Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1230

Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni (kodifikazzjoni) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/34/2021/REV/1

ĠU L 274, 30.7.2021, p. 20–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/04/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1230/oj

30.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/20


REGOLAMENT (UE) 2021/1230 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Lulju 2021

dwar il-ħlas transkonfinali fl-Unjoni

(kodifikazzjoni)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali (5). Fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi kkodifikat.

(2)

Għall-funzjonament korrett tas-suq intern u sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, huwa essenzjali li l-imposti fuq il-ħlasijiet transkonfinali f’euro jkunu l-istess bħal dawk fuq il-pagamenti korrispondenti fi ħdan Stat Membru.

(3)

Fir-rigward tal-istrumenti tal-ħlas li huma prinċipalment jew esklussivament stampati, bħaċ-ċekkijiet, ma jingħatax parir li jiġi applikat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti billi, min-natura tagħhom, ma jistgħux jiġu pproċessati b’mod effiċjenti daqs il-pagamenti elettroniċi.

(4)

Il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti għandu jiġi applikat għal ħlasijiet li jinbdew jew li jintemmu b’mod stampat jew f’kontanti jekk ikunu pproċessati elettronikament bħala parti mill-katina tal-esekuzzjoni tal-ħlasijiet, għajr iċ-ċekkijiet, kif ukoll għall-imposti kollha, kemm jekk relatati direttament jew indirettament ma’ tranżazzjoni ta’ ħlas, li jinkludu imposti marbuta ma’ kuntratt. Imposti indiretti jinkludu imposti għat-twaqqif ta’ ordni għal ħlas permanenti, jew drittijiet għall-użu ta’ karta ta’ ħlas jew ta’ karta ta’ debitu jew kreditu, li għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta’ ħlasijiet nazzjonali u transkonfinali fl-Unjoni.

(5)

Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-swieq tal-ħlas, huwa xieraq li jiġi applikat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti. Għal dak il-għan għandu jiġi identifikat għal kull katergorija ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas transkonfinali, ħlas nazzjonali li għandu l-istess karatteristiċi ta’ ħlas transkonfinali jew karatteristiċi simili ħafna tiegħu. Il-kriterji li ġejjin jistgħu, pereżempju, jintużaw biex jiġi identifikat il-ħlas nazzjonali jkun ekwivalenti għal ħlas transkonfinali: il-mezz użat biex jinbeda, jiġi esegwit u jintemm il-ħlas, il-livell ta’ awtomazzjoni, kwalunkwe garanzija ta’ ħlas, l-istatus tal-klijent, ir-relazzjoni mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas, jew l-istrument ta’ ħlas użat, kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawk il-kriterji m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala eżawrjenti.

(6)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta jidhrilhom li jkun neċessarju, joħorġu linji gwida biex jiġu identifikati il-ħlasijiet ekwivalenti. Il-Kummissjoni, assistita fejn xieraq, mill-Kumitat tal-Ħlasijiet, stabbiliti bl-Artikolu 85(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandha tipprovdi gwida adattata u tassisti l-awtoritajiet kompetenti.

(7)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġu evitati l-inugwaljanzi bejn utenti tas-servizzi ta’ pagament fiż-żona tal-euro u Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro fir-rigward ta’ pagamenti transkonfinali bl-euro, jeħtieġ li jkun żgurat li l-imposti għall-pagamenti transkonfinali bl-euro fl-Unjoni jkunu allinjati mal-imposti għall-pagamenti nazzjonali ekwivalenti li jsiru bil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-utent tas-servizz ta’ pagament. Fornitur ta’ servizz ta’ pagament jitqies li jinsab fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-utent tas-servizz ta’ pagament.

(8)

L-imposti għall-kambju tal-munita jirrappreżentaw spiża sinifikanti ta’ pagamenti transkonfinali meta muniti differenti jkunu użati fl-Istat Membru tal-pagatur u fl-Istat Membru tal-benefiċjarju. L-Artikolu 45 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 jeżiġi li l-imposti u r-rata tal-kambju użata jkunu trasparenti, l-Artikolu 52, punt (3), ta’ dik id-Direttiva jispeċifika rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti koperti minn kuntratt qafas u l-Artikolu 59(2) ta’ dik id-Direttiva jkopri r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal partijiet li joffru servizzi ta’ kambju tal-munita f’automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta’ bejgħ. Huwa meħtieġ li jiġu previsti miżuri addizzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi kontra tariffi eċċessivi għal servizzi ta’ kambju tal-munita u biex jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu l-aħjar għażla ta’ kambju tal-munita.

(9)

Il-miżuri li għandhom jiġu implimentati jenħtieġ li jkunu xierqa, adegwati u kosteffettivi. Fl-istess ħin, f’sitwazzjonijiet fejn il-pagatur ikun ikkonfrontat b’għażliet ta’ kambju tal-munita differenti f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tagħmel il-paragun possibbli, biex il-pagatur ikun jista’ jagħmel għażla infurmata.

(10)

Biex tinkiseb il-komparabbiltà, l-imposti fuq il-kambju tal-munita għall-pagamenti kollha permezz ta’ kard jenħtieġ li jiġu espressi bl-istess mod, jiġifieri bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rati ta’ referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Jista’ jkun li marġni jkollha ssir fuq il-bażi ta’ rata derivata minn żewġ rati tal-BĊE fil-każ ta’ kambju bejn żewġ muniti mhux tal-euro.

(11)

Skont ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-imposti tal-kambju stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi tal-kambju tal-munita jenħtieġ li jiżvelaw informazzjoni dwar l-imposti tal-kambju tal-munita tagħhom qabel tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament. Jenħtieġ li l-partijiet li joffru servizzi ta’ kambju tal-munita f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ, jipprovdu informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar l-imposti tagħhom għal tali servizzi, pereżempju billi juru l-imposti tagħhom fuq il-bank jew b’mod diġitali fuq it-terminal, jew fuq l-iskrin fil-każ ta’ xiri online. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, dawk il-partijiet jenħtieġ li jipprovdu, qabel jinbeda l-pagament, informazzjoni espliċita dwar l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju u l-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur. L-ammont li għandu jitħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju jenħtieġ li jesprimi l-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi li se jinxtraw u jista’ jintwera fiċ-check-out minflok fuq it-terminal tal-pagament. Il-munita użata mill-benefiċjarju b’mod ġenerali tkun il-munita lokali, iżda skont il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, f’ċerti każijiet tista’ tkun munita oħra tal-Unjoni. L-ammont totali li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur jenħtieġ li jikkonsisti fil-prezz tal-prodotti jew tas-servizzi u l-imposti attwali fuq il-kambju tal-munita. Barra minn hekk, iż-żewġ ammonti jenħtieġ li jkunu dokumentati fuq l-irċevuta jew fuq mezz ieħor li jibqa’ tajjeb fit-tul.

(12)

Fir-rigward tal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, meta servizz ta’ kambju tal-munita jkun offrut f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ, jenħtieġ li jkun possibbli li l-pagatur jirrifjuta dak is-servizz u minflok iħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju.

(13)

Sabiex il-pagaturi jkunu jistgħu jqabblu l-imposti tal-għażliet ta’ kambju tal-munita f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur jinkludu informazzjoni kompletament komparabbli dwar l-imposti applikabbli għall-kambju tal-munita fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas tagħhom, u jenħtieġ ukoll li jagħmlu dik l-informazzjoni pubblika fuq pjattaforma elettronika disponibbli b’mod wiesa’ u faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fuq il-websites tal-klijenti tagħhom, fuq il-websites tagħhom dwar is-servizzi bankarji domestiċi u fuq l-applikazzjonijiet bankarji mobbli tagħhom, b’mod li jkun aċċessibbli u jinftiehem faċilment. Dan għandu jagħti lok għall-iżvilupp ta’ websites tat-tqabbil biex il-konsumaturi jsibuha aktar faċli li jqabblu l-prezzijiet meta jivvjaġġaw jew jagħmlu xiri barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ta’ pagatur jenħtieġ li jfakkru lill-pagaturi dwar l-imposti tal-kambju tal-munita applikabbli meta jsir pagament permezz ta’ kard f’munita oħra, billi jużaw kanali ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli b’mod wiesa’ u faċilment aċċessibbli, bħal messaġġi SMS, posta elettronika jew notifiki awtomatiċi (push notifications) permezz tal-applikazzjoni bankarja mobbli tal-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament jenħtieġ li jaqblu mal-utenti tas-servizzi ta’ pagament dwar il-kanal ta’ komunikazzjoni elettronika li permezz tiegħu huma jipprovdu l-informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita, filwaqt li jqisu l-aktar mezz effettiv biex jintlaħaq il-pagatur. Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament jenħtieġ li jaċċettaw ukoll it-talbiet tal-utenti tas-servizzi ta’ pagament li jagħżlu li ma jirċevux messaġġi elettroniċi li jkun fihom informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita.

(14)

In-noti perjodiċi ta’ tfakkir huma xierqa f’sitwazzjonijiet meta l-pagatur joqgħod barra mill-pajjiż għal perjodi itwal ta’ żmien, pereżempju meta l-pagatur jiġi stazzjonat jew ikun qed jistudja barra mill-pajjiż, jew meta l-pagatur juża regolarment kard għal xiri online fil-munita lokali. L-obbligu li jiġu pprovduti tali noti għandu jiżgura li l-pagatur ikun infurmat meta jiġi biex jikkunsidra l-għażliet differenti ta’ kambju tal-munita.

(15)

Huwa importanti li tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet transkonfinali mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas. F’dak ir-rigward, l-istandardizzazzjoni għandha tkun imħeġġa fir-rigward, partikolarment, tal-użu tal-identifikatur tan-numru tal-kont ta’ pagament internazzjonali (IBAN) u tal-kodiċi tal-identifikazzjoni tan-negozju (BIC). Huwa għalhekk xieraq li l-fornituri tas-servizz tal-ħlas jipprovdu lill-utenti tas-servizz l-IBAN u l-BIC tal-kont ikkonċernat.

(16)

Sabiex ikun żgurat li l-istatistika tal-bilanċ tal-ħlasijiet fil-qafas taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro tkun kontinwa, effiċjenti u tingħata fil-waqt, ta’ min jiżgura li d-data immedjatament disponibbli, bħall-IBAN, il-BIC u l-ammont tat-tranżazzjoni jew id-data dwar il-ħlasijiet aggregati għall-istrumenti differenti tal-ħlas tkun tista’ tibqa’ tinġabar, jekk il-proċess tal-ġbir ma jfixkilx l-ipproċessar tal-ħlasijiet awtomizzati u jista’ jiġi awtomizzat kompletament. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi ta’ rappurtar għal finijiet oħrajn ta’ linja politika, bħall-prevenzjoni tal- ħasil tal-flus u tal-finanzjament ta’ terroristi, jew għal finijiet fiskali.

(17)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa biex b’mod effiċjenti jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom ta’ monitoraġġ u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

(18)

Biex tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ rimedju fil-każijiet ta’ applikazzjoni ħażina ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri adegwati u effettivi biex isiru lmenti jew appelli u għas-soluzzjoni ta’ kwalunkwe tilwim bejn l-utenti tas-servizzi tal-ħlas u l-fornituri tas-servizz tal-ħlas tagħhom. Huwa wkoll importanti li jinħatru awtoritajiet kompetenti u korpi li joffru rimedju bonarju.

(19)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta’ rimedju bonarju fi ħdan l-Unjoni jikkoperaw attivament sabiex it-tilwim transkonfinali li jirriżulta minn dan ir-Regolament jissolva fil-waqt u mingħajr diffikultajiet. Għandu jkun possibbli li koperazzjoni bħal din tieħu l-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-liġi jew il-prattika legali fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom jew ta’ trasferiment jew ta’ teħid ta’ proċeduri ta’ lmenti jew ta’ rimedju fejn meħtieġ.

(20)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

(21)

L-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal muniti li mhumiex l-euro għandhu jkollha benefiċċji ċari, speċjalment fir-rigward tal-għadd ta’ ħlasijiet koperti. Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ notifikazzjoni sabiex l-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom ikunu jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ħlasijiet transkonfinali li jitwettqu bil-munita nazzjonali tagħhom.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tar-regola rigward l-ugwalizzazzjoni tal-ispiża tal-pagamenti transkonfinali fl-euro mal-ispiża tat-tranżazzjonijiet nazzjonali f’muniti nazzjonali u dwar l-effettività tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni b’rabta mal-kambju tal-munita stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tanalizza possibilitajiet ulterjuri, u l-fattibbiltà teknika ta’ dawk il-possibbiltajiet, li r-regola tal-imposti ugwali tiġi estiża għall-muniti kollha tal-Unjoni u li tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-imposti tal-kambju tal-munita, kif ukoll il-possibbiltà li tiġi disattivata u attivata l-għażla li jiġi aċċettat kambju tal-munita permezz ta’ partijiet li mhumiex il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur.

(23)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Union, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-pagamenti transkonfinali u dwar it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-ħlasijiet transkonfinali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/2366, li huma denominati f’euro jew f’muniti nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jestendu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 5 japplikaw għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali li jkunu denominati fl-euro jew f’munita nazzjonali ta’ Stat Membru għajr l-euro u li jkunu jinvolvu servizz ta’ kambju tal-munita.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ħlasijiet imwettqa mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas f’isimhom stess jew f’isem fornituri oħrajn ta’ servizzi tal-ħlas.

Artikolu 2

Definizzjonijet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pagament transkonfinali” tfisser tranżazzjoni ta’ ħlas ipproċessata elettronikament mibdija mill-pagatur, jew minn benefiċjarju, fejn il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas tal-pagatur u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;

(2)

“pagament nazzjonali” tfisser tranżazzjoni ta’ ħlas ipproċessata elettronikament mibdija mill-pagatur, jew minn jew permezz ta’ benefiċjarju, fejn il-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur u l-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;

(3)

“pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u tippermetti ordni ta’ ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tordna l-ħlas;

(4)

“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas;

(5)

“fornitur tas-servizz tal-ħlas” tfisser kwalunkwe kategoriji ta’ persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 32 ta’ dik id-Direttiva, iżda teskludi dawk l-istituzzjonijiet elenkati fil-punti (2) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li jibbenefikaw minn deroga ta’ Stat Membru eżerċitata skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(6)

“utent ta’ servizz ta’ pagament” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz ta’ pagament fil-kapaċità ta’ pagatur jew benefiċjarju, jew tat-tnejn;

(7)

“tranżazzjoni ta’ ħlas” tfisser att, mibdi minn pagatur jew permezz ta’ benefiċjarju, jikkonsisti minn tqegħid, trasferiment jew ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligi sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;

(8)

“ordni tal-ħlas” tfisser kwalunkwe istruzzjoni minn pagatur jew benefiċjarju lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tiegħu, li titlob l-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas;

(9)

“imposta” tfisser kwalunkwe ammont impost fuq utent ta’ servizz ta’ pagament minn fornitur ta’ servizz ta’ pagament li jkun marbut direttament jew indirettament ma’ tranżazzjoni ta’ pagament, kwalunkwe ammont impost fuq utent ta’ servizzi ta’ pagament minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew parti li tipprovdi servizzi ta’ kambju tal-munita f’konformità mal-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 għal servizz ta’ kambju tal-munita, jew taħlita tat-tnejn;

(10)

“fondi” tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali u flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, punt (2), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(11)

“konsumatur” tfisser persuna fiżika li taġixxi għal finijiet oħra li m’humiex il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(12)

“mikro-intrapriża” tfisser intrapriża, li fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizz ta’ pagament tkun intrapriża kif definit fl-Artikoli 1 u l-Artikolu 2(1) u (3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE (10);

(13)

“tariffa ta’ skambju” tfisser tariffa mħallsa bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur u tal-benefiċjarju għal kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett;

(14)

“debitu dirett” tfisser servizz ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas tal-pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ ħlas tkun mibdija minn benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju jew lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur stess;

(15)

“skema ta’ debitu dirett” tfisser ġabra ta’ regoli, prattika u standards komuni maqbula bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas biex ikunu esegwiti tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett.

Artikolu 3

Imposti għal tranżazzjonijiet ta’ ħlasijiet transkonfinali u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti

1.   L-imposti li fornitur ta’ servizz ta’ pagament jitlob minn utent ta’ servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ pagamenti transkonfinali fl-euro għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti mitluba minn dak il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għal pagamenti nazzjonali ekwivalenti tal-istess valur fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-utent tas-servizz ta’ pagament.

2.   L-imposti li fornitur ta’ servizz ta’ pagament jitlob minn utent tas-servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ pagamenti transkonfinali fil-munita nazzjonali ta’ Stat Membru li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu li jestendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 13 għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti li dak il-fornitur ta’ servizz ta’ pagament jitlob mill-utenti tas-servizz ta’ pagament għal pagamenti nazzjonali ekwivalenti tal-istess valur u fl-istess munita.

3.   Fejn issir il-valutazzjoni, bl-għan ta’ konformità mal-paragrafu 1, tal-livell tal-imposti għal ħlas transkonfinali, fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jidentifika l-ħlas nazzjonali ekwivalenti għalih. L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu linji gwida biex jidentifikaw ħlasijiet nazzjonali ekwivalenti fejn iqisu li jkun meħtieġ. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw b’mod attiv fi ħdan il-Kumitat tal-Ħlasijiet stabbilit bl-Artikolu 85(1) tad-Direttiva 2007/64/KE biex jiżguraw il-konsistenza mal-linji gwida għall-ħlasijiet nazzjonali korrispondenti.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-imposti fuq il-kambju tal-munita.

Artikolu 4

L-imposti fuq il-kambju tal-munita b’rabta mat-tranżazzjonijiet permezz ta’ kard

1.   Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-imposti fuq il-kambju tal-munita u r-rata tal-kambju applikabbli, kif stabbilit fl-Artikolu 45(1), l-Artikolu 52, punt (3), u l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament u l-partijiet li jipprovdu servizzi ta’ kambju tal-munita f’automated teller machine (ATM) jew fil-punt ta’ bejgħ, kif imsemmi fl-Artikolu 59(2) ta’ dik id-Direttiva, għandhom jesprimu l-imposti totali fuq il-kambju tal-munita bħala marġni perċentwali fuq l-aktar rata ta’ referenza riċenti tal-kambju tal-euro disponibbli maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dak il-marġni għandu jiġi żvelat lill-pagatur qabel tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament.

2.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament għandhom ukoll jagħmlu l-marġni msemmi fil-paragrafu 1 pubbliku b’mod komprensibbli u faċilment aċċessibbli fuq pjattaforma elettroniku disponibbli b’mod wiesa’ u faċilment aċċessibbli.

3.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, parti li tipprovdi servizz ta’ kambju tal-munita fil-punt ta’ bejgħ jew f’ATM għandha tipprovdi lill-pagatur l-informazzjoni li ġejja qabel tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament:

(a)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju fil-munita użata mill-benefiċjarju;

(b)

l-ammont li għandu jitħallas mill-pagatur fil-munita tal-kont tal-pagatur.

4.   Parti li tipprovdi servizzi ta’ kambju tal-munita f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ għandha turi b’mod ċar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ. Qabel l-tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament, dik il-parti għandha tinforma wkoll lill-pagatur dwar il-possibbiltà li jħallas fil-munita użata mill-benefiċjarju u li l-kambju tal-munita jsir sussegwentement mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha wkoll tkun disponibbli għall-pagatur fuq mezz li jservi fit-tul wara li tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament.

5.   Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur għandu, għal kull kard ta’ pagament maħruġa lill-pagatur mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur u li hija marbuta mal-istess kont, jibgħat lill-pagatur messaġġ elettroniku bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, mingħajr dewmien indebitu wara li l-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur jirċievi ordni ta’ pagament għal irtirar ta’ flus kontanti f’ATM jew pagament fil-punt ta’ bejgħ li jkun denominat fi kwalunkwe munita tal-Unjoni li tkun differenti mill-munita tal-kont tal-pagatur.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, tali messaġġ għandu jintbagħat darba f’kull xahar li fih il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur jirċievi mingħand il-pagatur ordni ta’ ħlas denominata fl-istess munita.

6.   Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jaqbel mal-utent tas-servizz ta’ pagament dwar il-kanal jew kanali ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli b’mod wiesa’ u faċilment aċċessibbli li permezz tagħhom il-fornitur tas-servizz ta’ pagament se jibgħat il-messaġġ imsemmi fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu joffri lill-utenti tas-servizz ta’ pagament il-possibbiltà li jagħżlu li ma jirċevux il-messaġġi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 5.

Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament u l-utent tas-servizz ta’ pagament jistgħu jaqblu li l-paragrafu 5 u dan il-paragrafu ma japplikawx kompletament jew parzjalment meta l-utent tas-servizz ta’ pagament ma jkunx konsumatur.

7.   L-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas u b’mod newtrali u komprensibbli.

Artikolu 5

Imposti fuq il-kambju tal-munita relatati mat-trasferimenti tal-kreditu

1.   Meta servizz tal-kambju tal-munita jkun offrut mill-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur b’rabta ma’ trasferiment tal-kreditu, kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, li jkun inbeda online direttament, bl-użu tal-website jew l-applikazzjoni bankarja mobbli tal-fornitur tas-servizz ta’ pagament, il-fornitur tas-servizz ta’ pagament, fir-rigward tal-Artikolu 45(1) u l-Artikolu 52, punt (3), ta’ dik id-Direttiva, għandu jinforma lill-pagatur qabel tinbeda t-tranżazzjoni ta’ pagament, b’mod ċar, newtrali u komprensibbli, dwar l-imposti stmati għas-servizzi ta’ kambju tal-munita applikabbli għat-trasferiment tal-kreditu.

2.   Qabel tinbeda tranżazzjoni ta’ pagament, il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jikkomunika lill-pagatur, b’mod ċar, newtrali u komprensibbli, l-ammont totali stmat tat-trasferiment tal-kreditu fil-munita tal-kont tal-pagatur, bl-inklużjoni ta’ kwalunkwe tariffa ta’ tranżazzjoni u kwalunkwe imposta fuq il-kambju tal-munita. Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jikkomunika wkoll l-ammont stmat li għandu jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju fil-munita tal-kont tal-benefiċjarju.

Artikolu 6

Miżuri għall-faċilitazzjoni tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet

1.   Il-fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu, fejn applikabbli, jikkomunika lill-utent tas-servizz tal-ħlas l-identifikatur tan-numru tal-kont ta’ pagament internazzjonali (IBAN) tal-utent tas-servizz tal-ħlas u l-kodiċi tal-identifikazzjoni tan-negozju (BIC) tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas.

Barra minn dan, fejn applikabbli, il-fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jindika l-IBAN tal-utent tas-servizz tal-ħlas u l-BIC tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas fuq id-dikjarazzjonijiet tal-kont, jew f’anness mehmuż magħhom.

Il-fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jipprovdi lill-utent tas-servizz tal-ħlas, l-informazzjoni mitluba skont dan il-paragrafu, mingħajr ħlas.

2.   Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jista’ jimponi imposti addizzjonali ma’ dawk diġà applikati skont l-Artikolu 3(1) fuq l-utent tas-servizz ta’ pagament meta dak l-utent jinforma lill-fornitur tas-servizz ta’ pagament biex jesegwixxi pagament transkonfinali mingħajr ma jikkomunika l-IBAN u, meta jkun xieraq u skont ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-BIC relatat mal-kont ta’ pagament fl-Istat Membru l-ieħor. Dawk l-imposti għandhom ikunu adatti u konformi mal-ispejjeż. Huma għandhom jiġu miftiehma bejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament u l-utent tas-servizz ta’ pagament. Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jinforma lill-utent tas-servizz ta’ pagament dwar l-ammont tal-imposti addizzjonali fi żmien biżżejjed minn qabel ma l-utent tas-servizz ta’ pagament jintrabat bi ftehim bħal dan.

3.   Fejn xieraq fir-rigward tan-natura tat-tranżazzjoni tal-ħlas konċernat, għall-fatturat kollu tal-merkanzija u tas-servizzi fl-Unjoni, fornitur li jaċċetta ħlasijiet għal prodotti u servizzi koperti b’dan ir-Regolament għandu jikkomunika l-IBAN tiegħu u l-BIC tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas tiegħu lill-klijenti tiegħu.

Artikolu 7

Obbligi ta’ rappurtar tal-bilanċ tal-ħlasijiet

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jimponu, fuq il-fornituri tas-servizz ta’ pagament, obbligi ta’ rappurtar nazzjonali msejsa fuq is-saldu, għall-istatistika tal-bilanċ ta’ pagamenti relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-klijenti tagħhom.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiġbru d-data aggregata jew informazzjoni oħra relevanti li tkun diġà disponibbli, sakemm dak il-ġbir ma jħallix impatt fuq l-ipproċċessar awtomatizzat tal-ħlasijiet mill-fornituri tas-servizz tal-ħlas u jista’ jiġi totalment awtomatizzat mill-fornituri tas-servizz tal-ħlas.

Artikolu 8

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bdil li jikkonċerna l-awtoritajiet kompetenti li dwarhom ġiet notifikata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 924/2009.

L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament b’mod effettiv u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità.

Artikolu 9

Proċeduri għall-ilmenti għal ksur allegat ta’ dan ir-Regolament

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri li jippermettu lill-utenti ta’ servizz tal-ħlas u lil partijiet oħra interessati li jressqu lmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizz tal-ħlas.

2.   Fejn xieraq u mingħajr preġudizzju għad-dritt li jinfetħu proċedimenti fil-qorti skont il-liġi proċedurali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lil kwalunkwe parti li tkun ressqet l-ilment bl-eżistenza tal-proċeduri għall-ilmenti u għar-rimedju bonarju provduti skont l-Artikolu 10.

Artikolu 10

Proċeduri għal ilmenti u rimedji bonarji

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri xierqa u effettivi għal ilmenti u rimedji bonarji għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament bejn l-utenti tas-servizz tal-ħlas u l-fornituri tas-servizz tal-ħlas tagħhom. Għal dawk l-għanijiet l-Istati Membri għandhom jinnominaw il-korpi responsabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bdil li jikkonċerna l-korpi li dwarhom ġiet notifikata skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 924/2009.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dan l-Artikolu japplika biss għall-utenti tas-servizz tal-ħlas li jkunu konsumaturi jew mikrointrapriżi. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

Artikolu 11

Koperazzjoni transkonfinali

L-awtoritajiet kompetenti u l-korpi responsabbli għall- proċeduri ta’ rimedju bonarju tal-Istati Membri differenti, imsemmija fl-Artikoli 8 u 10, għandhom jikkooperaw b’mod attiv u immedjatment sabiex isolvu t-tilwim transkonfinali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm koperazzjoni.

Artikolu 12

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, r- regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, bi kwalunkwe emenda li taffettwa r-regoli u l-miżuri li dwarhom ġiet notifikata skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 924/2009.

Artikolu 13

Applikazzjoni għall-muniti l-oħrajn li mhumiex l-euro

Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu u li jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu kif meħtieġ.

Dik in-notifikazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni estiża ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandha tidħol fis-seħħ 14-il jum wara dik il-pubblikazzjoni.

Artikolu 14

Rieżami

1.   Sad-19 ta’ April 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan ir-Regolament, li għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a)

evalwazzjoni tal-mod kif il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament japplikaw l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-volumi u l-imposti għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali fil-muniti nazzjonali tal-Istati Membri u fl-euro sa mid-data tal- adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jiġifieri mid-19 ta’ Marzu 2019;

(c)

evalwazzjoni tal-impatt tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament dwar l-iżvilupp tal-imposti fuq il-kambju tal-munita u imposti oħra relatati ma’ servizzi ta’ pagament, kemm għal min iħallas kif ukoll għall-benefiċjarji;

(d)

evalwazzjoni tal-istima tal-impatt tal-emendar tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament biex jiġu koperti l-muniti tal-Istati Membri kollha;

(e)

evalwazzjoni ta’ kif il-fornituri tas-servizzi ta’ kambju tal-munita japplikaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament u l-liġijiet nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 52, punt (3), u l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u jekk dawk ir-regoli tejbux it-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju;

(f)

evalwazzjoni ta’ jekk il-fornituri tas-servizzi ta’ kambju tal-munita ħabbtux wiċċhom ma’ diffikultajiet, u sa liema punt, b’rabta mal-applikazzjoni fil-prattika tal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament u l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 52, punt (3), u l-Artikolu 59(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(g)

analiżi kost-benefiċċji tal-kanali u t-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni li jintużaw mill-fornituri tas-servizzi ta’ kambju tal-munita jew li huma disponibbli għalihom u li jistgħu jkomplu jtejbu t-trasparenza tal-imposti fuq il-kambju tal-munita, inkluża evalwazzjoni ta’ jekk hemmx ċerti kanali li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament għandhom ikunu meħtieġa joffru biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4; dik l-analiżi għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament tiġi żvelata simultanjament, qabel tinbeda kull tranżazzjoni, fir-rigward tal-possibbiltajiet kollha ta’ kambju tal-munita disponibbli fil-punt ta’ bejgħ jew f’ATM;

(h)

analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-possibbiltà għall-pagaturi li jimblukkaw l-għażla tal-kambju tal-munita offruta minn parti għajr il-fornitur tas-servizz tal-pagament tal-pagatur f’ATM jew fil-punt ta’ bejgħ u li jbiddlu l-preferenzi tagħhom f’dak ir-rigward;

(i)

analiżi kost-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ rekwiżit għall-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-pagatur, li japplika, meta jipprovdi servizzi ta’ kambju tal-munita b’rabta ma’ tranżazzjoni ta’ pagament individwali, ir-rata tal-kambju tal-munita li tkun applikabbli fil-mument li tinbeda t-tranżazzjoni meta jsir l-ikklerjar u s-saldu tat-tranżazzjoni.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri mill-inqas il-perjodu mill-15 ta’ Diċembru 2019 sad-19 ta’ Ottubru 2021. Meta tkun qed tħejji r-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista’ tuża d-data miġbura mill-Istati Membri fir-rigward tal-paragrafu 1 u għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament varji, filwaqt li tagħmel distinzjoni b’mod partikolari bejn it-tranżazzjonijiet mibdija fil-punt ta’ bejgħ u f’ATM.

Artikolu 15

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)   ĠU C 65, 25.2.2021, p. 4.

(2)   ĠU C 56, 16.2.2021, p. 43.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2009 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(5)  Ara l-Anness I.

(6)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil 25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(7)  Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(8)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(9)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(11)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(12)  Regolament (UE) 2019/518 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 36).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament (KE) Nru 924/2009

tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11)

 

Regolament (UE) Nru 260/2012

tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22)

(Ir-referenzi magħmula mill-Artikolu 17 għall-Artikoli 2, 3, 4, 5, 7 u 8 biss)

Regolament (UE) 2019/518

tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 91, 29.3.2019, p. 36)

 


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 924/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1), (2) u (3)

Artikolu 1(1), (2) u (3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1a)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 3b

Artikolu 5

Artikolu 4(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 4(3)

Artikolu 6(2)

Artikolu 4(4)

Artikolu 6(3)

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 9, l-ewwel paragrafu

Artikolu 8, l-ewwel paragrafu

Artikolu 9, it-tieni paragrafu

Artikolu 8, it-tieni paragrafu

Artikolu 9, it-tielet paragrafu

Artikolu 9, ir-raba’ paragrafu

Artikolu 8, it-tielet paragrafu

Artikolu 10(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1)

Artikolu 10(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14(1)

Artikolu 13

Artikolu 14(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Anness I

Anness II


Top