għandhom jiżguraw li kull wieħed minn dawk l-annimali, meta jinġarr lejn Stat Membru ieħor, ikun akkumpanjat minn dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, li jkun mimli kif meħtieġ u li jkun inħareġ f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament.

Taqsima 3

Traċċabbiltà tal-annimali domestiċi

Artikolu 72

Rekwiżiti tat-traċċabbiltà għall-movimenti tal-annimali domestiċi għajr il-movimenti mhux kummerċjali

L-operaturi għandhom jiżguraw li l-annimali domestiċi li jinġarru fi Stat Membru ieħor għal skopijiet għajr il-moviment mhux kummerċjali, jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 70 u 71.

KAPITOLU 2

Traċċabbiltà tal-annimali tal-familja tal-iġmla u taċ-ċervidi miżmuma

Artikolu 73

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi li jżommu l-annimali tal-familja tal-iġmla għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jkunu identifikati individwalment jew permezz ta’:

(a)

ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III li titwaħħal mal-parti esterna tal-widna tal-annimali fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod ċar, jista’ jinqara u ma jistax jitħassar;

inkella

(b)

transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod li jista’ jinqara u li ma jitħassarx.

2.   L-operaturi li jżommu l-annimali ċervidi għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jkunu identifikati individwalment permezz ta’ dawn il-mezzi li ġejjin:

(a)

ċomba tal-widna konvenzjonali kif elenkat fil-punt (a) tal-Anness III li titwaħħal mal-parti esterna tal-widna tal-annimali fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod ċar, jista’ jinqara u ma jistax jitħassar;

inkella

(b)

transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

inkella

(c)

tattoo kif elenkat fil-punt (g) tal-Anness III li jkun applikat fuq l-annimal b’mod li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni jintwera b’mod li ma jitħassarx.

3.   L-operaturi li jżommu l-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi għandhom jiżguraw li:

(a)

il-mezzi tal-identifikazzjoni jitwaħħlu fuq dawk l-annimali fl-istabbiliment fejn twieldu;

(b)

l-ebda mezz ta’ identifikazzjoni ma jista’ jitneħħa, jiġi mmodifikat jew issostitwit mingħajr il-permess tal-awtorità kompetenti;

(c)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti, u fejn meħtieġ lill-operaturi l-oħra, l-apparat tal-qari li jippermetti fi kwalunkwe ħin il-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal f’każ li t-transponder injettabbli impjantat ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 74

Eżenzjoni għall-operaturi li jżommu r-renniet

Bħala eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-Artikolu 73(2), l-operaturi li jżommu r-renniet għandhom jiżguraw li dawk l-annimali miżmuma fl-istabbilimenti tagħhom ikunu identifikati b’mod individwali b’metodu alternattiv awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Artikolu 75

L-obbligi tal-Istati Membri rigward il-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi miżmuma

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elenkati fil-punti (a), (e), u (g) tal-Anness III jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li juru l-kodiċi tal-identifikazzjoni tal-annimal;

(b)

li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni għall-approvazzjoni mill-manifatturi ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi miżmuma fit-territorju tagħhom;

(b)

l-applikazzjoni minn operaturi li jżommu l-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni li jridu jiġu allokati lill-istabbiliment tagħhom.

KAPITOLU 3

Traċċabbiltà tal-għasafar miżmuma

Artikolu 76

Obbligi fuq l-operaturi li jżommu l-psittacidae fir-rigward tal-mezzi u l-metodi tal-identifikazzjoni ta’ dawk l-annimali, u l-applikazzjoni u l-użu tagħhom

1.   L-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom jiżguraw li dawk l-annimali jkunu identifikati individwalment, meta dawn jinġarru lejn Stat Membru ieħor, permezz ta’ wieħed mill-mezzi ta’ identifikazzjoni li ġejjin:

(a)

ċurkett fis-sieq kif elenkat fil-punt (h) tal-Anness III li jitwaħħal tal-inqas ma’ sieq waħda tal-annimal fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod ċar, li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

inkella

(b)

transponder injettabbli kif elenkat fil-punt (e) tal-Anness III fejn il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal jintwera b’mod li jista’ jinqara u li ma jitħassarx;

inkella

(c)

tattoo kif elenkat fil-punt (g) tal-Anness III applikat fuq l-annimal b’mod li l-kodiċi ta’ identifikazzjoni jintwera b’mod ċar u li ma jitħassarx.

2.   L-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom:

(a)

jiżguraw li l-mezz ta’ identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 1(b) jkun approvat mill-awtorità kompetenti;

(b)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti, u fejn meħtieġ lill-operaturi l-oħra, l-apparat tal-qari li jippermetti fi kwalunkwe ħin il-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal f’każ li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti.

KAPITOLU 4

Traċċabbiltà ta’ annimali terrestri miżmuma fiċ-ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali

Taqsima 1

Id-dokumenti tal-moviment u l-identifikazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali

Artikolu 77

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tad-dokument tal-moviment ta’ annimali terrestri miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali

1.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ dokument tal-moviment kif previst fl-Artikolu 117(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għall-annimali terrestri kollha miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw jew għall-wirjiet tal-annimali li se jinġarru lejn Stat Membru ieħor, għajr għal-lagomorfi, ir-rodituri, in-naħal u n-naħal bagħli.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-dokument tal-moviment previst fil-paragrafu 1 jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem kummerċjali taċ-ċirku li qed jivvjaġġa jew tal-wirja tal-annimali;

(b)

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku taċ-ċirku li qed jivvjaġġa jew tal-wirja tal-annimali assenjat mill-awtorità kompetenti;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-operatur taċ-ċirku li qed jivvjaġġa jew tal-wirja tal-annimali;

(d)

l-ispeċi u l-għadd;

(e)

għal kull annimal li l-operatur taċ-ċirku li qed jivvjaġġa jew tal-wirja tal-annimali ma jkunx responsabbli għalih, l-isem u l-indirizz tal-operatur responsabbli għall-annimal jew ta’ sid l-annimal domestiku;

(f)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal li jintwera bil-mezzi ta’ identifikazzjoni previsti fl-Artikoli 38, 39, 45, 47, 52, 54, 58, 70, 73, 74 u 76;

(g)

it-tip ta’ identifikatur elettroniku u l-post fejn jinsab, jekk ikun twaħħal fuq l-annimal kif imsemmi fil-punt (f);

(h)

il-marka ta’ identifikazzjoni, il-mezz ta’ identifikazzjoni u l-post fejn jinsab, meta applikabbli, għal annimali oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (f) applikati mill-operatur;

(i)

id-data tal-moviment ta’ kull annimal lejn u lura miċ-ċirku li qed jivvjaġġa jew lejn u lura mill-wirja tal-annimali;

(j)

l-isem, l-indirizz u l-firma tal-veterinarju uffiċjali li qed joħroġ id-dokument ta’ identifikazzjoni;

(k)

id-data tal-ħruġ tad-dokument tal-moviment.

Artikolu 78

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tad-dokument ta’ identifikazzjoni ta’ annimali terrestri miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali

1.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ dokument ta’ identifikazzjoni kif previst fl-Artikolu 117(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal kull annimal terrestri miżmum f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali li se jinġarru fi Stat Membru ieħor, għajr għall-annimali tal-ispeċi ekwina, l-għasafar, il-klieb, il-qtates u l-inmsa, il-lagomorfi u r-rodituri.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-dokument ta’ identifikazzjoni previst fil-paragrafu 1 jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-operatur responsabbli għall-annimal;

(b)

l-ispeċi, is-sess, il-kulur, u kull karatteristika jew karatteristiċi tal-annimal notevoli jew li jintgħarfu;

(c)

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal identifikat bil-mezzi ta’ identifikazzjoni previsti fl-Artikoli 38, 39, 45, 47, 52, 54, 58, 70, 73, 74 u 76;

(d)

it-tip ta’ identifikatur elettroniku u l-post fejn jinsab, jekk ikun applikat fuq l-annimal kif imsemmi fil-punt (c);

(e)

il-marka ta’ identifikazzjoni, il-mezz ta’ identifikazzjoni u l-post fejn jinstab, jekk japplika, għal annimali oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (c) applikati mill-operatur;

(f)

dettalji dwar it-tilqim tal-annimal, jekk japplika;

(g)

dettalji dwar it-trattamenti tal-annimal, jekk japplika;

(h)

dettalji dwar it-testijiet dijanjostiċi;

(i)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li qed toħroġ id-dokument ta’ identifikazzjoni;

(j)

id-data tal-ħruġ tad-dokument ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 79

Obbligi fuq l-awtorità kompetenti fir-rigward tad-dokument ta’ identifikazzjoni tal-għasafar miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali

1.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ dokument ta’ identifikazzjoni kif previst fl-Artikolu 117(b) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal qatgħa għasafar miżmuma f’ċirki li jivvjaġġaw u għall-wirjiet tal-annimali li se jinġarru lejn Stat Membru ieħor.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-dokument ta’ identifikazzjoni previst fil-paragrafu 1 jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-operatur responsabbli għall-għasafar;

(b)

l-ispeċijiet tal-għasafar;

(c)

il-marka ta’ identifikazzjoni, il-mezz ta’ identifikazzjoni u l-post fejn jinsab jekk ikun ġie applikat fuq l-għasafar;

(d)

dettalji dwar it-tilqim tal-għasafar, jekk japplika;

(e)

dettalji dwar it-trattamenti tal-għasafar, jekk japplika;

(f)

dettalji dwar it-testijiet dijanjostiċi;

(g)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti li qed toħroġ id-dokument ta’ identifikazzjoni;

(h)

id-data tal-ħruġ tad-dokument ta’ identifikazzjoni.

TITOLU VI

TRAĊĊABBILTÀ TAL-BAJD GĦAT-TIFQIS

Artikolu 80

Obbligu fuq l-operaturi fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-bajd għat-tifqis

L-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur u l-operaturi tal-imfaqas għandhom jiżguraw li kull bajda għat-tifqis tkun immarkata bin-numru tal-approvazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini tal-bajd għat-tifqis.

TITOLU VII

TRAĊĊABBILTÀ TAL-ANNIMALI TERRESTRI MIŻMUMA WARA LI JIDĦLU FL-UNJONI

Artikolu 81

Obbligi fuq l-operaturi fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, tal-annimali tal-familja tal-iġmla jew taċ-ċervidi miżmuma wara li jidħlu fl-Unjoni

1.   Fil-każ li l-mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu twaħħlu fuq l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, fuq l-annimali tal-familja tal-iġmla jew fuq iċ-ċervidi miżmuma f’pajjiżi jew f’territorji terzi, wara li dawn jidħlu fl-Unjoni u meta jibqgħu fl-Unjoni, l-operaturi tal-ewwel stabbilimenti fejn ikunu daħlu dawn l-annimali għandhom jiżguraw li l-annimali jkunu identifikati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni previsti fl-Artikoli 38, 39, 45, 47, 52, 54, 73 u 74, kif xieraq.

2.   Fil-każ tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, l-annimali tal-familja tal-iġmla jew taċ-ċervidi miżmuma li joriġinaw minn Stati Membri u li jkunu identifikati skont ir-regoli tal-Unjoni, wara li dawn jiddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jew minn territorji terzi, u meta jibqgħu fl-Unjoni, l-operaturi tal-ewwel stabbilimenti fejn ikunu daħlu dawn l-annimali għandhom jassiguraw li l-annimali jkunu identifikati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni previsti f’Artikoli 38, 39, 45, 47, 52, 54, 73 u 74, kif xieraq.

3.   L-operaturi ma għandhomx japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, għall-annimali tal-familja tal-iġmla jew għaċ-ċervidi miżmuma li jkun ippjanat li se jinġarru lejn biċċerija li tinsab fi Stat Membru, sakemm l-annimali jiġu skarnati fil-perjodu tal-ħamest ijiem ta’ wara li jidħlu fl-Unjoni.

Artikolu 82

Obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, l-annimali tal-familja tal-iġmla jew iċ-ċervidi miżmuma wara li jidħlu fl-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għall-operaturi ta’ stabbilimenti li jżommu l-annimali msemmija fl-Artikolu 81(2) biex isegwuhom meta jitolbu l-allokazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni lill-istabbiliment tagħhom.

Artikolu 83

Obbligi fuq l-operaturi fir-rigward tal-mezzi u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-annimali miżmuma tal-ispeċi ekwina wara li jidħlu fl-Unjoni

L-operaturi tal-annimali miżmuma tal-ispeċi ekwina għandhom jiżguraw li wara d-dħul tal-annimali ekwini fl-Unjoni u meta jibqgħu fl-Unjoni, dawn jiġu identifikati skont l-Artikolu 58 wara d-data tat-tlestija tal-proċedura doganali, kif iddefinit fl-Artikolu 5(16)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

PARTI IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 84

Tħassir

L-atti li ġejjin huma mħassra mill-21 ta’ April 2021:

ir-Regolament (KE) Nru 509/1999,

ir-Regolament (KE) Nru 2680/99,

id-Deċiżjoni 2000/678/KE,

id-Deċiżjoni 2001/672/KE,

ir-Regolament (KE) Nru 911/2004,

id-Deċiżjoni 2004/764/KE,

ir-Regolament (KE) Nru 644/2005,

ir-Regolament (KE) Nru 1739/2005,

id-Deċiżjoni 2006/28/KE,

id-Deċiżjoni 2006/968/KE,

id-Deċiżjoni 2009/712/KE,

Ir-Regolament (UE) 2015/262.

Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 85

Miżuri tranżitorji b’rabta mat-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1739/2005

Minkejja l-Artikolu 84 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1739/2005 dwar ir-reġistru tal-annimali u l-passaporti tal-annimali, u l-Annessi I, III u IV tiegħu, għandhom jibqgħu japplikaw sa data li trid tiġi stabbilita mill-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 86

Miżuri tranżitorji b’rabta mat-tħassir tar-Regolament (UE) 2015/262

Minkejja l-Artikolu 84 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

l-iskadenzi għall-identifikazzjoni tal-ekwidi li jitwieldu fl-Unjoni previsti fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2015/262 għandhom jibqgħu japplikaw sa data li tiddetermina l-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429;

(b)

ir-regoli dwar l-ekwidi maħsubin għall-iskarnar għall-konsum mill-bniedem u dwar ir-rekords tal-medikazzjoni, previsti fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2015/262, għandhom jibqgħu japplikaw sa data li tiddetermina l-Kummissjoni f’att delegat adottat skont l-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2019/6;

(c)

ir-regoli dwar il-format u l-kontenut tad dokumenti tal-identifikazzjoni li jinħarġu għall-ekwidi li jitwieldu fl-Unjoni, previsti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/262 għandhom jibqgħu japplikaw sa data li tiddetermina l-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 87

Miżuri tranżitorji rigward l-identifikazzjoni ta’ annimali terrestri miżmuma

1.   L-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ir-Regolament (KE) Nru 21/2004, u d-Direttiva 2008/71/KE, kif ukoll l-atti adottati bbażati fuqhom, għandhom jibqgħu japplikaw sal-21 ta’ April 2021.

2.   L-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma li jkunu ġew identifikati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 u d-Direttiva 2008/71/KE, kif ukoll l-atti adottati bbażati fuqhom, għandhom jitqiesu li ġew identifikati skont dan ir-Regolament.

3.   L-annimali ekwini miżmuma li jkunu ġew identifikati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/262 għandhom jitqiesu li ġew identifikati skont dan ir-Regolament.

4.   L-annimali tal-familja tal-iġmla u ċ-ċervidi miżmuma li ġew identifikati qabel il-21 ta’ April 2021 skont il-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jitqiesu li ġew identifikati skont dan ir-Regolament.

5.   Il-psittacidae miżmuma li jkunu ġew identifikati qabel il-21 ta’ April 2021 skont id-Direttiva 92/65/KEE għandhom jitqiesu li ġew identifikati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 88

Miżuri tranżitorji rigward l-informazzjoni fir-reġistri li jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-21 ta’ April 2021, l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan ir-Regolament dwar l-istabbilimenti u l-operaturi eżistenti msemmija fl-Artikolu 279(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 tkun iddaħħlet dwar kull stabbiliment u operatur fir-reġistri ddedikati għalihom li jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 89

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tifqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 tas-7 ta’ Jannar 2013 li tistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (ĠU L 47, 20.2.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1739/2005 tal-21 ta’ Ottubru 2005 li jistipula r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-moviment tal-annimali taċ-ċirku bejn l-Istati Membri (ĠU L 279, 22.10.2005, p. 47).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(16)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/262 tas-17 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi regoli skont id-Direttivi tal-Kunsill 90/427/KEE u 2009/156/KE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni tal-equidae (Regolament dwar il-Passaport Ekwin) (ĠU L 59, 3.3.2015, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, majjali ibridi għat-tnissil u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

(19)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940 tat-13 ta’ Lulju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u tal-format ta’ ċertifikati żootekniċi maħruġa għal annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina inklużi f’dokument ta’ identifikazzjoni uniku għat-tul tal-ħajja għall-equidae (ĠU L 275, 25.10.2017, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 509/1999 tat-8 ta’ Marzu 1999 dwar estensjoni tal-perjodu massimu taż-żmien preskritt għat-twaħħil ta’ lametti tal-widnejn tal-bufli (Bison bison spp.) (ĠU L 60, 9.3.1999, p. 53).

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2680/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li japprova sistema ta’ identifikazzjoni għall-barrin maħsuba għall-ġrajjiet kulturali u sportivi (ĠU L 326, 18.12.1999, p. 16).

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/678/KE tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-registrazzjoni ta’ rziezet f’databases nazzjonali għall-majjali kif prevvist mid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (ĠU L 281, 7.11.2000, p. 16).

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE tal-20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (ĠU L 235, 4.9.2001, p. 23).

(25)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lametti tal-widnejn, tal-passaporti u tar-reġistri (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 65).

(26)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/764/KE tat-22 ta’ Ottubru 2004 dwar estensjoni tal-perjodu massimu stabbilit għall-applikazzjoni tal-lametti tal-widnejn fuq ċerti annimali bovini li jinżammu fir-riżervi naturali fin-Netherlands, (ĠU L 339, 16.11.2004, p. 9).

(27)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 644/2005 tas-27 ta’ April 2005 li jawtorizza sistema ta’ identifikazzjoni speċifika għall-annimali bovini miżmuma għal għanijiet kulturali u storiċi f’postijiet approvati kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 107, 28.4.2005, p. 18).

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/28/KE tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar estensjoni tal-perjodu massimu biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fuq ċerti annimali bovini (ĠU L 19, 24.1.2006, p. 32).

(29)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/968/KE tal-15 ta’ Diċembru 2006 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward ta’ linji gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni tal-annimali ovini u kaprini (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 41).

(30)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/712/KE tat-18 ta’ Settembru 2009 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE fir-rigward ta’ paġni ta’ tagħrif ibbażati fuq l-Internet li fihom listi ta’ stabbilimenti u laboratorji approvati mill-Istati Membri bi qbil mal-leġiżlazzjoni veterinarja u żooteknika tal-Komunità (ĠU L 247, 19.9.2009, p. 13).


ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-GĦOTI TA’ APPROVAZZJONI LILL-ISTABBILIMENTI KIF IMSEMMI FIL-KAPITOLI 2, 3 U 4 TAT-TITOLU I TAL-PARTI II

PARTI 1

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati msemmija fl-Artikolu 5

1.

Ir-rekwiżiti f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

iridu jkunu disponibbli faċilitajiet xierqa ta’ iżolament għall-ungulati;

(b)

fi kwalunkwe ħin, huwa meħtieġ li l-istabbiliment jakkomoda biss l-istess kategorija ta’ ungulati tal-istess speċi u status ta’ saħħa;

(c)

irid ikun hemm sistema xierqa fis-seħħ li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi;

(d)

iż-żoni fejn jinżammu l-ungulati u kull passaġġ, u materjal u tagħmir li jiġu f’kuntatt magħhom iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara li jitneħħa kull grupp ta’ ungulati, u fejn meħtieġ, qabel ma jiddaħħal grupp ġdid ta’ ungulati, skont il-proċeduri operattivi stabbiliti;

(e)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull grupp ġdid ta’ ungulati fil-faċilitajiet fejn jinżammu l-ungulati.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u t-tagħmir ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

irid ikollhom disponibbli tagħmir u faċilitajiet xierqa għat-tgħabbija u l-ħatt tal-ungulati;

(b)

jeħtieġ li jkunu disponibbli postijiet adegwati għall-għajxien ta’ standard addattat għall-ungulati mibnija b’tali mod li ma jkunx jista’ jsir kuntatt ma’ bhejjem li jkunu barra u ma jkunx hemm komunikazzjoni diretta mal-akkomodazzjoni ta’ iżolament, u fejn l-ispezzjoni u kull trattament meħtieġ jistgħu jitwettqu faċilment;

(c)

irid ikun hemm żona xierqa fejn jinħażnu l-materjal tal-marqad, l-għalf, il-mifrex u d-demel;

(d)

iż-żoni fejn jinżammu dawk l-annimali u l-passaġġi, l-artijiet, il-ħitan, ir-rampi u kull materjal jew tagħmir ieħor li jiġi f’kuntatt magħhom iridu jkunu jistgħu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment;

(e)

irid ikun hemm it-tagħmir xieraq għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet, tat-tagħmir u tal-mezzi tat-trasport li jintużaw għall-ungulati.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-persunal ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

irid ikollhom il-ħila u l-għarfien xierqa, u jkunu rċevew taħriġ speċifiku, jew ikunu kisbu l-esperjenza prattika ekwivalenti:

(i)

fl-immaniġġjar tal-ungulati li jinżammu fl-istabbiliment, u jekk ikun hemm bżonn fl-amministrazzjoni tal-kura xierqa lilhom;

(ii)

fit-tekniki ta’ diżinfezzjoni u iġjene għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard trażmissibbli.

4.

Ir-rekwiżiti f’dak li għandu x’jaqsam mas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur irid jipprovdi l-possibbiltà lill-veterinarju uffiċjali li juża uffiċċju

(i)

għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tal-ungulati;

(ii)

biex jispezzjona l-istabbiliment għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1, 2 u 3;

(iii)

fejn ikun jista’ jħejji ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-ungulati;

(b)

l-operatur irid jiżgura li jekk il-veterinarju uffiċjali jitlob l-għajnuna biex iwettaq id-dmirijiet ta’ superviżjoni msemmija f’4(a)(i) din tingħatalu.

PARTI 2

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur imsemmija fl-Artikolu 6

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħrajn tal-istabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 6, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li jkun hemm disponibbli faċilitajiet xierqa ta’ iżolament għat-tjur;

(b)

jeħtieġ li fi kwalunkwe ħin l-istabbiliment iżomm biss l-istess kategorija ta’ tjur tal-istess speċi u status ta’ saħħa;

(c)

irid ikun hemm sistema xierqa fis-seħħ li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi;

(d)

iż-żoni fejn jinżammu t-tjur u kull passaġġ, u l-materjal u t-tagħmir li jiġu f’kuntatt magħhom għandhom jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara t-tneħħija ta’ kull grupp ta’ tjur, u fejn meħtieġ, qabel ma jiddaħħal grupp ġdid ta’ tjur, skont il-proċeduri operattivi stabbiliti;

(e)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull grupp ġdid ta’ tjur fil-faċilitajiet fejn jinżammu t-tjur;

(f)

il-viżitaturi jridu jilbsu lbies protettiv u l-persunal irid jilbes ħwejjeġ għax-xogħol xierqa u jaġixxi skont ir-regoli dwar l-iġjene mfassla mill-operatur.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u mat-tagħmir ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 6, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li l-istabbiliment iżomm biss it-tjur;

(b)

irid ikun hemm żona xierqa fejn jinħażnu l-materjal tal-marqad, l-għalf, il-mifrex u d-demel;

(c)

jeħtieġ li t-tjur ma jiġux f’kuntatt ma’ rodituri u ma’ għasafar ġejjin minn barra l-istabbiliment;

(d)

iż-żoni fejn jinżammu dawk l-annimali u l-passaġġi, l-artijiet, il-ħitan, ir-rampi u kull materjal jew tagħmir ieħor li jiġi f’kuntatt magħhom iridu jkunu jistgħu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment;

(e)

irid ikun disponibbli tagħmir xieraq għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet, tat-tagħmir u tal-mezzi tat-trasport li jintużaw għat-tjur;

(f)

l-istabbiliment irid ikollu kundizzjonijiet ta’ iġjene tajbin u jippermetti li jsir monitoraġġ sanitarju.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-persunal ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 6, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

ikollhom il-ħila u l-għarfien xierqa, u jkunu rċevew taħriġ speċifiku, jew ikunu kisbu l-esperjenza prattika ekwivalenti:

(i)

fl-immaniġġjar tat-tjur li jinżammu fl-istabbiliment, u jekk ikun hemm bżonn, fl-amministrazzjoni ta’ kura xierqa lilhom;

(ii)

fit-tekniki ta’ diżinfezzjoni u iġjene għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard trażmissibbli.

4.

Ir-rekwiżiti b’rabta mas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti ta’ stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 6, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur irid jipprovdi l-possibbiltà lill-veterinarju uffiċjali li juża uffiċċju:

(i)

għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa tat-tjur;

(ii)

biex jispezzjona l-istabbiliment għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1, 2 u 3;

(iii)

fejn ikun jista’ jħejji ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għat-tjur;

(b)

l-operatur irid jiżgura li jekk il-veterinarju uffiċjali jitlob l-għajnuna biex iwettaq id-dmirijiet ta’ superviżjoni msemmija f’4(a)(i) din tingħatalu.

PARTI 3

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-imfaqas imsemmija fl-Artikolu 7

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà tal-imfaqas, kif imsemmi fl-Artikolu 7, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-bajd għat-tifqis tat-tjur irid jiġi jew minn stabbilimenti approvati li jżommu tjur għat-tgħammir jew minn imfaqas tat-tjur approvati oħrajn;

(b)

il-bajd irid jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat, fil-ħin bejn il-wasla tiegħu fil-mafqas u l-proċess ta’ inkubazzjoni jew fil-ħin meta jintbagħat sakemm ma jkunx diġà ġie ddiżinfettat fl-istabbiliment tal-oriġini;

(c)

dawn li ġejjin iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati:

(i)

l-inkubaturi u t-tagħmir wara t-tifqis;

(ii)

il-materjali tal-imballaġġ wara kull użu, sakemm ma jkunux li jintużaw darba biss u għaldaqstant li jridu jinqerdu wara l-ewwel użu;

(d)

irid ikun hemm sistema xierqa fis-seħħ li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi;

(e)

jingħata ilbies protettiv lill-ħaddiema viżitaturi;

(f)

il-persunal irid jingħata lbies xieraq għax-xogħol u l-att dwar l-imġiba skont ir-regoli tal-iġjene.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ sorveljanza tal-imfaqas, kif imsemmi fl-Artikolu 7, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li l-operatur jimplimenta programm ta’ kontroll tal-kwalità mikrobijoloġika skont il-Parti 1 tal-Anness II;

(b)

l-operatur tal-mafqas irid jiżgura li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti mal-operatur tal-istabbiliment li jżomm it-tjur minn fejn joriġina l-bajd għat-tifqis għat-teħid ta’ kampjuni, li jridu jittieħdu fil-mafqas biex jiġu ttestjati għall-aġenti tal-mard imsemmija fil-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-Parti 2 tal-Anness II, biex dak il-programm jitwettaq.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u mat-tagħmir tal-imfaqas, kif imsemmi fl-Artikolu 7, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-imfaqas iridu jkunu fiżikament u operazzjonalment separati minn faċilitajiet li jżommu t-tjur jew kwalunkwe għasfur ieħor;

(b)

l-unitajiet funzjonali u t-tagħmir li ġejjin iridu jinżammu separati:

(i)

il-ħżin tal-bajd u l-għoti ta’ grad;

(ii)

id-diżinfezzjoni tal-bajd;

(iii)

il-preinkubazzjoni;

(iv)

l-inkubazzjoni għat-tifqis;

(v)

is-sessaġġ u t-tilqim tal-flieles ta’ ġurnata;

(vi)

l-imballaġġ tal-bajd għat-tifqis u tal-flieles ta’ ġurnata biex jintbagħtu;

(c)

jeħtieġ li l-flieles ta’ ġurnata u l-bajd għat-tifqis miżmuma fil-mafqas ma jiġux f’kuntatt ma’ rodituri u ma’ għasafar barra l-mafqas;

(d)

jeħtieġ li l-operazzjonijiet ikunu bbażati fuq ċirkolazzjoni f’direzzjoni waħda għall-bajd għat-tifqis, għat-tagħmir mobbli u għall-persunal;

(e)

dawl naturali jew artifiċjali xieraq, irid ikun hemm sistemi tal-fluss tal-arja u tat-temperaturi;

(f)

irid ikun possibbli li l-art, il-ħitan u l-materjal jew it-tagħmir l-ieħor kollu fil-mafqas jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment;

(g)

irid ikun hemm tagħmir xieraq għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet, tat-tagħmir u tal-mezzi ta’ trasport li jintużaw għall-flieles ta’ ġurnata u għall-bajd għat-tifqis.

4.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-persunal li jiġi f’kuntatt mal-bajd għat-tifqis u mal-flieles ta’ ġurnata, kif imsemmi fl-Artikolu 7, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-persunal irid ikollu l-kapaċità u l-għarfien xierqa, u għal dak l-iskop ikun ingħata taħriġ speċifiku, jew ikun kiseb l-esperjenza prattika ekwivalenti fit-tekniki ta’ diżinfezzjoni u tal-iġjene meħtieġa biex jipprevjeni t-tixrid tal-mard trażmissibbli.

5.

Ir-rekwiżiti b’rabta mas-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-imfaqas, kif imsemmi fl-Artikolu 7, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur irid jipprovdi l-possibbiltà lill-veterinarju uffiċjali li juża uffiċċju

(i)

għall-ispezzjoni tal-istabbiliment għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 sa 4;

(ii)

fejn jista’ jħejji ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-bajd għat-tifqis u għall-flieles ta’ ġurnata;

(b)

l-operatur irid jiżgura li jekk il-veterinarju uffiċjali jitlob l-għajnuna biex iwettaq id-dmirijiet ta’ superviżjoni msemmija f’5(a)(i) din tingħatalu.

PARTI 4

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti li jżommu t-tjur imsemmija fl-Artikolu 8

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament u bijosigurtà tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 8, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-bajd għat-tifqis irid:

(i)

jinġabar b’mod frekwenti, minn tal-inqas kuljum u kemm jista’ jkun malajr wara li jkun nbied;

(ii)

jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat kemm jista’ jkun malajr, sakemm id-diżinfezzjoni ma ssirx f’mafqas fl-istess Stat Membru;

(iii)

jitqiegħed f’materjal ta’ imballaġġ ġdid jew nadif u ddiżinfettat;

(b)

jekk stabbiliment iżomm speċijiet ta’ tjur tat-tipi Galliformes u Anseriformes fl-istess żmien, dawn iridu jinżammu f’akkomodazzjoni sseparati tajjeb minn xulxin;

(c)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull qatgħa ġdida ta’ tjur fil-faċilitajiet fejn jinżammu t-tjur;

(d)

il-viżitaturi jridu jilbsu lbies protettiv u l-persunal irid jilbes ħwejjeġ għax-xogħol xierqa u jaġixxi skont ir-regoli dwar l-iġjene mfassla mill-operatur;

(e)

irid ikun hemm sistema xierqa biex tiżgura li jinġabar l-ilma mormi.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mas-sorveljanza tal-istabbilimenti li jżommu t-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 8, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur irid japplika u jżomm ma’ programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-Parti 2 tal-Anness II;

(b)

l-operatur tal-istabbiliment irid jiżgura li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti mal-operatur tal-mafqas fejn hu maħsub li se jintbagħat il-bajd għat-tifqis, biex isir kampjunar fil-mafqas għall-ittestjar għall-aġenti tal-mard imsemmi fil-programm ta’ sorveljanza tal-mard imsemmi fil-Parti 2 tal-Anness II, biex dak il-programm jitwettaq.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u t-tagħmir ta’ stabbilimenti li jżommu t-tjur, kif imsemmi fl-Artikolu 8, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-konfigurazzjoni u t-tqassim iridu jkunu kompatibbli mat-tip ta’ produzzjoni li tkun qed issir;

(b)

l-istabbiliment irid jakkomoda biss:

(i)

tjur mill-istabbiliment stess;

jew

(ii)

tjur minn stabbilimenti approvati oħrajn li jżommu t-tjur;

jew

(iii)

tjur minn imfaqas tat-tjur approvati;

jew

(iv)

tjur li jkun daħal fl-Unjoni minn pajjiżi u territorji terzi awtorizzati;

(c)

it-tjur ma jridx jitħalla jiġi f’kuntatt ma’ rodituri u ma’ għasafar li jkunu ġew minn barra l-istabbiliment;

(d)

il-faċilitajiet iridu jipprovdu kundizzjonijiet ta’ iġjene tajbin u jippermettu li jsir monitoraġġ tas-saħħa;

(e)

irid ikun possibbli li l-art, il-ħitan u l-materjal u t-tagħmir l-ieħor kollu fil-mafqas jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment;

(f)

l-istabbiliment irid ikollu tagħmir xieraq għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet, tat-tagħmir u tal-mezzi tat-trasport, li jkun kompatibbli mat-tip ta’ produzzjoni li tkun qed issir, u jinżamm fl-aktar post xieraq fl-istabbiliment.

PARTI 5

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni liċ-ċentri għall-operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa u għas-santwarji għal dawk l-annimali msemmija rispettivament fl-Artikoli 10 u 11

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament, u ta’ bijosigurtà oħrajn ta’ ċentri tal-ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa, kif imsemmi fl-Artikolu 10, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

iridu jaċċettaw biss klieb, qtates u inmsa li jkunu ġew minn stabbilimenti reġistrati għaż-żamma ta’ dawk l-annimali;

(b)

irid ikun hemm faċilitajiet xierqa ta’ iżolament għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa;

(c)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull grupp ġdid ta’ klieb, qtates u inmsa fil-faċilitajiet li jżommu dawk l-annimali;

(d)

trid tkun fis-seħħ sistema xierqa li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament u ta’ bijosigurtà oħra għas-santwarji tal-annimali għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa, kif imsemmi fl-Artikolu 11, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

irid ikun hemm faċilitajiet xierqa ta’ iżolament għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa;

(b)

iż-żoni fejn jinżammu l-klieb, il-qtates u l-inmsa u kull passaġġ, u materjal u tagħmir li jiġu f’kuntatt magħhom jeħtieġ li jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara t-tneħħija ta’ kull grupp ta’ annimali, u fejn ikun hemm bżonn, qabel ma jiddaħħal grupp ġdid minn dawn it-tipi ta’ annimali, skont il-proċeduri operattivi stabbiliti;

(c)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa wara l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfettar u qabel il-wasla ta’ kull grupp ġdid ta’ klieb, qtates u inmsa fil-faċilitajiet li jżommu dawk l-annimali;

(d)

trid tkun fis-seħħ sistema xierqa li tiżgura l-ġbir tal-ilma mormi.

3.

Ir-rekwiżiti fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir ta’ ċentri għal operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa ta’ klieb, qtates u inmsa, u għas-santawarji tal-annimali għal dawk l-annimali, kif imsemmi rispettivament fl-Artikoli 10 u 11, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

għandu jkun hemm u jinbnew postijiet adegwati fejn jgħixu l-annimali u ta’ standard adattat b’tali mod li l-kuntatt mal-annimali ta’ barra u l-komunikazzjoni diretta mal-akkomodazzjoni ta’ iżolament ikunu evitati, u li l-ispezzjonijiet u kull trattament meħtieġ jistgħu jitwettqu faċilment;

(b)

iż-żoni fejn jinżammu dawk l-annimali u l-passaġġi, l-art, il-ħitan u kull materjal jew tagħmir ieħor li jiġi f’kuntatt magħhom jistgħu jitnaddfu u jiġu diżinfettati malajr;

(c)

irid ikun hemm żoni xierqa fejn jinħażnu rispettivament il-materjal tal-marqad, il-mifrex, id-demel u l-ikel għall-annimali domestiċi;

(d)

irid ikun hemm tagħmir xieraq għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet, tat-tagħmir u tal-mezzi tat-trasport.

PARTI 6

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-postijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 12

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ iżolament u bijosigurtà oħra tal-postijiet ta’ kontroll, kif imsemmi fl-Artikolu 12, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-postijiet ta’ kontroll iridu jkunu ppożizzjonati, iddisinjati, mibnija u mħaddma b’tali mod li jiżguraw bijosigurtà suffiċjenti biex tipprevjeni t-tixrid tal-mard elenkat jew emerġenti għal stabbilimenti oħra u bejn kunsinni konsekuttivi ta’ annimali fi tranżitu minn dawn il-postijiet;

(b)

il-post ta’ kontroll irid ikun mibni, mgħammar u mħaddem b’tali mod li jiżgura li l-proċeduri tat-tindif u tad-diżinfezzjoni jkunu jistgħu jitwettqu malajr; irid ikun hemm mezz ta’ ħasil għall-mezzi tat-trasport fuq il-post;

(c)

il-postijiet ta’ kontroll irid ikollhom faċilitajiet xierqa għall-iżolament separat ta’ annimali li dwarhom hemm suspett li huma infettati b’xi marda tal-annimali;

(d)

iridu jittieħdu pawżi sanitarji xierqa bejn żewġ kunsinni konsekuttivi ta’ annimali u jekk jixraq dawn ikunu adattati skont jekk l-annimali jkunux ġew minn reġjun, żona jew kompartiment simili bl-istess status ta’ saħħa; b’mod partikolari, ma għandu jkun hemm l-ebda annimal fil-postijiet ta’ kontroll għal perjodu ta’ mill-inqas 24 siegħa wara użu massimu ta’ sitt ijiem u wara li jkunu twettqu l-operazzjonijiet ta’ tindif u ta’ diżinfettar, u qabel il-wasla ta’ kull kunsinna ġdida ta’ annimali;

(e)

qabel ma jaċċettaw annimali, l-operaturi tal-postijiet ta’ kontroll iridu:

(i)

ikunu bdew ix-xogħol ta’ tindif u ta’ diżinfezzjoni fi żmien 24 siegħa wara t-tluq tal-annimali kollha li kienu miżmuma hemmhekk;

(ii)

jiżguraw li l-ebda annimal ma jidħol fil-postijiet ta’ kontroll qabel ma jitlesta x-xogħol ta’ tindif u diżinfezzjoni għas-sodisfazzjon tal-veterinarju uffiċjali.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u t-tagħmir tal-postijiet ta’ kontroll, kif imsemmi fl-Artikolu 12, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati qabel u wara kull użu, kif meħtieġ mill-veterinarju uffiċjali;

(b)

it-tagħmir li jiġi f’kuntatt mal-annimali preżenti fil-postijiet ta’ kontroll irid ikun iddedikat esklussivament għall-post ikkonċernat sakemm ma jkunx għadda minn proċedura ta’ tindif u diżinfezzjoni wara li kellu kuntatt mal-annimali jew mar-rawt jew l-awrina tagħhom; b’mod partikolari l-operatur tal-post ta’ kontroll irid jipprovdi tagħmir nadif u ħwejjeġ protettivi li jridu jinżammu esklussivament biex jintużaw minn kull persuna li tidħol fil-post ta’ kontroll, u jrid jipprovdi tagħmir xieraq li jkun disponibbli għat-tindif u d-diżinfettar ta’ dawk l-oġġetti;

(c)

il-mifrex irid jitneħħa meta kunsinna ta’ annimali tiġi ttrasferita minn spazju magħluq, kif ukoll wara x-xogħol ta’ tindif u diżinfettar, u jrid jinbidel b’mifrex ġdid;

(d)

l-għalf, il-marqad, ir-rawt u l-awrina tal-annimali ma għandhomx jinġabru mill-post sakemm ma jkunux ġew ittrattati b’mod xieraq biex jiġi evitat it-tixrid tal-mard tal-annimali;

(e)

irid ikollhom faċilitajiet xierqa fejn iżommu, jispezzjonaw u jeżaminaw l-annimali, kull meta jkun meħtieġ;

(f)

irid ikun hemm żona xierqa fejn jinħażnu l-materjal tal-marqad, l-għalf, il-mifrex u d-demel;

(g)

irid ikun hemm sistema xierqa biex tiżgura li jinġabar l-ilma mormi.

PARTI 7

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli ambjentalment iżolati kif imsemmi fl-Artikolu 13

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ bijosigurtà u sorveljanza ta’ stabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli ambjentalment iżolati, kif imsemmi fl-Artikolu 13, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

l-operatur irid jiżgura, jivverifika u jirreġistra permezz ta’ kontrolli interni li tkun evitata l-introduzzjoni fl-istabbiliment tal-ħanfusa ż-żgħira tal-ġabsala u li l-preżenza tagħha fl-istabbiliment tkun tista’ tiġi skoperta.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u t-tagħmir tal-istabbilimenti tal-produzzjoni tan-naħal bagħli ambjentalment iżolati, imsemmija fl-Artikolu 13, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-produzzjoni tan-naħal bagħli jeħtieġ li tkun iżolata mill-attivitajiet assoċjati kollha tal-istabbiliment u trid titwettaq f’faċilitajiet reżistenti għall-insetti li jtiru;

(b)

in-naħal bagħli jrid jinżamm iżolat ġewwa dik l-istruttura matul il-produzzjoni kollha;

(c)

il-ħżin u l-immaniġġjar tat-trab tad-dakra ġewwa l-faċilitajiet jeħtieġ li jkunu iżolati min-naħal bagħli matul il-produzzjoni kollha tan-naħal bagħli sakemm ikun mitmugħ lilhom.

PARTI 8

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti ta’ kwarantina tal-annimali terrestri miżmuma, għajr il-primati, imsemmija fl-Artikolu 14

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ kwarantina, iżolament u miżuri ta’ bijosigurtà oħra tal-istabbiliment ta’ kwarantina għall-annimali terrestri miżmuma, għajr il-primati, imsemmija fl-Artikolu 14, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li kull unità tal-istabbiliment ta’ kwarantina:

(i)

tkun tinsab f’distanza sikura minn stabbilimenti tal-madwar jew minn postijiet oħra fejn jinżammu l-annimali biex tiġi evitata t-trażmissjoni ta’ mard kuntaġġuż tal-annimali bejn l-annimali residenti u dawk fil-kwarantina;

(ii)

tibda l-perjodu ta’ kwarantina meħtieġ meta jiddaħħal l-aħħar annimal ta’ kull grupp partikolari fl-istabbiliment ta’ kwarantina;

(iii)

titbattal mill-annimali, titnaddaf u tiġi ddiżinfettata fi tmiem il-perjodu ta’ kwarantina tal-aħħar grupp u mbagħad tinżamm mingħajr annimali għal perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem qabel ma jiddaħħal fl-istabbiliment ta’ kwarantina grupp ieħor ta’ annimali li jkun wasal fl-Unjoni minn pajjiżi u territorji terzi;

(b)

il-mifrex irid jitneħħa meta kunsinna ta’ annimali tiġi ttrasferita minn spazju magħluq, u għandu jinbidel b’marqad ġdid, wara li jitlesta x-xogħol ta’ tindif u diżinfettar;

(c)

l-għalf, il-marqad, ir-rawt u l-awrina tal-annimali ma għandhomx jinġabru mill-post sakemm ma jkunux ġew ittrattati b’mod xieraq biex jiġi evitat it-tixrid tal-mard tal-annimali;

(d)

iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni kroċjata bejn kunsinni ta’ annimali li jaslu u dawk ħerġin mill-istabbiliment;

(e)

l-annimali rilaxxati mill-istabbiliment ta’ kwarantina jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar il-movimenti bejn l-Istati Membri tal-annimali terrestri miżmuma.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-istabbilimenti ta’ kwarantina tal-annimali terrestri miżmuma għajr il-primati, imsemmija fl-Artikolu 14, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-pjan ta’ sorveljanza tal-mard jeħtieġ li jinkludi l-kontroll xieraq taż-żoonożi tal-annimali, u jrid jiġi implimentat u aġġornat skont l-għadd u l-ispeċijiet tal-annimali preżenti fl-istabbiliment u skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika rigward il-mard elenkat u emerġenti fl-istabbiliment u madwaru;

(b)

l-annimali li jkun hemm suspett dwarhom li huma infettati jew ikkontaminati minn aġenti tal-mard elenkati jew emerġenti jeħtieġ li jiġu ssoġġettati għal testijiet kliniċi, tal-laboratorju jew għall-ittestjar post mortem;

(c)

it-tilqim u t-trattament tal-annimali suxxettibbli kontra l-mard trażmissibbli tal-annimali jridu jitwettqu skont kif ikun xieraq;

(d)

fejn ikun ordnat mill-awtorità kompetenti, iridu jintużaw annimali sentinella għall-iskoperta bikrija ta’ xi mard possibbli.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u t-tagħmir tal-istabbilimenti ta’ kwarantina tal-annimali terrestri miżmuma għajr il-primati, imsemmija fl-Artikolu 14, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li l-istabbilimenti jkunu demarkati b’mod ċar u l-aċċess tal-annimali u tal-bnedmin għall-faċilitajiet tal-annimali jrid ikun ikkontrollat;

(b)

jeħtieġ li jkun hemm strutturi kbar biżżejjed għad-dispożizzjoni tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli veterinarji, fost dawn, kmamar fejn jistgħu jbiddlu ħwejjiġhom, doċċi u tojlits;

(c)

iridu jkunu disponibbli mezzi adegwati għall-qbid, il-konfinament, u fejn meħtieġ it-trażżin u l-iżolament tal-annimali;

(d)

iridu jkunu disponibbli tagħmir u faċilitajiet għat-tindif u d-diżinfettar;

(e)

il-parti tal-istabbiliment fejn jinżammu l-annimali trid tkun:

(i)

reżistenti għall-insetti permezz ta’ filtru tal-arja hepa, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, irid ikun hemm kontroll intern tal-vetturi, aċċess permezz ta’ bieb doppju u proċeduri operattivi, meta dan ikun ordnat mill-awtorità kompetenti biex jiġu indirizzati riskji speċifiċi għas-saħħa tal-annimali;

(ii)

fil-każ tal-għasafar miżmuma, trid tkun protetta minn għasafar oħra, mid-dubbien u mill-vermini;

(iii)

siġillabbli b’mod tajjeb ħafna li jippermetti l-fumigazzjoni;

(iv)

ta’ standard xieraq u mibnija b’tali mod li ma jistax ikun hemm kuntatt ma’ annimali barra mill-istruttura u b’mod li l-ispezzjonijiet u kull trattament meħtieġ jistgħu jitwettqu faċilment;

(v)

mibnija b’tali mod li l-art, il-ħitan u l-materjal jew it-tagħmir l-ieħor kollu jistgħu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment.

PARTI 9

Rekwiżiti għall-għoti ta’ approvazzjoni lill-istabbilimenti konfinati li jżommu l-annimali terrestri msemmija fl-Artikolu 16

1.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ kwarantina, tal-iżolament u tal-bijosigurtà ta’ stabbilimenti konfinati li jżommu l-annimali terrestri, imsemmija fl-Artikolu 16, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li jaċċettaw biss annimali terrestri miżmuma li jkunu ġew issoġġettati għal perjodu ta’ kwarantina xieraq għall-mard rilevanti għall-ispeċi, meta dawk l-annimali jkunu ġejjin minn stabbilimenti li mhumiex stabbilimenti konfinati;

(b)

iridu jaċċettaw biss primati li jikkonformaw mar-regoli stretti daqs dawk imsemmija fl-Artikolu 6.12.4 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), l-Edizzjoni tal-2018;

(c)

fejn meħtieġ, irid ikun hemm disponibbli faċilitajiet ta’ kwarantina adegwati għall-annimali terrestri introdotti minn stabbilimenti oħra.

2.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll ta’ stabbilimenti konfinati tal-annimali terrestri miżmuma, imsemmija fl-Artikolu 16, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-pjan ta’ sorveljanza tal-mard jeħtieġ li jinkludi kontroll xieraq taż-żoonożi tal-annimali, u jrid jiġi implimentat u aġġornat skont l-għadd u l-ispeċijiet tal-annimali terrestri miżmuma li jkunu preżenti fl-istabbiliment u skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-istabbiliment u madwaru ff’dak li għandu x’jaqsam mal-mard elenkat u emerġenti;

(b)

l-annimali terrestri miżmuma li jkun hemm suspett li jkunu infettati jew kontaminati minn aġenti tal-mard elenkat jew emerġenti jridu jkunu soġġetti għal testijiet kliniċi, tal-laboratorju jew għall-ittestjar post mortem;

(c)

it-tilqim u t-trattament kontra l-mard trażmissibbli tal-annimali terrestri miżmuma suxxettibbli iridu jitwettqu skont kif jixraq.

3.

Ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet u mat-tagħmir tal-istabbilimenti konfinati tal-annimali terrestri miżmuma, imsemmija fl-Artikolu 16, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jeħtieġ li l-istabbilimenti jkunu demarkati b’mod ċar u l-aċċess tal-annimali u tal-bnedmin għall-faċilitajiet tal-annimali jrid ikun ikkontrollat;

(b)

iridu jkunu disponibbli l-mezzi adegwati għall-qbid, il-konfinament, u fejn meħtieġ it-trażżin u l-iżolament tal-annimali;

(c)

iż-żoni fejn jgħixu l-annimali għandhom ikunu ta’ standard xieraq u mibnija b’tali mod li

(i)

ma jkunx hemm kuntatt mal-annimali fuq barra, u l-ispezzjoni u kull trattament meħtieġ ikunu jistgħu jitwettqu faċilment;

(ii)

l-art, il-ħitan u l-materjal jew it-tagħmir l-ieħor kollu jistgħu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment.


ANNESS II

PROGRAMM TA’ KONTROLL MIKROBIJOLOĠIKU FL-IMFAQAS U L-PROGRAMMI TA’ SORVELJANZA TAL-MARD FI STABBILIMENTI LI JŻOMMU T-TJUR U FL-IMFAQAS

PARTI 1

Programm ta’ kontroll mikrobijoloġiku fl-imfaqas, kif imsemmi fl-Artikolu 7

Programm ta’ kontroll mikrobijoloġiku biex isiru l-kontrolli tal-iġjene għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

iridu jinġabru kampjuni ambjentali li jridu jgħaddu minn eżami batterjoloġiku;

(b)

iridu jittieħdu l-kampjuni mill-inqas kull sitt ġimgħat, u kull kampjunar jeħtieġ li jinkludi 60 kampjun.

PARTI 2

Programmi ta’ sorveljanza tal-mard fl-imfaqas kif imsemmija fl-Artikolu 7 u fi stabbilimenti li jżommu t-tjur kif imsemmija fl-Artikolu 8

1.

L-għan tal-programmi ta’ sorveljanza tal-mard

Dimostrazzjoni li l-qatgħat li jinżammu fl-istabbilimenti approvati li jżommu t-tjur huma ħielsa mill-aġenti tal-mard elenkati fil-punti 2 u 3.

Il-programmi ta’ sorveljanza tal-mard, għandhom, bħala minimu, jinkludu l-aġenti tal-mard u l-ispeċijiet miżmuma elenkati msemmija fil-punt 2.

2.

Sorveljanza tal-mard għal serotipi tas-Salmonella ta’ rilevanza għas-saħħa tal-annimali

2.1.

Identifikazzjoni ta’ infezzjoni bl-aġenti:

(a)

Salmonella Pullorum: li tkopri s-Salmonella enterica subspeċi enterica serovar Gallinarum varjant bijokimiku (bijovar) Pullorum;

(b)

Salmonella Gallinarum: li tkopri s-Salmonella enterica subspeċi enterica serovar Gallinarum varjant bijokimiku (bijovar) Pullorum;

(c)

Salmonella arizonae: li tkopri s-Salmonella enterica subspeċi arizonae serogrupp Gallinarum K (O18) arizonae.

2.2.

Speċijiet ta’ tjur fil-mira:

(a)

għas-Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum: Gallus gallus, Meleagris gallopavo, Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix, Anas spp;

(b)

għas-Salmonella arizonae: Meleagris gallopavo.

2.3.

Eżaminazzjonijet:

Kull qatgħa trid tiġi eżaminata klinikament f’kull perjodu tal-bidien jew produttiv, fl-aħjar żmien biex tkun identifikata l-marda inkwistjoni.

2.4.

Matriċi tal-kampjunar:

(a)

jeħtieġ li jittieħdu l-kampjuni minn kull qatgħa fl-istabbiliment li jżomm it-tjur, skont dak li jixraq:

(i)

għal ittestjar seroloġiku: demm;

(ii)

għal ittestjar batterjoloġiku:

tessuti post mortem, speċjalment il-fwied, il-milsa, l-ovarji, l-ovidott u l-ġunzjoni bejn l-ilju u l-musrana l-għamja;

kampjuni ambjentali;

swabs mill-kloaka ta’ għasafar ħajjin, b’mod partikolari minn dawk li jkunu jidhru morda jew li jkunu ġew identifikati li għandhom livell għoli ta’ sero-pożittività;

(b)

kampjuni għall-ittestjar batterjoloġiku li jridu jittieħdu fil-mafqas:

(i)

flieles li ma jfaqqsux (jiġifieri embrijuni mejta fil-qoxra);

(ii)

flieles tat-tieni grad;

(iii)

mekonju tal-flieles;

(iv)

żajbar jew trab meħud mill-faqqasa u mill-ħitan tal-mafqas.

2.5.

Il-qafas tal-kampjunar u l-frekwenza tal-kampjunar:

(a)

fl-istabbiliment li jżomm it-tjur:

(i)

kampjunar għas-Salmonella Pullorum u għas-Salmonella Gallinarum:

Speċi

Iż-żmien tal-kampjunar

L-għadd ta’ għasafar li jridu jittieħdu l-kampjuni minnhom/L-għadd ta’ kampjuni ambjentali

Tjur tat-tnissil

Tjur għall-produzzjoni

Gallus gallus, Meleagris gallopavo, Numida meleagris, Coturnix coturnix, Phasianus colchicus, Perdix perdix u Anas spp

Meta l-qroqqa tkun qed tbid

Waqt il-produzzjoni, minn tal-inqas darba fis-sena

60

(ii)

kampjunar għal Salmonella arizonae:

Speċi

Iż-żmien tal-kampjunar

L-għadd ta’ għasafar li jridu jittieħdu l-kampjuni minnhom/L-għadd ta’ kampjuni ambjentali

Tjur tat-tnissil

Tjur għall-produzzjoni

Meleagris gallopavo

Meta l-qroqqa tkun qed tbid

Waqt il-produzzjoni, minn tal-inqas darba fis-sena

60

(iii)

l-awtorità kompetenti tista’ taddatta l-għadd ta’ għasafar li skont il-punti (i) u (ii) irid jittieħed kampjun minnhom, skont il-prevalenza magħrufa tal-infezzjoni fl-Istat Membru speċifiku kkonċernat u skont l-inċidenza tagħha fl-imgħoddi fl-istabbiliment. Fi kwalunkwe każ, dejjem irid jittieħed għadd ta’ kampjuni statistikament validu għall-ittestjar seroloġiku/batterjoloġiku biex tinstab infezzjoni;

(b)

fil-mafqas, il-kampjuni għandhom jinġabru u jiġu eżaminati minn tal-inqas darba kull sitt ġimgħat. L-ittestjar għandu jinkludi minn tal-inqas:

(i)

kampjun wieħed raggruppat ta’ żajbar u mekonju tal-flieles minn kull faqqas;

u

(ii)

jew kampjun:

ta’ 10 tiġiġiet tat-tieni grad u 10 tiġiġiet li mietu fil-bajda minn kull qatgħa tal-oriġini li jkun hemm fil-faqqasa fil-jum tal-ġbir tal-kampjuni;

inkella

20 tiġieġa tat-tieni grad minn kull qatgħa tal-oriġini li jkun hemm fil-faqqasa fil-jum tal-ġbir tal-kampjuni.

2.6.

L-ipproċessar tal-kampjuni u l-metodi tal-ittestjar:

(a)

il-kampjuni li jinġabru jridu jkunu soġġetti għal:

(i)

ittestjar seroloġiku (1);

(ii)

ittestjar batterjoloġiku, jew bħala alternattiva għall-ittestjar seroloġiku msemmi fil-punt (i), inkella miżjud miegħu; madankollu, il-kampjuni għall-ittestjar batterjoloġiku ma jridux jittieħdu minn tjur jew bajd li kienu ttrattati b’mediċinali antimikrobiċi matul il-ġimagħtejn jew it-tliet ġimgħat ta’ qabel l-ittestjar;

(b)

il-kampjuni miġbura jridu jiġu pproċessati kif ġej:

(i)

jista’ jintuża arrikkiment dirett fi brodu tas-selenit-ċisteina għall-kampjuni tar-rawt jew tal-mekonju u tal-intestini inkella mediums xierqa oħra addattati għall-kampjuni li fihom tkun mistennija flora kompetittiva;

(ii)

jista’ jintuża prearrikkiment mhux selettiv segwit minn arrikkiment selettiv fi brodu ta’ Rappaport-Vassiliadis (RVS) ibbażat fuq is-sojja, jew brodu Müller-Kauffmann Tetratijonat-Novobijoċin (MKTTn) għall-kampjuni (bħall-embrijuni mejta fil-qoxra) meta jkun mistenni li l-flora kompetittiva tkun minima;

(iii)

pjastrament dirett ta’ tessuti miġbura asettikament fuq agar minimament selettiv, bħall-agar MacConkey;

(iv)

Salmonella Pullorum u Salmonella Gallinarum ma jikbrux faċilment fil-medium semisolidu mmodifikat Rappaport Vassiliadis (MSRV) li jintuża għall-monitoraġġ tas-Salmonella spp. żoonotika fl-Unjoni, iżda huwa addattat għas-Salmonella arizonae;

(v)

it-tekniki għas-sejbien tal-mard iridu jkunu kapaċi jagħrfu d-distinzjoni bejn ir-reazzjonijiet seroloġiċi għall-infezzjonijiet tas-Salmonella Pullorum u s-Salmonella Gallinarum, u r-reazzjonijiet seroloġiċi kkawżati mill-użu tal-vaċċin għas-Salmonella Enteritidis, meta jintuża dan il-vaċċin (2). Għalhekk din il-vaċċinazzjoni ma għandhiex tintuża jekk ikun se jintuża dan il-monitoraġġ seroloġiku. Jekk il-vaċċinazzjoni tkun intużat, irid jintuża ttestjar batterjoloġiku, imma l-metodu ta’ konferma użat irid ikun kapaċi jiddifferenzja bejn razez vaċċinali ħajjin u razez selvatiċi.

2.7.

Riżultati:

Qatgħa tkun meqjusa pożittiva meta, wara r-riżultati pożittivi tal-ittestjar li jkun twettaq skont il-punti 2.3 sa 2.6 isir test ieħor ta’ tip xieraq u jikkonferma l-infezzjoni mill-aġenti tal-mard.

3.

Sorveljanza tal-mard għal Mycoplasma spp. ta’ rilevanza għat-tjur:

3.1.

L-identifikazzjoni ta’ infezzjoni permezz tal-aġenti li ġejjin:

(a)

Mycoplasma gallisepticum;

(b)

Mycoplasma meleagridis.

3.2.

Speċijiet fil-mira:

(a)

Mycoplasma gallisepticum: Gallus gallus, Meleagris gallopavo;

(b)

Mycoplasma meleagridis: Meleagris gallopavo.

3.3.

Eżaminazzjonijet:

Kull qatgħa trid tiġi eżaminata klinikament f’kull perjodu tal-bidien jew produttiv, fl-aħjar żmien biex tkun identifikata l-marda inkwistjoni.

3.4.

Matriċi tal-kampjunar:

Kampjuni li jridu jittieħdu minn kull qatgħa fl-istabbiliment li jżomm it-tjur, skont liema jixraq:

(a)

demm;

(b)

sperma;

(c)

swabs meħuda mit-trakea, mill-koana jew mill-kloaka;

(d)

tessuti post mortem, speċjalment boroż tal-arja minn flieles ta’ ġurnata li jkollhom il-leżjonijiet;

(e)

b’mod partikolari għall-iskoperta ta’ Mycoplasma meleagridis, l-ovidott u l-pene tad-dundjani.

3.5.

Il-qafas tal-kampjunar u l-frekwenza tal-kampjunar:

(a)

kampjunar għal Mycoplasma gallisepticum:

Speċi

Iż-żmien tal-kampjunar

L-għadd ta’ għasafar li jrid jittieħed kampjun minnhom

Tjur tat-tnissil

Tjur għall-produzzjoni

Gallus gallus

fl-età ta’ 16-il ġimgħa

mal-bidien

u wara dan kull 90 jum

Waqt il-produzzjoni kull 90 jum

60

60

60

Meleagris gallopavo

fl-età ta’ 20 ġimgħa

mal-bidien

u wara dan kull 90 jum

Waqt il-produzzjoni kull 90 jum

60

60

60

(b)

kampjunar għal Mycoplasma meleagridis:

Speċi

Iż-żmien tal-kampjunar

L-għadd ta’ għasafar li jrid jittieħed kampjun minnhom

Tjur tat-tnissil

Tjur għall-produzzjoni

Meleagris gallopavo

fl-età ta’ 20 ġimgħa

mal-bidien

u wara dan kull 90 jum

Waqt il-produzzjoni kull 90 jum

60

60

60

(c)

l-awtorità kompetenti tista’ taddatta l-għadd ta’ għasafar li skont il-punti (a) u (b) irid jittieħed kampjun minnhom, skont il-prevalenza magħrufa tal-infezzjoni fl-Istat Membru speċifiku kkonċernat u skont l-inċidenza tagħha fl-imgħoddi fl-istabbiliment. Fi kwalunkwe każ għandhom dejjem jittieħdu numri statistikament validi ta’ kampjuni għall-ittestjar seroloġiku/batterjoloġiku.

3.6.

Eżaminazzjonijiet, kampjunar u metodi ta’ ttestjar:

L-ittestjar għall-preżenza ta’ infezzjoni permezz ta’ testijiet seroloġiċi, batterjoloġiċi u molekulari jrid isir b’metodi vvalidati rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

3.7.

Riżultati:

Qatgħa tkun meqjusa pożittiva meta, wara r-riżultati pożittivi tal-ittestjar li jkun twettaq skont il-punti 3.3 sa 3.6 isir test ieħor ta’ tip xieraq u jikkonferma l-infezzjoni mill-aġenti tal-mard.

PARTI 3

Informazzjoni addizzjonali dwar it-tekniki dijanjostiċi

Il-laboratorji li jkunu nħatru mill-awtorità kompetenti biex iwettqu l-ittestjar kif meħtieġ fil-Partijiet 1 u 2 ta’ dan l-Anness, jistgħu jikkonsultaw il-Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), l-Edizzjoni tal-2018, għal deskrizzjoni aktar dettaljata tat-tekniki dijanjostiċi.


(1)  Kultant fi speċijiet ta’ tjur għajr il-Galliformes, l-ittestjar seroloġiku jirriżulta fi proporzjon inaċċettabbli ta’ reazzjonijiet pożittivi foloz.

(2)  Bħalissa ma jeżistix test li jista’ jagħmel distinzjoni bejn ir-reazzjoni għall-infezzjoni bis-Salmonella Pullorum u s-Salmonella Gallinarum u r-reazzjoni għat-tilqim ta’ dan is-serotip.


ANNESS III

MEZZI TA’ IDENTIFIKAZZJONI TA’ ANNIMALI TERRESTRI MIŻMUMA

Il-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma huma dawn li ġejjin:

(a)

ċomba tal-widna konvenzjonali;

(b)

faxxa fuq il-pastur konvenzjonali;

(c)

ċomba tal-widna elettronika;

(d)

bolus ruminali;

(e)

transponder injettabbli;

(f)

faxxa elettronika fuq il-pastur;

(g)

tattoo;

(h)

ċurkett fis-sieq.