4.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/45 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2018/1886
tat-30 ta' Novembru 2018
li temenda d-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE li tawtorizza lid-Danimarka biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet u biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT
(notifikata bid-dokument C(2018) 7854)
(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b'mod partikulari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), id-Danimarka tista', f'konformità mal-kundizzjonijiet li ilhom japplikaw f'dak l-Istat Membru mill-1 ta' Jannar 1978, tkompli teżenta t-tranżazzjonijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness X ta' din id-Direttiva. Skont dan l-Artikolu, dawn it-tranżazzjonijiet iridu jitqiesu għad-determinazzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/184/Euratom, KEE (3), id-Danimarka kienet awtorizzata biex, fost l-oħrajn, ma tikkunsidrax tranżazzjonijiet issa msemmija fil-punt 2 tal-parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE, jiġifieri s-servizzi pprovduti minn awturi, artisti u interpreti ta' xogħlijiet artistiċi sabiex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. Madankollu, sussegwentement din l-awtorizzazzjoni ġiet imħassra permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/814/UE (4), Euratom. |
(3) |
Fl-2012, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta' rieżami tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri biex tneħħi dawk li ma baqgħux meħtieġa. Bħala parti mill-eżerċizzju, id-Danimarka bi żball naqset milli tinkludi l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta' dawk it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE f'lista ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni interpretat din l-ommissjoni bħala konferma impliċita mid-Danimarka li l-awtorizzazzjoni setgħet tiġi mħassra u sussegwentement hija adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/814/UE li tħassar l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE. Li kieku l-Kummissjoni kienet fil-pussess ta' informazzjoni korretta, dik l-awtorizzazzjoni ma kinitx titħassar. |
(4) |
Fl-ittra tagħha tat-30 ta' April 2018, id-Danimarka qalet li l-awtorizzazzjoni mogħtija fid-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE ġiet imħassra minħabba nuqqas ta' fehim. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/814/UE, Euratom iddikjarat b'mod żbaljat li d-Danimarka intaxxat dawk it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE u li għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE tiġi mħassra. Madankollu, id-Danimarka kkonfermat li hija qatt ma ntaxxat il-provvista ta' servizzi minn awturi, artisti u interpreti ta' xogħlijiet artistiċi u dawn il-provvisti jappartjenu għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE, li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżentaw. Minħabba li l-bażi għat-tħassir tal-awtorizzazzjoni fil-fatt qatt ma eżistiet, id-Danimarka titlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-ġdid l-awtorizzazzjoni mogħtija fid-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE. |
(5) |
Fuq il-bażi tal-analiżi tad-dokumenti mressqa mid-Danimarka fl-2012 u fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta mid-Danimarka fl-2018, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tiġi stabbilita mill-ġdid sabiex jiġu kkoreġuti t-termini tad-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE u li jenħtieġ li tapplika minn dik id-data. |
(6) |
Għal finijiet ta' trasparenza u ċertezza legali huwa xieraq li l-applikabbiltà ta' din l-awtorizzazzjoni tintrabat b'limitu ta' żmien. |
(7) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fid-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:
“Artikolu 2a
Għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-20 ta' Diċembru 2012 sal-31 ta' Diċembru 2022, id-Danimarka hija awtorizzata tikkunsidra t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-Punt 2 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*1) sakemm dawn japplikaw għas-servizzi pprovduti minn awturi, artisti u interpreti ta' xogħlijiet artistiċi.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Günther OETTINGER
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(3) Commission Decision 90/184/Euratom, EEC of 23 March 1990 authorising Denmark not to take into account certain categories of transactions and to use certain approximate estimates for the calculation of the VAT own resources base (ĠU L 99, 19.4.1990, p. 37). [Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/184/Euratom, KEE tat-23 ta' Marzu 1990 li tawtorizza lid-Danimarka biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet u biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT].
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/814/UE, Euratom tad-19 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 90/184/Euratom, KEE li tawtorizza lid-Danimarka biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet u biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (ĠU L 352, 21.12.2012, p. 56).