31996L0091



Official Journal L 013 , 16/01/1997 P. 0026 - 0027


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/91/KE

tas-17 ta’ Diċembru 1996

li temenda d-Direttiva 72/462/KEE dwar il-problemi tas-saħħa u l-ispezzjonijiet veterinarji fl-importazzjoni ta’ l-ifrat, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-majjali, laħam frisk u prodotti ta’ bażi tal-laħam minn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi d-Direttiva 72/462/KEE [3] stabbiliet il-kondizzjonijiet tas-saħħa u ta’ l-ispezzjoni veterinarja li jirregolaw l-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ prodotti bbażati fuq il-laħam koperti bid-Direttiva 77/99/KEE [4];

Billi d-dħul permezz tad-Direttiva 92/5/KEE [5] ta’ stonku, bżieżaq, u intestini, imnaddfa, immellħa jew imnixxfa u/jew imsaħħna fi ħdan l-iskop tad-Direttiva 77/99/KEE għamel l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti soġġetti għall-ħtiġiet tad-Direttiva 77/462/KEE u b’mod partikolari għamilha ħtieġa li għandhom jiġu minn biċċerija approvata bi qbil mad-Direttiva 72/462/KEE;

Billi l-Kummissjoni pproponiet li tapplika arranġamenti differenti u tinkludihom fl-Anness II tad-Direttiva 92/118/KEE [6];

Billi l-Kunsill jikkunsidra li mhuwiex kapaċi jiddikjara pożizzjoni dwar din il-proposta fl-assenza ta’ kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni, ċertifikati armonizzati jew ftehim ta’ ekwivalenza veterinarja ma’ l-imsieħba ewlenija tal-Komunità;

Billi, sabiex jevita interruzzjoni fl-andament tal-kummerċ f’dawn il-prodotti ma’ ċerti pajjiżi terzi sa mill-1 ta’ Jannar 1997 meta jeskadu l-miżuri transitorji applikabbli għall-importazzjoni ta’ prodotti, importazzjoni minn stabbilimenti li joffru garanziji ta’ spezzjoni tas-saħħa u veterinarji meħtieġa mill-leġislazzjoni tal-Komunità apparti milli minn biċċeriji approvati bi qbil mad-Direttiva 72/462/KEE li għandhom ikunu awtorizzati li jkomplu,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

It-tieni subparagrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 21b tad-Direttiva 72/462/KEE:

"Sa kemm iseħħ l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ ċertifikati ta’ l-importazzjoni u l-listi ta’ stabbilimenti li minnhom importazzjoni ta’ l-interjuri u l-prodotti l-oħra li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 2(b)(v) tad-Direttiva 77/99/KEE jew il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ekwivalenza veterinarja, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1997, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati biex jimportaw dawn il-prodotti bi qbil mar-regoli nazzjonali fis-seħħ permezz ta’ deroga mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 4 (a) (i)."

.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 1997. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza filwaqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu biex jagħmlu din ir-referenza għandu jkun stipulat mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 341, tal-5.12.1994, p. 206.

[2] ĠU C 397, tal-31.12.1994, p. 37.

[3] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[4] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 85. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/68/KE (ĠU L 332, tat-30.12.1995, p. 10).

[5] ĠU L 57, tat-2.3.1992, p. 1.

[6] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-KE 96/340 (ĠU L 129, tat-30.5.1996, p. 35).

--------------------------------------------------