31991L0250



Official Journal L 122 , 17/05/1991 P. 0042 - 0046
Finnish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0111
Swedish special edition: Chapter 17 Volume 1 P. 0111


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-14 ta’ Mejju 1991

dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi programmi tal-kompjuter mhumiex fil-preżent protetti b’mod ċar fl-Istati Membri kollha bil-leġislazzjoni eżistenti u din il-protezzjoni, fejn teżisti, għandha attributi differenti;

Billi l-iżvilupp ta’ programmi tal-kompjuter jeħtieġ investiment ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji konsiderevoli filwaqt li programmi tal-kompjuter jistgħu jiġu kkupjati bi frazzjoni ta’ l-ispiża meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom indipendentement;

Billi programmi tal-kompjuter qegħdin ikollhom parti dejjem aktar importanti fil-firxa wiesa’ ta’ l-industriji u t-teknoloġija programmi tal-kompjuter tista’ f’dan is-sens jiġu kkunsidrati li huma ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità;

Billi ċerti differenzi fil-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter offruta bil-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom effetti diretti u negattivi fuq l-operat tal-kummerċ komuni dwar programmi tal-kompjuter u dawn id-differenzi jistgħu faċilment jikbru hekk kif Stati Membri jdaħħlu leġislazzjoni ġdida dwar dan is-suġġett;

Billi differenzi eżistenti li jkollhom dawn l-effetti hemm bżonn li jitneħħew u oħrajn ġodda ma jitħallewx jinqalgħu, filwaqt li d-differenzi li ma jkollhomx effett kontra l-operat tal-kummerċ komuni sa grad sostanzjali m’għandhomx bżonn li jitneħħew jew li ma jitħallewx li jqumu;

Billi l-qafas legali tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter jista’ f’dan is-sens primarjament ikun limitat li jistabbilixxi li Stati Membri għandhom jagħtu protezzjoni lill-programmi tal-kompjuter skond liġi tad-drittijiet ta’ l-awtur bħal xogħlijiet letterarji u, ukoll, biex jiġi stabbilit min jew xiex għandu jkun protett, id-drittijiet esklussivi li permezz tagħhom persuni protetti għandhom ikunu jistgħu jafdaw sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu ċerti atti u għal kemm żmien il-protezzjoni għandha tapplika;

Billi, għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu "programm tal-kompjuter" għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware; billi dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba li n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem;

Billi, dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex oriġinali jew le, l-ebda testijiet m’għandhom jiġu applikati dwar il-meriti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm;

Billi l-Komunità hija impenjata bis-sħiħ għall-promozzjoni ta’ standardization internazzjonali;

Billi l-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn u xieraq, waħda fiżika hija meħtieġa biex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw;

Billi l-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn l-elementi tas-software u l-hardware huma ġeneralment magħrufa bħala "interfaces";

Billi din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni funzjonali hija ġeneralment magħrufa bħala "interoperabilità"; billi din l-interoperabilità tista’ tiġi mfissra bħala l-kapaċità li tagħmel skambju ta’ l-informazzjoni u li tuża’ b’mod reċiproku l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata;

Billi, biex jiġi evitat id-dubju, għandu jkun ċar li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta u li l-ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element fil-programm, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva;

Billi, skond dan il-prinċipju tad-drittijiet ta’ l-awtur, sal-punt li l-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi jinkludu ideat u prinċipji, dawk l-ideat u prinċipji mhumiex protetti skond din id-Direttiva;

Billi, skond il-leġislazzjoni u ġurisprudenza ta’ l-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u l-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet ta’ l-awtur;

Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu "ħlas tal-kirja" ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal finijiet ta’ qligħ, programm ta’ kompjuter jew kopja tiegħu, billi dan it-terminu ma jinkludix self lill-pubbliku, li, f’dan is-sens, jibqa’ barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva;

Billi d-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment;

Billi dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni ta’ l-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt; billi, fl-assenza ta’ disposizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skond l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja;

Billi persuna li għandha d-dritt li tuża programm tal-kompjuter m’għandhiex tkun ipprojbita milli twettaq atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonar tal-programm, kemm-il darba dawn l-atti ma jiksrux id-drittijiet ta’ l-awtur fil-programm;

Billi r-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur;

Billi, minkejja dan, jistgħu jeżistu ċirkustanzi meta din ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm maħluq indipendentement minn programmi oħra;

Billi għalhekk għad għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi limitati biss, twettiq ta’ l-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt;

Billi skop ta’ din l-eċċezzjoni huwa li jagħmilha possibbli li jikkonnettja l-komponenti kollha ta’ sistema tal-kompjuter, inklużi dawk ta’ manifatturi differenti, biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien;

Billi din l-eċċezzjoni tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur ma tistax tintuża’ b’mod li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttar normali tal-programm;

Billi, sabiex jibqa’ skond id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, it-tul ta’ protezzjoni għandu jkun il-ħajja ta’ l-awtur u ħamsin sena mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena tal-mewt tiegħu jew, fil-każ ta’ xogħol anonimu jew bi psewdonimu, 50 sena mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara s-sena li fiha x-xogħol ikun ippubblikat għall-ewwel darba;

Billi protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter skond liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni, f’każi xierqa, ta’ forom oħra ta’ protezzjoni; billi, b’danakollu, kull disposizzjoni kuntrattwali kontrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom ikunu nulli u bla effett;

Billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skond l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat jekk fornitur dominanti jirrifjuta li jagħmel disponibbli l-informazzjoni li hija meħtieġa għall-interoperabilità kif imfissra f’din id-Direttiva;

Billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi tal-liġi tal-Komunità li tkun diġà għaddiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ interfaces fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet jew Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam ta’ l-informatika u t-telekomunikazzjoni;

Billi din id-Direttiva ma taffettwax derogi li hemm provdut dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali skond il-Konvenzjoni ta’ Berna fuq punti li mhumiex regolati b’din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan tal-protezzjoni

1. Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu "programmi tal-kompjuter" għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2. Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3. Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.

Artikolu 2

L-awtur ta’ programmi tal-kompjuter

1. L-awtur ta’ programm tal-kompjuter għandu jkun il-persuna naturali jew grupp ta’ persuni naturali li jkun ħoloq il-programm jew, fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tippermetti, il-persuna legali maħtura bħala detentur tad-drittijiet minn dik il-leġislazzjoni. Fejn xogħlijiet kollettivi huma rikonoxxuti bil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-persuna kkunsidrata mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li tkun ħolqot ix-xogħol għandha titqies bħala l-awtur tiegħu.

2. Dwar programm tal-kompjuter maħluq minn grupp ta’ persuni naturali flimkien, id-drittijiet esklussivi għandhom ikunu pposseduti flimkien.

3. Fejn programm tal-kompjuter jinħoloq minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu jew billi jsegwi struzzjonijiet mogħtija mill-prinċipal tiegħu, il-prinċipal b’mod esklussiv għandu jkun intitolat biex jeżerċita d-drittijiet ekonomiċi kollha fil-programm hekk maħluq, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor bil-kuntratt.

Artikolu 3

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni

Protezzjoni għandha tingħata lill-persuni naturali jew legali kollha eliġibbli skond leġislazzjoni nazzjonali dwar drittijiet ta’ l-awtur kif applikata għal xogħlijiet letterarji.

Artikolu 4

Attijiet Ristretti

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a) ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b) it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

(ċ) kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti

1. Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skond il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2. L-għemil ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.

Il- persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel.

Artikolu 6

Dekumpilazzjoni

1. L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b) l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a); u

(ċ) dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

(a) li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

(b) li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement; jew

(ċ) li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet ta’ l-awtur.

3. Skond id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.

Artikolu 7

Miżuri speċjali ta’ protezzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti elenkati fis-sottoparagrafi (a), (b) u (ċ) kif ġej:

(a) kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

(b) il-pussess, għal finijiet kummerċjali, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jkun jaf, jew ikollu raġuni għalfejn jemmen, li tkun kopja illegali;

(ċ) kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, jew il-pussess għal finijiet kummerċjali ta’, kull mezz li l-uniku għan maħsub għalih hu li jħaffef li jneħħi mingħajr awtorità jew li jeħles minn xi strument tekniku li jista’ jkun applikat biex jipproteġi programm tal-kompjuter.

2. Kull kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi sekwestrata skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru interessat.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għas-sekwestru b’kull mezz imsemmi fil-paragrafu 1 (ċ).

Artikolu 8

Kemm ittul il-protezzjoni

1. Protezzjoni għandha tingħata tul il-ħajja ta’ l-awtur u għal ħamsin sena wara mewtu jew wara l-mewt ta’ l-aħħar awtur li baqa’ ħaj; fejn il-programm tal-kompjuter huwa xogħol anonimu jew psewdonimu, jew fejn persuna legali tinħatar bħala l-awtur mil-leġislazzjoni nazzjonali skond l-Artikolu 2(1), it-tul tal-protezzjoni għandu jkun ħamsin sena minn meta l-programm tal-kompjuter ikun disponibbli għall-ewwel darba għall-pubbliku. Iż-żmien ta’ protezzjoni għandu jitqies li jibda mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara l-ġrajjiet imsemmija aktar qabel.

2. L-Istati Membri li diġà għandhom żmien ta’ protezzjoni itwal minn dak li hemm provdut dwaru fil-paragrafu 1 huma awtorizzati li jżommu t-terminu preżenti tagħhom sa dak iż-żmien meta ż-żmien ta’ protezzjoni għad-drittijiet ta’ l-awtur bil-liġi tal-Komunità jkunu armonizzati b’manjiera aktar ġenerali.

Artikolu 9

Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra

1. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull disposizzjoni legali oħra bħal dik dwar id-drittijiet tal-privattivi, marki tal-fabbrika, kompetizzjoni inġusta, sigrieti tas-sengħa, protezzjoni ta’ prodotti semikondutturi jew liġi ta’ kuntratt. Kull disposizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom ikunu nulli u bla effett.

2. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu wkoll għall-programmi maħluqa bejn l-1 ta’ Jannar 1993 mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel dik id-data.

Artikolu 10

Disposizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1993.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn ta’ l-aħħar għandu jkollhom fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jagħmlu din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-14 ta’ Mejju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

J. F. Poos

[1] ĠU C 91, tat-12.4.1989, pġ. 4; uĠU C 320, ta’ l-20.12.1990, pġ. 22.

[2] ĠU C 231, tas-17.9.1990, pġ. 78; u d-Deċiżjoni tas-17 ta’ April 1991. għadha ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 329, tat-30.12.1989, pġ. 4.

--------------------------------------------------