31992L0034



Official Journal L 157 , 10/06/1992 P. 0010 - 0018
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0117
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0117


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/34/KEE

tat-28 ta'April 1992

dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l- L-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kommissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2)

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (3),

Billi l-produzzjoni tal-frott tokkupa post importanti fl-agrikoltura Komunitarja;

Billi r-riżultati soddisfaċenti fil-koltivazzjoni tal-frott jiddependu sa ċerta punt fuq il-kwalità u s-saħħa tal-pjanti tal-materjal li jintuża għall-propagazzjoni tagħhom u għall-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott; billi ċerti Stati Membri bħala konsegwenza introduċew regoli maħsuba biex jiggarantixxu l-kwalità u s-saħħa tal-pjanti tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott li jinħarġu fis-suq;

Billi t-trattament differenti li jingħata lill-materjal tal-propagazzjoni u lill-pjanti tal-frott fl-Istati Membri differenti x'aktarx li joħloq ostakoli fil-kummerċ u b'hekk ifixkel il-moviment liberu ta' dawn l-oġġetti fil-Komunità; billi, bil-ħsieb li jintlaħaq is-suq intern, dawn l-ostakoli għandhom jitneħħew, billi jiġu addottati d-dispożizzjonijiet Komunitarji biex jieħdu l-post ta' dawk stabbiliti mill-Istati Membri;

Billi l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet armonizzati fil-livell Komunitarji jiżgura illi x-xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott li jkunu b'saħħithom u ta' kwalità tajba;

Billi, safejn u sakemm jirrigwardaw is-saħħa tal-pjanti, dawn il-kondizzjonijiet armonizzati jridu jkunu konsistenti mad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta' Diċembru 1976 dwar il-miżuri ta' protezzjoni kontra d-dħul fl-Istati Membri ta' l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u lill-prodotti mill-pjanti (4);

Billi huwa approprjat illi fil-bidu jiġu stabbiliti regoli Komunitarji għal dawk il-ġeneri u speċji ta' pjanti tal-frott li huma ta' importanza ekonomika maġġuri fil-Komunità, bi proċedura Komunitarja sabiex jiżdiedu iktar ġeneri u speċji aktar tard;

Billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti tad-Direttiva 77/93/KEE, mhux il-każ li jiġu applikati r-regoli Komunitarji dwar it-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott meta jintwera illi dawn il-prodotti huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, peress illi r-regoli li japplikaw hemm jistgħu jkunu differenti minn dawk li jinsabu f'din id-Direttiva;

Billi l-istabbiliment tal-livelli tas-saħħa u l-kwalità tal-pjanti ta' kull ġeneru u speċje tal-pjanti tal-frott jeħtieġu konsiderazzjoni twila u teknikament iddettaljata u xjentifika; billi għandha għalhekk tiġi stabbilita proċedura għal dan l-iskop;

Billi l-ewwel nett hija r-responsabbiltà tal-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni u/jew tal-pjanti tal-frott li jiżguraw illi l-prodotti tagħhom iwettqu l-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva;

Billi l-awtoritàjiet kompetenti ta' l-Istati Membri jridu, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, jiżguraw illi l-fornituri jwettqu dawn il-kondizzjonijiet rigward il-materjal tal-propagazzjoni jew tal-pjanti tal-frott li jappartjienu għall-kategorija tal-CAC (ConformitasAgrariaCommunitatis);

Billi huwa indispensabli li jiġi pprovvdut għal kategoriji oħra tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott li għalihom il-materjal u l-pjanti msemmija jridu jkunu bla ħsara għaċ- ċertifikazzjoni uffiċjali;

Billi għandhom jiddaħħlu miżuri Komunitarji ta' kontrolli biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-livelli stabbiliti f'din id-Direttiva;

Billi hija konsistenti mal-prattika agrikola korrenti li jkun meħtieġ illi ċertu materjal tal-propagazzjoni u pjanti tal-frott jew jiġu eżaminati uffiċjalment, jew ikunu ddikjarati ħielsa mill-virusijiet, jiġifieri li misjuba ħielsa minn kull virus magħruf u mill-patoġeni li jixbhu l-virusijiet, jew jerġgħu jiġu ttestjati għall-virusijiet, jiġifieri li nstabu ħielsa minn virusijiet speċifiċi u patoġeni li jixbħu l-virusijiet li jnaqqsu l-utilità tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott;

Billi huwa fl-interess tax-xerrejja tal-materjali tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott li jkunu magħrufa l-ismijiet tal-varjetajiet u li tkun issalvagwardata l-identità tagħhom;

Billi l-għan iddikjarat hawn jista' jintlaħaq l-aħjar jew permezz tal-għarfien komuni tal-varjetajiet jew billi tkun disponibbli d-deskrizzjoni mfassla u miżmuma mill-fornitur; billi madandkollu, fil-każ ta' l-aħħar il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott jistgħu ma jiksbux aċċess għall-kategoriji li huma bla ħsara għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali;

Billi, sabiex jiġu żgurati l-identità u t-tqegħid fis-suq bl-ordni tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli Komunitarji rigward is-separazzjoni tal-lottijiet u tal-marki; billi t-tikketti wżati għandhom jagħtu l-partikolaritajiet meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali u kemm għat-tagħrif ta' l-utent;

Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli illi, fil-każ ta' diffikultajiet temporanji tal-provvista, jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott bla ħsara għal ħtiġiet inqas stretti minn dawk li jinsabu f'din id-Direttiva;

Billi, bħala l-ewwel pass lejn kondizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri għandhom, fil-każ tal-ġeneri u l-ispeċi msemmija fl-Anness II, li għalihom sejrin jitfasslu skedi, jiġu pprojbiti milli jimponu kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet ġodda fuq it-tqegħid fis-suq, għajr dawk ipprovvduti f'din id-Direttiva;

Billi għandhom jintgħamlu dispożizzjonijiet biex jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq fil-Komunità tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott prodotti f'pajjiżi terzi, dejjem sakemm joffru l-istess assigurazzjonijiet bħall-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità u sakemm iħarsu r-regoli Komunitarji;

Billi, sabiex jiġu armonizzati l-metodi tekniċi ta' l-eżami wżati fl-Istati Membri u sabiex jiġu pparagunati l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità ma' dawk prodotti f'pajjiżi terzi, għandhom jitwettqu provi komparattivi sabiex jikkontrollaw it-tħaris tal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva minn dawn il-prodotti;

Billi, sabiex tiġi ffaċilita l-ħidma effettiva ta' din id-Direttiva, il-Kommissjoni għandha tkun fdata bl-inkarigu li taddotta miżuri sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva u sabiex jiġi emendat l-Anness tagħha; u sabiex tipprovdi proċedura għal dan l-iskop li tinvolvi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kommissjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti tal-Ġeneri u l-Ispeċi tal-Materjal tal-Propagazzjoni u tal-Pjanti tal-Frott,

ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tapplika għat-tqegħidfis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott fil-Komunità.

2. L-Artikoli 2 sa 20 u l-Artikolu 24 għandhom japplikaw għall-ġeneri u l-ispeċji elenkati fl-Anness II kif ukoll għall-ibridi tagħhom.

Ir-riżomi u l-partijiet l-oħra tal-pjanti ta' ġeneri u ispeċji oħra jew l-ibridi tagħhom għandhom ukoll ikunu bla ħsara għall-Artikoli hawn fuq imsemmija jekk il-materjal ta' wieħed mill-ġenera jew ta' l-ispeċi msemmija jew l-ibridi tagħhom jiġi mlaqqam jew irid jitlaqqam magħhom.

3. Għandhom jiġu addottati emendi għall-lista tal-ġeneri u ta' l-ispeċji fl-Anness II skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-materjal tal-propagazzjoni jew għall-pjanti tal-frott maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jekk ikunu identifikati kif approprjat bħala ta' hekk u jinżammu iżolati biżżejjed, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-saħħa stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

Għandhom jiġu addotati miżuri sabiex jiġi implimentat l-ewwel paragrafu, b'referenza partikolari għall-identifikazzjoni u l-iżolament, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) materjal tal-propagazzjoni: iż-żerriegħa, il-partijiet minn pjanti u l-materjal kollu mill-pjanti, inklużi r-riżomi, maħsuba għall-propagazzjoni u l-produzzjoni tal-pjanti tal-frott;

(b) pjanti tal-frott: il-pjanti maħsuba biex jinżergħu jew jerġgħu jinżergħu, wara marketing;

(ċ) materjal pre-bażiku: il-materjal tal-propagazzjoni:

(i) li kien prodott skond metodi ġeneralment aċċettati bil-ħsieb li tibqa' tinżamm l-identità tal-varjetà, inklużi l-karatteristiċi relevanti tal-valur pomoloġiku tagħha, li jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, u biex jiġi evitat il-mard;

(ii) li hu maħsub għall-produzzjoni tal-materjal bażiku;

(iii) li jissodisfa l-kondizzjonijiet għall-materjal pre-bażiku stabbilit fl-iskeda għall-ispeċji interessati, stabbiliti skond l-Artikolu 4, u

(iv) li, wara spezzjoni uffiċjali, kien irrikonoxxut li jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

(d) materjal bażiku: il-materjal tal-propagazzjoni:

(i) li kien prodott jew direttament jew f'numru magħruf ta' stadji f'manjiera veġetattiva mill-materjal pre-bażiku, skond metodi ġeneralment aċċettati, bil-ħsieb li tibqa' tinżamm l-identità tal-varjetà, inklużi l-karatteristiċi rilevanti tal-valur pomoloġiku tagħha, li jistgħu jkunu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, u li jiġi pprevenut il-mard;

(ii) li hu maħsub għall-produzzjoni tal-materjal attestat;

(iii) li jissodisfa l-kondizzjonijiet għall-materjal bażiku stabbilit fl-iskeda għall-ispeċji interessati, stabbiliti skond l-Artikolu 4; u

(iv) li, wara spezzjoni uffiċjali, kien irrikonoxxut li jħares il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq;

(e) materjali attestati: il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott:

(i) li kienu prodotti jew direttament jew f'numru magħruf ta' stadji f'manjiera veġetattiva mill-materjal bażiku;

(ii) li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-materjal attestat stabbilit fl-iskeda għall-ispeċji interessati, stabbiliti skond l-Artikolu 4.

(iii) li, wara spezzjoni uffiċjali, kienu rrikonoxxuti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(f) materjal tal-CAC (ConformitasAgrariaCommunitatis): il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott li jissodisfaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti għal din il-kategorija li għandha x'taqsam ma' l-ispeċi interessati fl-iskeda stabbilita skond l-Artikolu 4;

(g) materjal ħieles mill-virusijiet(v.f.): il-materjal li ġie ttestjat u nstab ħieles mill-infezzjoni skond il-metodi tax-xjenza rrikonoxxuti internazzjonalment, ikun instab ħieles mis-sintomi ta' kull virus jew patoġenu li jixbah lill-virus bi spezzjon fl-istaġun tat-tkabbir, baqa' jinżamm skond il-kondizzjonijiet li jiżguraw li jibqa' ħieles mill-infezzjoni, u huwa meqjus ħieles mill-virusijiet kollha u l-patoġeni li jixbhu lill-virusijiet kollha magħrufa fl-ispeċji interessati li jiġru fil-Komunità. Il-materjal imnissel mill-ħxejjex ta' l-ikel f'linja diretta f'numru speċifiku ta' stadji minn dan il-materjal, li jkun instab ħieles mis-sintomi ta' kull virus jew patoġeneru lil jixbah lill-virus bi spezzjon fl-istaġun tat-tkabbir, u prodott u baqa' miżmum skond il-kondizzjonijiet li jiggarantixxu l-ħelsien mill-infezzjoni, għandu wkoll ikun ikkonsidrat ħieles mill-virusijiet. In-numru speċifiku ta' l-istadji għandu jkun indikat fl-iskeda ta' l-ispeċji interessati, stabbilita skond l-Artikolu 4;

(h) materjal ittestjat għall-virusijiet (v.t.): il-materjal li ġie ttestjat u nstab ħieles mill-infezzjoni skond il-metodi tax-xjenza rrikonoxxuti internazzjonalment, ikun instab ħieles mis-sintomi ta' kull virus jew patoġeneru li jixbah lill-virus bi spezzjon fl-istaġun tat-tkabbir, kien baqa' miżmum skond il-kondizzjonijiet li jiżguraw illi jibqa ħieles mill-infezzjoni, u jkun meqjus ħieles minn ċerti virusijiet serji u patoġeni serji li jixbhu lill-virusijiet magħrufa fl-ispeċji interessati li jiġru fil-Komunità u li kapaċi jnaqqsu l-utilità tal-materjal. Il-materjal imnissel veġetattivament f'linja diretta f'numru speċifiku ta' stadji minn dan il-materjal, li jkun instab ħieles mis-sintomi ta' kull virus jew patoġeneru li jixbah lill-virus bi spezzjon fl-istaġun tat-tkabbir u prodott u miżmum taħt kondizzjonijiet li jiggarantixxu l-ħelsien mill-infezzjoni, għandu wkoll jiġi meqjus bħala ttestjat għall-virus. In-numru speċifiku ta' l-istadji għandu jkun indikat fl-iskeda ta' l-ispeċji interessati, stabbilita skond l-Artikolu 4;

(i) fornitur: kull persuna fiżika jew ġuridika li twettaq professjonalment mill-inqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin rigward il-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott: ir-riproduzzjoni, il-produzzjoni, il-preservazzjoni u/jew it-trattament, u t-tqegħidfis-suq;

(j) it-tqegħid fis-suq: iż-żamma disponibbli jew fil-ħażna, il-wirja jew l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ u/jew il-kunsinja lil persuna oħra, tkun xi tkun il-għamla, tal-materjal tal-propagazzjoni jew tal-pjanti tal-frott;

(k) korp uffiċjali responsabbli:

(i) l-awtorità waħdiena u ċentrali, stabbilita jew innominata mill-Istat Membru taħt is-sorveljanza tal-gvern nazzjonali u responsabbli mill-mistoqsijiet dwar il-kwalità;

(ii) kull awtorità ta' l-Istat stabbilita:

- jew fuq il-livell nazzjonali,

- jew fuq il-livell reġjonali, taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet nazzjonali fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru interessat.

Il-korpi riferiti fil-(i) u t-(ii) jistgħu, b'mod konformi mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, jiddelegaw ix-xogħlijiet ipprovvduti f'din id-Direttiva li jitwettqu taħt l-awtorità u s-sorveljanza tagħhom lil kull persuna legali, kemm jekk iggvernata mill-liġi pubblika jew dik privata, li skond l-istatut uffiċjali approvat tagħha, tiġi fdata b'funzjonijiet speċifiċi pubbliċi, sakemm din il-persuna, u l-membri tagħha, ma jkollhom l-ebda interess personali mir-riżultat tal-miżuri li tieħu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi teżisti l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi msemmija fit-(ii) u dawk imsemmija fil-(i).

Barra minn hekk, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, kull persuna legali oħra stabbilita f'isem il-korp riferit fil-(i) u t-(ii) u li taġixxi taħt is-sorveljanza u l-kontroll ta' dan il-korp, tista' tiġi approvata, sakemm din il-persuna ma jkollhiex interess personali fir-riżultat tal-miżuri li tieħu.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kommissjoni dwar il-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom. Il-Kommissjoni għandha tibgħat dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħrajn;

(l) miżuri uffiċjali: il-miżuri meħuda mill-korp uffiċjali responsabbli;

(m) spezzjoni uffiċjali: l-ispezzjon imwettaq mill-korp uffiċjali responsabbli;

(n) dikjarazzjoni uffiċjali: id-dikjarazzjoni maħruġa mill-korp uffiċjali responsabbli jew fuq ir-responsabbiltà tiegħu;

(o) lott: numru ta' unitajiet ta' oġġett wieħed, li jingħaraf bl-omoġeneità fil-kompożizzjoni u l-oriġini tiegħu;

(p) laboratorju: korp taħt il-liġi pubblika jew privata li jwettaq l-analiżi u d-dijanjosi approprjata, sabiex jgħin lill-produttur jagħmel monitorġġ tal-kwalità tal-produzzjoni.

L-Artikolu 4

1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22, għandha tiġi stabbilita skeda fl-Anness I għal kull ġeneru u speċji riferiti fl-Anness II, b'referenza għall-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE li tapplika għall-ġeneru u/jew l-ispeċe interessata u tistablixxi:

(i) il-kondizzjonijiet tal-kwalità u s-saħħa tal-pjanti li jrid iħares il-materjal tal-CAC, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu mas-sistemi applikati tal-propagazzjoni, għas-safa tal-wiċċ tar-raba' li jkun qiegħed jitkabbar, għall-aspetti tal-varjetali għajr fil-każ tar-riżomi, fejn il-materjal ma jappartjenix għal varjetà, għall-aspetti varjetali.

(ii) il-kondizzjonijiet li bihom iridu jħarsu l-materjal qabel dak bażiku, dak bażiku u dak attestat, rigward il-kwalità, is-saħħa tal-pjanti, il-metodi tat-testijiet u l-proċeduri applikati, is-sistema(i) applikata(i) tal-propagazzjoni u, għajr fil-każ tar-riżomi, fejn il-materjal ma jappajenix għal varjetà, għall-aspetti tal-varjetali.

(iii) il-kondizzjonijiet li r-riżomi u partijiet oħra tal-pjanti tal-ġeneru jew speċi oħra jridu jħarsu jekk il-materjal tal-propagazzjoni tal-ġeneru jew ta' l-ispeċje interessati jiġi mlaqqam fuqhom.

2. Jekk fl-iskeda ssir referenza għall-kwalifika "ħieles mill-virus (v.f.)" jew "eżaminat għall-virus (v.t.)", il-virus u l-patoġeni li jixbhu l-virus interessati għandhom jissemmew f'din l-iskeda.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatismutandis fejn issir referenza għal kwalifika li tirrigwarda l-ħelsien mill-organiżmi ta' ħsara jew il-kixfa tagħhom għajr il-virusijiet jew il-patoġeni li jixbhu l-virus.

Ma għandha tintgħamel l-ebda referenza għall-v.f. jew il-v.t. rigward il-materjal imsemmi f' 1(i).

Rigward il-materjal imsemmi fis-subparagrafu 1(ii), għandha ssir referenza għall-kwalifiki msemmija hawn fuq fejn din ir-referenza hija rilevanti għall-ġeneru jew l-ispeċi interessati.

L-Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-fornituri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-ħarsien ta' l-istandards stabbiliti f'din id-Direttiva f'kull stadju tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri għandhom jew iwettqu huma stess, jew iqabbdu li jitwettqu minn fornitur akkreditat jew minn korp uffiċjali responsabbli, spezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

- l-identifikazzjoni tal-punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom fuq il-bażi tal-metodi tal-produzzjoni wżati,

- l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-metodi tal-monitorjar u tal-kontroll tal-punti kritiċi riferiti fl-ewwel inċiż,

- it-teħid tal-kampjuni għall-analiżi f'laboratorju akkreditat mill-korp uffiċjali responsabbli bl-iskop li tiġi kkontollata l-konformità mal-livelli stabbiliti b'din id-Direttiva,

- iż-żamma ta' reġistrazzjoni bil-miktub jew ta' reġistrazzjoni mdaħħla fir-reġistru b'mod li ma jitħassarx, ta' l-informazzjoni riferita fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiż, kif ukoll tar-reġistrazzjonijiet dwar il-produzzjoni u t-tqegħidfis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott, u li jridu jinżamm għad-dispożizzjoni tal-korp uffiċjali responsabbli. Dawn id-dokumenti għandhom jinżammu għal perjodu taż-żmien ta' mill-inqas tliet snin.

Madanakollu, il-fornituri li l-attività tagħhom f'din il-konnessjoni hija limitata biss għad-distribuzzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott prodotti u ppakkettjati fuq fond għajr tagħhom stess għandhom ikunu meħtieġa biss li jżommu reġistrazzjoni bil-miktub jew reġistrazzjoni rreġistrata b'mod li ma jitħassarx tax-xiri u l-bejgħ u/jew il-kunsinja tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-fornituri li l-attività tagħhom f'din il-konnessjoni hija limitata għall-provvista ta' kwantitajiet żgħar tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott lill-konsumaturi finali mhux professjonali.

3. Jekk ir-riżultat tal-kontrolli tagħhom infushom jew kull tagħrif għad-dispożizzjoni tal-fornituri riferiti fil-paragrafu 1 juri l-preżenza ta' l-organiżmu ta' ħsara jew aktar riferiti fid-Direttiva 77/93/KEE jew fi kwantità iktar milli normalment permessa biex jintlaħqu l-istandards, ta' dawk speċifikati fl-iskedi rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 4, il-fornituri għandhom minnufih jirraportaw dan lill-korp uffiċjali responsabbli u jwettqu l-miżuri indikati minn dan il-korp jew kull miżura oħra meħtieġa biex inaqqsu r-riskju li jinfirxu dawn l-organiżmi ta' ħsara. Il-fornitur għandu jżomm irreġistati kull imxija ta' l-organiżmi ta' ħsara fuq il-fond tiegħu u tal-miżuri kollha li jittieħdu rigward dawn l-okkorrenzi.

4. Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat it-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 2 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 6

1. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita lill-fornituri ġaladarba jkun ivverifika illi l-metodi tal-produzzjoni u l-istabilimenti tagħhom jilħqu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva rigward in-natura ta' l-attivitajiet li jwettqu. L-akkreditazzjoni trid tiġi mġedda jekk fornitur jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet għajr dawk li għalihom tkun ingħatat l-akkreditazzjoni.

2. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita l-laboratorji ġaladarba jkun ivverifikat li dawn il-laboratorji, il-metodi tagħhom, l-istabilimenti tagħhom u l-impjegati tagħhom, jilħqu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, li jridu jiġu speċifikati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, rigward l-attivitajiet tat-testijiet li jwettqu. L-akkreditazzjoni trid tiġi mġedda jekk laboratorju jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet oħra għajr dawk li għalihom tkun ingħatat l-akkreditazzjoni.

3. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa jekk il-ħtiġiet riferiti fil-paragrafi 1 u 2 ma jibqgħux jintlaħqu. Għal dan l-iskop, għandu jqis b'mod partikolari l-konklużjonijiet ta' kull kontroll imwettaq skond l-Artikolu 7.

4. Is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-fornituri, l-istabbilimenti u l-laboratorji għandhom jitwettqu regolarment mill-korp uffiċjali responsabbli u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, li f'kull ħin għandu jkollu aċċess ħieles għall-partijiet kollha ta' l-istabilimenti, sabiex jiżgura t-tħaris tal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva. Għandhom jiġu addottati l-miżuri ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw is-sorveljanza u l-monitorjar, kif meħtieġ, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

Jekk din is-sorveljanza u dan il-monitorjar juru illi l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva ma jkunux qegħdin jintlaħqu, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa.

L-Artikolu 7

1. L-esperti tal-Kommissjoni jistgħu, b'kooperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri, jagħmlu eżamijiet fuq il-post sakemm dawn ikunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari biex jivverifikaw jekk il-fornituri jkunux fil-fatt iħarsu l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva. Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qiegħed jitwettaq dan l-ispezzjoni għandu jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-esperti sabiex iwettqu dmirijiethom. Il-Kommissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri bir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet.

2. Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat il-paragrafu 1 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 8

1. Il-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott jistgħu jiġu mmarkitjati biss minn fornituri akkreditati, u sakemm iħarsu l-ħtiġiet stabbiliti għall-materjal tal-CAC fl-iskeda msemmija fl-Artikolu 4.

2. Ma jistax jiġi mogħti ċertifikat għall-materjal pre-bażiku, bażiku u attestat għajr jekk jappartjieni għal varjetà riferita fl-Artikolu 9(2)(i) u sakemm jilħaq il-ħtiġiet tal-kategorija interessata stabbilita fl-iskeda riferita fl-Artikolu 4. Il-kategorija għandha tiġi indikata fuq id-dokument uffiċjali riferit fl-Artikolu 11.

Rigward l-aspett varjetali, fl-iskeda li trid titfassal skond l-Artikolu 4, tista' ssir dispożizzjoni sabiex jiġu eżentati r-riżomi fejn il-materjal ma jappartjenix għal varjetà.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/93/KEE, il-paragrafi ta' qabel ma għandhomx japplikaw għall-materjal tal-propagazzjoni u għall-pjanti tal-frott maħsuba għal:

(a) il-provi jew l-iskopijiet xjentifiċi; jew

(b) ix-xogħol tal-għażla; jew

(ċ) il-miżuri għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati l-punti (a) u (b), kif meħtieġ, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat il-punt (ċ) preferibbilment qabel l-1 ta' Jannar 1993, skond l-istess proċedura.

L-Artikolu 9

1. Il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott għandhom jiġu mmarkitjati b'referenza għall-varjetà tagħhom. Billi, fil-każ tar-riżomi, il-materjal ma jappartenix għal varjetà, għandha ssir referenza għall-ispeċi jew l-ibridu interspeċifiku interessati.

2. Il-varjetajiet li għalihom għandha ssir referenza skond il-paragrafu 1 iridu jkunu:

(i) jew magħrufa komunement, u protetti skond id-disposizzjonijet dwar il-protezzjoni ta' varjetajiet ġodda ta' pjanti, jew irreġistrati uffiċjalment fuq bażi volontarja jew fuq bażi oħra;

(ii) jew imdaħħla fil-listi miżmuma mill-fornituri, bid-deskrizzjonijiet iddettaljati u d-denominazzjonijiet rilevanti tagħhom.

Dawn il-listi jridu jkunu disponibbli, fuq talba, għall-korp uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru interessat.

Kull varjetà għandha tiġi deskritta u, sa fejn hu possibbli, għandu ikollha l-istess denominazzjoni fl-Istati Membri kollha, skond il-linji-gwida aċċettati internazzjonalment.

3. Il-varjetajiet jistgħu jiġu rreġistrati uffiċjalment jekk ikunu nstabu li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet approvati uffiċjalment u jkollhom deskrizzjoni uffiċjali. Jistgħu jiġu rreġistrati uffiċjalment jekk il-materjal tagħhom ikun ġie mmarkitjat fit-territorju ta' l-Istat Membru interessat qabel l-1 ta' Jannar 1993, sakemm ikollhom deskrizjoni uffiċjali. Fil-każ ta' l-aħħar, ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2000, għajr jekk sa din id-data l-varjetajiet fil-kwistjoni kienu:

- jew ikkonfermati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, b'deskrizzjoni ddettaljata jekk kienu rreġistrati uffiċjalment f'mill-inqas żewġ Stati Membri,

- jew irreġistrati skond l-ewwel sentenza.

4. Ħlief meta ikun imsemmi espliċitament l-aspett tal-varjetà fl-iskedi msemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafi (1) u (2) ma għandhom jinvolvu l-ebda reponsabbiltà żejda għall-korp uffiċjali responsabbli.

5. Il-ħtiġiet tar-reġistrazzjoni uffiċjali riferiti fil-paragrafu 2(i) għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura sabilita fl-Artikolu 21, billi jitqies it-tagħrif xjentifiku u tekniku korrenti u li jkopri:

(a) il-kondizzjonijiet ta' l-aċċettazzjoni uffiċjali, li tista' tinkludi, b'mod partikolari, iċ-ċarezza, l-istabbilità u l-uniformità suffiċjenti;

(b) il-karatteristiċi li jridu mill-inqas ikopru l-eżamijiet ta' l-ispeċji varji;

(ċ) il-ħtiġiet minimi biex isiru l-eżamijiet;

(d) il-perjodu massimu tal-validità ta' l-aċċettazzjoni uffiċjali ta' varjetà.

6. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21:

- tista' tiġi stabbilita sistema tan-notifikazzjonijiet tal-varjetajiet jew l-ispeċji jew l-ibridi interspeċifiċi lill-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri,

- jistgħu jiġu addottat dispożizzjonijiet addizzjonali sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 2(ii),

- jista' jiġi deċiż illi jiġi stabbilit u ppubblikat katalogu komuni tal-varjetajiet.

L-Artikolu 10

1. Waqt li l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott ikunu qegħdin jikbru u waqt il-qliegħ jew it-tneħħija mill-materjal ġenitur, dawn għandhom jinżammu f'lottijiet separati.

2. Jekk jitqiegħdu flimkien il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott ta' oriġinijiet differenti jew jitħalltu matul l-pakkettjar, il-ħażna, it-trasport jew il-kunsinja, il-fornitur għandu jżomm reġistrazzjonijiet li jinkludu t-tagħrif li ġej: il-kompożizzjoni tal-lott u l-oriġini tal-komponenti individwali tiegħu.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mal-ħtiġiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 billi jwettqu spezzjonijiet uffiċjali.

L-Artikolu 11

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott għandhom ikunu mmarkitjatii biss f'lottijiet biżżejjed omoġenji u jekk ikunu:

(i) ikkwalifikati bħala materjal tal-CAC u akkumpanjati b'dokument imfassal mill-fornitur skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskeda stabbilita skond l-Artikolu 4. Jekk tidher dikjarazzjoni uffiċjali f'dan id-dokument, din għandha tidher ċarament separata mit-tagħrif l-ieħor kollu fid-dokument; jew

(ii) ikkwalifikati bħala materjal pre-bażiku, bażiku jew attestat, u mogħti ċertifikat bħala ta' hekk mill-korp uffiċjali responsabbli skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskeda riferita fl-Artikolu 4.

Il-ħtiġiet rigward il-materjal tal-propagazzjoni u/jew il-pjanti tal-frott dwar it-tikkettjar u/jew is-siġillar u l-pakkettjar għandhom ikunu indikati fl-iskeda riferita fl-Artikolu 4.

Fil-każ ta' provvista bl-imnut tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott għall-konsumatur finali mhux professjonali, il-ħtiġiet dwar it-tikkettjar jistgħu jkunu limitati għal tagħrif approprjat dwar il-prodott.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw:

- milli jiġi applikat l-Artikolu 11, il-produtturi ż-żgħar li l-produzzjoni u l-bejgħ kollu tagħhom tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott ikunu maħsuba għall-użu finali minn persuni fis-suq lokali li ma jkunux involuti professjonalment fil-produzzjoni tal-pjanti ("ċirkolazzjoni lokali").

- mill-kontrolli u l-ispezzjonijiet uffiċjali pprovvduti fl-Artikolu 18, iċ-ċirkolazzjoni lokali tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott prodotti minn dawn il-persuni eżentati.

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandhom jiġu addottati miżuri ta' implimentazzjoni li jkollhom x'jaqsmu mal-ħtiġiet l-oħra dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi, b'mod partikolari rigward il-kunċetti ta' "produtturi żgħar" u ta' "suq lokali", u għall-proċeduri li għandhom x'jaqsmu magħhom.

L-Artikolu 13

Fil-każ ta' diffikultajiet temporanji fil-provvista tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, jistgħu jiġu addottati miżuri, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, li jirrigwardaw it-tqegħidfis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott li jilħqu ħtiġiet inqas strinġenti, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

L-Artikolu 14

Il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott li jħarsu l-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jkunu suġġetti għall-ebda restrizzjoni tat-tqegħidfis-suq rigward il-fornitur, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir u l-arranġamenti ta' l-ispezzjonijiet għajr dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 15

Rigward il-prodotti riferiti fl-Anness II l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jimponu kondizzjonijiet aktar strinġenti jew restrizzjonijiet fuq it-tqegħidfis-suqbarra l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskedi riferiti fl-Artikolu 4 jew dawk li jkunu jinsabu fid-data ta' l-addozzjoni ta' din id-Direttiva, skond kif ikun il-każ.

L-Artikolu 16

1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandu jiġi deċiż jekk il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti f'pajjiż terz u joffru l-istess garanziji rigward l-obbligi dwar il-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz ta' tkabbir, l-pakkettjar, l-arranġamenti ta' l-ispezzjon, il-marka u s-siġill, humiex ekwivalenti f'dawn ir-rigwardi kollha għall-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità u li jħarsu l-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, sa l-1 ta' Jannar 1993, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/93/KEE, japplikaw lill-importazzjoni ta' materjal tal-propagazzjoni u ta' pjanti tal-frott minn pajjiżi terzi il-kondizzjonijiet għall-inqas ekwivalenti għal dawk indikati, fuq bażi temporanju jew permanenti, fl-iskedi addottati skond l-Artikolu 4. Meta dawn il-kondizzjonijiet ma jkunux stabbiliti fl-iskedi, il-kondizzjonijiet ta' l-importazzjoni jridu mill-inqas ikunu ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-produzzjoni fl-Istat Membru interessat.

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, id-data riferita fl-ewwel subparagrafu tista', għall-pajjiżi terzi varji, tiġi estiża sakemm jittieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott importati minn Stat Membru skond deċiżjoni meħuda minn dan l-Istat Membru skond l-ewwel subparagrafu ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda restrizzjoni tat-tqegħidfis-suq fl-Istati Membri l-oħra rigward il-materji msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott jiġu spezzjonati uffiċjalment matul il-produzzjoni u l-marketing, u bi spezzjonijiet mingħajr għażla minn qabel fil-każ tal-materjal tal-CAC, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jimplimentaw il-kontrolli pprovvduti fl-Artikolu 5 u għall-ispezzjoni uffiċjali pprovvdut fl-Artikoli 10 u 17, inklużi l-metodi tat-teħid tal-kampjuni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 19

1. Jekk, matul is-sorveljanza u l-monitoraġġ ipprovvduti fl-Artikolu 6(4), l-ispezzjon uffiċjali riferit fl-Artikolu 17, jew il-provi riferiti fl-Artikolu 20, jinstab illi l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott ma jilħqux il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat illi jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew, jekk dan mhux possibbli, li jiġi pprojbit it-tqegħidfis-suq ta' dan il-materjal tal-propagazzjoni u ta' dawn il-pjanti tal-frott fil-Komunità.

2. Jekk jinstab illi l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott immarkitjati minn fornitur partikolari ma jħarsux il-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva, l-Istat Membru interessat għandu jiżgura illi jittieħdu l-miżuri xierqa kontra dan il-fornitur. Jekk il-fornitur jiġi pprojbit milli jimmarkitja l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott, l-Istat Membru għandu jgħarraf kif approprjat lill-Kommissjoni u lill-awtoritàjiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri.

3. Kull miżura meħuda skond il-paragrafu 2 għandha tiġi rtirata hekk kif ikun stabbilit b'ċertezza suffiċenti illi l-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott maħsuba għat-tqegħidfis-suq minn fornitur, iħarsu, fil-futur, il-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 20

1. Għandhom jitwettqu provi jew, fejn xierqa, testijiet fl-Istati Membri fuq kampjuni sabiex jiġi kkontrollat illi l-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott iħarsu l-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva, inklużi dawk li jirrigwardaw is-saħħa tal-pjanti. Il-Kommissjoni tista' torganiżża spezzjonijiet dwar il-provi minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u mill-Kommissjoni.

2. Jista' jiġi deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21 illi jeħtieġ li jitwettqu provi jew testijiet Komunitarji bl-istess għan riferit fil-paragrafu 1. Il-Kommissjoni tista' torganiżża spezzjonijiet dwar il-provi Komunitarji minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u tal-Kommissjoni.

3. Il-provi jew it-testijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw biex jiġu armoniżżati l-metodi tekniċi ta' l-eżami tal-materjal tal-propagazzjoni u tal-pjanti tal-frott. Għandhom isiru rapporti tal-progress dwar il-provi jew it-testijiet u jintbagħtu b'mod konfidenzjali lill-Istati Membri u lill-Kommissjoni.

4. Il-Kommissjoni għandha tiżgura illi, fejn meħtieġ, jiġu addottati l-arranġamenti tal-koordinazzjoni, tat-twettaq u ta' l-ispezzjon tal-provi riferiti fil-paragrafi 1 u 2, u ta' l-istma tar-riżultati tagħhom, mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21. Meta jinħolqu problemi dwar is-saħħa tal-pjanti, il-Kommissjoni għandha tinnotifika lill-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu addottati arranġamenti speċifiċi. Il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti f'pajjiżi terzi għandhom jiġu inklużi fil-provi.

L-Artikolu 21

1. Il-Kommissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat, riferit bħala l-"Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċji tal-Frott", ippresjedut minn rappreżentant tal-Kommissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kommissjoni għandu jissottometti lill-kumitat permanenti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat permanenti għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien illi l-president tiegħu jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill jeħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kommissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat permanenti għandhom ikunu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f'dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. Il-Kommissjoni għandha taddotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih.

Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat permanenti, għandhom jiġu kkomunikati mill-Kommissjoni lill-Kunsill. F'dan il-każ, il-Kommissjoni tista' tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet dwarhom għal mhux iktar minn xahar mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien riferit fil-paragrafu ta' qabel.

L-Artikolu 22

1. Il-Kommissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċji tal-Frott, ippresjedut mir-rappreżentant tal-Kommissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kommissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien illi l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ illi jaddotta fuq proposta mill-Kommissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f'dan l-Artikolu. Il-president ma għandux jivvota.

3. Il-Kommissjoni għandha taddotta l-miżuri previsiti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tintbagħat, il-Kommissjoni għandha, mingħajr dewmien, tibgħat lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jiskadi l-perjodu taż-żmien ta' tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu ma aġixxiex, il-miżuri proposti għandhom jiġu addottati mill-Kommissjoni.

L-Artikolu 23

L-emendi għall-iskedi stabbiliti skond l-Artikolu 4 u għall-kondizzjonijiet u r-regoli ddettaljati sabiex jimplimentaw din id-Direttiva għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti fit-territorju tagħhom u maħsuba għat-tqegħidfis-suq jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

2. Jekk, waqt spezzjoni uffiċjali, jinstab illi l-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott ma jistgħux jiġu mmarkitjati minħabba li ma jikkonformawx ma' kondizzjoni rigward is-saħħa tal-pjanti, l-Istat Membru interessat għandu jieħu l-miżuri uffiċjali xierqa sabiex jelimina kull riskju għas-saħħa tal-pjanti li jista' jirriżulta.

L-Artikolu 25

Fi żmien ħames snin mid-data li fiha tiġi addottata din id-Direttiva, il-Kommissjoni għandha teżamina r-riżultati dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tibgħat lill-Kunsill rapport, akkumpanjat b'kull proposta meħtieġa għal emendi.

L-Artikolu 26

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kommissjoni b'dan.

Meta jiġu addottati dawn il-miżuri mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati bir-referenza msemmija fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir ir-referenza msemmija għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

2. Safejn u sakemm jirrigwarda l-Artikoli 5 sa 11, 14, 15, 17, 19 u 24, id-data ta' l-applikazzjoni għal kull ġeneru jew speċi msemmija fl-Anness II għandha tiġi ffissata skond il-proċedura pprovvduta fl-Artikolu 21, meta titfassal l-iskeda msemmija fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 27

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta' April 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Arlindo MARQUES CUNHA

L-ANNESS I

L-iskedi msemmija skond l-Artikolu 4

L-ANNESS II

Il-lista tal-ġeneri u l-ispeċi li għalihom tapplika din id-Direttiva

- Citrus sinensis (L.) Osbeck il-larinġa

- Citrus limon (L.) Burm. f. il-lumija

- Citrus reticulata Blanco il-mandolina

- Citrus paradisi Macf. il-grejpfrut

- Citrus aurantifolia (Christm.) il-lumija qarsa

- Corylus avellana L il-ġellewża .

- Fragaria x ananassa Duch. il-frawla

- Juglans regia L il-ġewż

- Malus Mill. it-tuffieħa ta' belludja

- Prunus amygdalus Batsch il-lewża

- Prunus armeniaca L. il-berquqa

- Prunus avium L. iċ-ċirasa ħelwa

- Prunus cerasus iċ-ċirasa morra

- Prunus domestica L. il-għanbaqra

- Prunus persica (L.) Batsch il-ħawħa

- Pyrus communis L. il-lanġasa

- Prunus Salicina il-għanbaqra Ġappuniża

- Cydonia Mill. l-isfarġel

- Ribes il-passolina ħamra

- Rubus it-tuta sewda

- Pistaciavera il-pistaċja

- Oleaeuropaea iż-żebbuġa

1 ĠU C 52, tat-3.3.1990, p. 16 u ĠU C 307, tas-27.11.1991, p. 15

2 ĠU C 240, tas-6.9.1991, p. 197

3 ĠU C 182, tat-23.7.1990, p. 21

4 ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 20; Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/10/KEE (ĠU L 70, tas-17.3.1992, p. 27)