Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0615(01)

Avviż tal-Kummissjoni — Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2016/3502

ĠU C 214, 15.6.2016, p. 5–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/5


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida Interpretattivi għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 214/04)

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (1) (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament”) daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2005. Ir-Regolament jistabbilixxi livell minimu ta’ standards ta’ kwalità għall-protezzjoni tal-passiġġieri, u jżid dimensjoni importanti taċ-ċittadin għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-Trasport, adottata fit-28 ta’ Marzu 2011 (2), fost l-inizjattivi tagħha semmiet il-ħtieġa li “tiġi żviluppata interpretazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u l-infurzar armonizzat u effettiv, sabiex jiġu żgurati kemm kundizzjonijiet ekwi għall-industrija kif ukoll standard Ewropew ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini”.

Apparti din il-White Paper, il-Kummissjoni diġà adottat Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (3).

Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2011 (4) uriet kif id-dispożizzjonijiet tar-Regolament kienu qed jiġu interpretati b’modi differenti, minħabba ż-żoni griżi u l-lakuni fit-test attwali, u minħabba li l-infurzar kien ivarja fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni żvelat li huwa diffiċli għall-passiġġieri li jasserixxu d-drittijiet individwali tagħhom.

Fid-29 ta’ Marzu 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni (5) b’reazzjoni għall-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq. Il-Parlament enfasizza l-miżuri li huwa kkunsidra bħala essenzjali sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-passiġġieri, b’mod partikolari l-applikazzjoni tajba tar-regoli eżistenti mill-Istati Membri u t-trasportaturi tal-ajru, l-infurzar ta’ mezzi ta’ rimedju suffiċjenti u sempliċi, u l-għoti ta’ informazzjoni preċiża lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom.

Sabiex tiċċara d-drittijiet u tiżgura applikazzjoni aħjar tar-Regolament mit-trasportaturi tal-ajru, u l-infurzar tiegħu mill-korpi tal-infurzar nazzjonali, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal emenda għal dan ir-Regolament (6). Il-bidliet proposti jikkunsidraw ukoll l-impatt finanzjarju fuq is-settur tal-avjazzjoni u għalhekk jinkludu xi miżuri mmirati biex l-ispejjeż ikollhom limitu massimu. Il-proposta bħalissa qed tiġi eżaminata mil-leġiżlatura tal-UE. B’dawn il-linji gwida interpretattivi, il-Kummissjoni mhix qed tfittex li tissostitwixxi jew tikkumplimenta l-proposta tagħha.

Il-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar huwa wieħed mill-għaxar oqsma ta’ prijorità tal-Kummissjoni Juncker u għandu l-għan li jiżgura li l-azzjoni tal-UE tkun effettiva f’kull stadju taċ-ċiklu tal-politika — mill-ippjanar sal-implimentazzjoni, ir-rieżami u r-reviżjoni sussegwenti bħalma huwa l-każ għar-Regolament. Għan ieħor ta’ din il-Kummissjoni huwa li jinkiseb Suq Intern aktar profond u aktar ġust. Fil-11 ta’ Ġunju 2015 (7), il-Kummissjoni ddikjarat li kienet se tikkunsidra li tadotta linji gwida interpretattivi għal perjodu ta’ żmien qasir biex l-applikazzjoni tar-Regolament tiġi ffaċilitata u mtejba u biex jiġu promossi l-aħjar prattiki. Din hija waħda mill-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Diċembru 2015 dwar “Strateġija tal-avjazzjoni għall-Ewropa” (8).

Il-ġurisprudenza kellha impatt deċiżiv fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament. F’bosta okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) intalbet mill-qrati nazzjonali sabiex tiċċara ċerti dispożizzjonijiet, inklużi aspetti ewlenin tar-Regolament. Id-deċiżjonijiet interpretattivi tagħha jirriflettu l-istat attwali tad-dritt tal-UE, li għandu jiġi infurzat mill-awtoritajiet nazzjonali. Evalwazzjoni li saret fl-2010 (9) u valutazzjoni tal-impatt tal-2012 (10) enfasizzaw l-abbondanza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Qorti. Għalhekk, huwa ċar li jeħtieġ li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat fehim komuni u infurzar tajjeb tar-Regolament fl-UE kollha.

B’dawn il-linji gwida interpretattivi, il-Kummissjoni għandha l-għan li tispjega b’mod iktar ċar numru ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti (11), sabiex ir-regoli attwali jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod iktar effettiv u konsistenti. Dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li jitqajmu l-iktar ta’ spiss mill-korpi tal-infurzar nazzjonali, il-passiġġieri u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, il-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tal-industrija. Huma jissostitwixxu informazzjoni preċedenti bħall-mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss u tweġibiet relatati, eċċ. ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Huma ma jippruvawx ikopru d-dispożizzjonijiet kollha b’mod eżawrjenti, u lanqas ma joħolqu dispożizzjoni legali ġdida. Għandu jiġi nnutat ukoll li linji gwida interpretattivi huma mingħajr ħsara għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti (12).

Dawn il-linji gwida huma relatati wkoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (13) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għall-Ġarr Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (15). Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 għandu żewġ għanijiet: l-ewwelnett, l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li l-UE hija waħda mill-partijiet kontraenti tagħha, u t-tieni, l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni għas-servizzi tal-ajru pprovduti fit-territorju ta’ Stat Membru.

Dawn il-linji gwida interpretattivi għandhom jgħinu sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar aħjar tar-Regolament.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT

2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

2.1.1.   Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat u għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat jekk it-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera jkun trasportatur tal-UE.

Skont l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-dritt tal-UE ma japplikax għall-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness II tat-TFUE (16). Minflok, dawk il-pajjiżi u territorji huma soġġetti għall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni speċjali stipulati f’konformità mat-Taqsima Erbgħa tat-TFUE. Barra minn hekk, ma japplikax għall-Gżejjer Faeroe, Isle of Man u ċ-Channel Islands skont l-att tal-adeżjoni tad-Danimarka u tar-Renju Unit. Għalhekk, dawn it-territorji għandhom jiġu kkunsidrati bħala pajjiżi terzi skont it-tifsira tar-Regolament (17).

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 355 tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma japplikawx għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, jiġifieri għall-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, il-Gżira ta’ Réunion, Mayotte kif ukoll Saint-Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji. Għaldaqstant, dawn it-territorji huma parti minn Stat Membru li għalih japplika t-Trattat skont it-tifsira tar-Regolament.

2.1.2.   Il-kunċett ta’ “titjira” f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a)

Il-Qorti sabet li vjaġġ li jinkludi titjiriet lejn u minn destinazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala titjira waħda. Il-kunċett ta’ “titjira” skont it-tifsira tar-Regolament għandu jiġi interpretat bħala li essenzjalment jikkonsisti f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, bħal li kieku kienet “unità” tat-tali trasport, li ssir minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi l-itinerarju tagħha (18). Konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ma japplikax għall-każ ta’ vjaġġ minn u lejn destinazzjoni li fih il-passiġġieri li oriġinarjament ikunu telqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jivvjaġġaw lura lejn dak l-ajruport fuq titjira operata minn trasportatur mhux tal-UE u li titlaq minn ajruport li jinsab f’pajjiż mhux membru. Il-fatt li t-titjiriet lejn destinazzjoni u t-titjiriet ta’ ritorn huma s-suġġett ta’ prenotazzjoni waħda ma għandu ebda effett fuq l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni (19).

2.1.3.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament fir-rigward tal-kumpens u/jew l-assistenza riċevuta f’pajjiż mhux tal-UE u l-effetti fuq id-drittijiet tal-benefiċjarji skont ir-Regolament

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament jistipula li dan japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab barra l-UE (jiġifieri f’pajjiż terz) u li jivvjaġġaw lejn l-UE meta t-titjira tkun operata minn trasportatur tal-ajru liċenzjat fi Stat Membru tal-UE (trasportatur tal-UE), sakemm ma rċevewx benefiċċji jew kumpens u ngħataw assistenza f’dak il-pajjiż terz.

Tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri li jkunu qed itiru lejn l-UE minn ajruport f’pajjiż terz humiex intitolati għal drittijiet skont ir-Regolament meta jkunu diġà ngħataw l-intitolamenti li ġejjin skont il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri ta’ pajjiż terz:

(1)

Benefiċċji (pereżempju vawċer għall-ivvjaġġar) jew kumpens (li l-ammont tiegħu jista’ jvarja minn dak stipulat fir-Regolament), u

(2)

Assistenza (bħala ikel, xorb, akkomodazzjoni f’lukanda u faċilitajiet ta’ komunikazzjoni).

F’dan il-kuntest, il-kelma “u” hija importanti. Pereżempju, meta l-passiġġieri jkunu ngħataw wieħed biss minn dawn iż-żewġ intitolamenti (pereżempju l-benefiċċji u l-kumpens imsemmija f’(1)), xorta jistgħu jitolbu l-ieħor (f’dan il-każ l-assistenza msemmija f’(2)).

Meta ż-żewġ intitolamenti jkunu ngħataw fil-punt tat-tluq fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni lokali jew fuq bażi volontarja, il-passiġġieri ma jistgħux jitolbu iktar drittijiet skont ir-Regolament. Madankollu, il-Qorti (20) sabet li ma jistax jiġi aċċettat li passiġġier jista’ jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament abbażi biss tal-fatt li jista’ jibbenefika minn xikumpens fil-pajjiż terz. F’dan ir-rigward, it-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera għandu jipprovdi evidenza li l-kumpens mogħti fil-pajjiż terz jikkorrispondi għall-fini tal-kumpens garantit mir-Regolament jew li l-kundizzjonijiet li għalihom il-kumpens u l-assistenza huma suġġetti u d-diversi mezzi ta’ implimentazzjoni tagħhom huma ekwivalenti għal dawk stipulati mir-Regolament.

2.2.   Kamp ta’ applikazzjoni materjali

2.2.1.   In-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ħelikopter

Skont l-Artikolu 3(4), ir-Regolament japplika biss għall-inġenji tal-ajru li għandhom il-ġwienaħ fissi operati minn trasportatur tal-ajru liċenzjat u għalhekk, ma japplikax għas-servizzi tal-ħelikopter.

2.2.2.   In-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku.

Skont l-Artikolu 3(3), ir-Regolament mhux applikabbli għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li mhux disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku. Prezzijiet speċjali li l-operaturi tal-linji tal-ajru joffru lill-persunal tagħhom jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. B’kuntrast, ir-Regolament huwa applikabbli, skont l-Artikolu 3(3), għall-passiġġieri li jivvjaġġaw b’biljetti maħruġin bħala premijiet għal programm ta’ vjaġġar ta’ spiss jew għal programmi kummerċjali oħra.

2.2.3.   Applikazzjoni għat-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw

F’konformità mal-Artikolu 3(5), it-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera huwa dejjem responsabbli għall-obbligi skont ir-Regolament u mhux, pereżempju, trasportatur tal-ajru ieħor li jista’ jkun biegħ il-biljett. Il-kunċett ta’ trasportatur tal-ajru li jopera huwa ppreżentat fil-Premessa 7.

2.2.4.   Avvenimenti li japplika għalihom ir-Regolament

Ir-Regolament jipproteġi lill-passiġġieri meta ma jitħallewx jitilgħu abbord, u kontra kanċellazzjoni, dewmien, titjib jew tnaqqis fil-grad. Dawn l-avvenimenti kif ukoll id-drittijiet mogħtijin lill-passiġġieri meta jimmaterjalizzaw huma deskritti fit-taqsimiet hawn taħt.

2.2.5.   Nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament għall-vjaġġi multimodali

Vjaġġi multimodali li jinvolvu iktar minn mod ta’ trasport wieħed taħt kuntratt ta’ trasport uniku, mhumiex koperti bħala tali mir-Regolament. Aktar informazzjoni f’dan ir-rigward tinsab fit-Taqsima 6.

2.2.6.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament fir-rigward tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż.

L-Artikolu 3(6) u l-Premessa 16 tar-Regolament jistipulaw li japplika wkoll għal titjiriet f’tur pakkett, ħlief meta t-tur pakkett jiġi kkanċellat għal raġunijiet minbarra l-kanċellazzjoni tat-titjira. Huwa ddikjarat ukoll li d-drittijiet mogħtijin skont ir-Regolament ma jaffettwawx id-drittijiet mogħtijin lill-passiġġieri skont id-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż (21). Għalhekk, fil-prinċipju, il-passiġġieri għandhom drittijiet fir-rigward kemm tal-organizzatur tal-pakkett skont id-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox inkluż kif ukoll fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera skont ir-Regolament. L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li se ssir applikabbli bis-sħiħ fl-1 ta’ Lulju 2018, jistipula wkoll li kwalunkwe dritt għal kumpens jew prezz imnaqqas skont dik id-Direttiva ma jaffettwawx id-drittijiet tal-passiġġieri skont ir-Regolament, iżda jispeċifika li kumpens jew prezz imnaqqas mogħtija skont ir-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u skont dik id-Direttiva għandhom jitnaqqsu minn xulxin sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv.

Madankollu, la r-Regolament u lanqas id-Direttiva ma jindirizzaw il-kwistjoni dwar jekk l-organizzatur tal-pakkett jew it-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera finalment għandux iġarrab l-ispejjeż tal-obbligi sovraimposti tagħhom (22). Is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni għalhekk tiddependi fuq id-dispożizzjonijiet kuntrattwali bejn l-organizzaturi u t-trasportaturi u l-liġijiet nazzjonali applikabbli. Kwalunkwe arranġament li jsir f’dan ir-rigward (inklużi arranġamenti prattiċi sabiex jiġu evitati kumpensi eċċessivi) ma għandux ikollu impatt negattiv fuq l-abilità tal-passiġġier li jindirizza l-pretensjoni tiegħu lill-organizzatur tal-pakkett jew lit-trasportatur tal-ajru u li jikseb l-intitolamenti adatti.

3.   AVVENIMENTI LI JAGĦTU DRITTIJIET SKONT IR-REGOLAMENT

3.1.   Passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord

3.1.1.   Il-kunċett ta’ “passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu”

F’konformità mal-Artikolu 2(j) tar-Regoalment, is-sitwazzjoni tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla’” ma tkoprix sitwazzjoni meta hemm raġunijiet raġonevoli għar-rifjut ta’ ġarr ta’ passiġġieri fuq titjira minkejja li jkunu ppreżentaw ruħhom fil-ħin għat-titjira, bħal minħabba raġunijiet ta’ saħħa, sigurtà jew sikurezza, jew dokumentazzjoni inadegwata tal-ivvjaġġar. Madankollu, il-kunċett tal-“fatt li persuna ma tħallietx titla’” huwa relatat mhux biss ma’ każijiet ta’ prenotazzjonijiet żejda, iżda wkoll ma’ dawk il-każijiet meta l-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu għal raġunijiet oħrajn, bħal raġunijiet operattivi (23).

Fir-rigward tal-ivvjaġġar minn persuni b’diżabilità jew persuni li għandhom mobbiltà mnaqqsa, issir referenza għall-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u għal-linji gwida rilevanti (25) li jindirizzaw tali każijiet b’mod preċiż fir-“Risposta għall-mistoqsija 4”.

Jekk passiġġier jiġi rifjutat milli jinġarr fuq it-titjira ta’ ritorn minħabba l-fatt li t-trasportatur tal-ajru li kien qed jopera jkun ikkanċella t-titjira lejn destinazzjoni jew offra rotta differenti lill-passiġġier fuq titjira oħra, dan jikkostitwixxi sitwazzjoni fejn persuna ma tħallietx titla’ u jagħti lok għal kumpens addizzjonali mit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera.

Meta passiġġier li jkollu prenotazzjoni li tinkludi titjira lejn destinazzjoni u titjira ta’ ritorn ma jitħalliex jitla’ abbord fuq it-titjira tar-ritorn minħabba li huwa ma jkunx għamel it-titjira lejn id-destinazzjoni (magħrufa bħala “no-show”), dan ma jikkostitwixxix sitwazzjoni ta’ persuna li ma tħallietx titla’ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(j). L-istess japplika meta passiġġier li jkollu prenotazzjoni li tinkludi titjiriet konsekuttivi ma jitħalliex jitla’ abbord titjira minħabba li ma jkunx għamel it-titjira/titjiriet preċedenti. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ġeneralment huma bbażati fuq it-termini u l-kundizzjonijiet marbutin mal-biljett mixtri. Tali prattika madankollu tista’ tkun ipprojbita mil-liġijiet nazzjonali. Meta t-titjira originali ta’ passiġġier li jkollu prenotazzjoni kkonfermata tiġi mdewma u l-passiġġier jingħata rotta differenti fuq titjira oħra, dan ma jikkostitwixxix sitwazzjoni fejn persuna ma tħallietx titla’ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(j). Meta passiġġier li jkun qed jivvjaġġa bil-pet tiegħu ma jkunx f’pożizzjoni li jipproċedi bil-vjaġġ minħabba li ma jkollux id-dokumentazzjoni rilevanti tal-pet, dan ukoll ma jikkostitwixxix sitwazzjoni fejn persuna ma tħallietx titla’. Madankollu, meta passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu abbord minħabba żball tal-persunal fuq l-art meta jkunu qed jivverifikaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom (inklużi l-viżi), dan jikkostitwixxi sitwazzjoni fejn persuna ma tħallietx titla’ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(j). Iżda dan ma jkunx il-każ meta, f’konformità mal-Artikolu 2(j), it-trasportatur tal-ajru u l-ekwipaġġ tiegħu jirrifjutaw passiġġier milli jitla’ abbord minħabba raġunijiet ta’ sigurtà bbażati fuq raġunijiet raġonevoli. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-bażi tad-dejta Timatic tal-IATA u jikkonsultaw mal-awtoritajiet pubbliċi (ambaxxati u Ministeri tal-Affarijiet Barranin) tal-pajjiżi kkonċernati sabiex jivverifikaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar u r-rekwiżiti ta’ viża (tad-dħul) għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni sabiex jevitaw li l-passiġġieri jiġu miċħuda inkorrettament milli jitilgħu abbord. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu informazzjoni aġġornata u komprensiva lill-IATA/Timatic dwar id-dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ viża jew eżenzjoni minn dan ir-rekwiżit.

3.1.2.   Drittijiet assoċjati ma’ sitwazzjonijiet fejn persuna ma tħallietx titla’

Li passiġġier ma jitħalliex jitla’ kontra r-rieda tiegħu jagħti lok għal dritt għal “kumpens” kif definit fl-Artikolu 7 tar-Regolament, dritt li l-passiġġier jagħżel bejn rimborż, rotta differenti jew prenotazzjoni mill-ġdid iktar tard kif stipulat fl-Artikolu 8, u dritt għal “assistenza” skont l-Artikolu 9.

3.2.   Kanċellazzjoni

3.2.1.   Definizzjoni ta’ kanċellazzjoni

L-Artikolu 2(l) tar-Regolament jiddefinixxi “kanċellazzjoni” bħala in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.

Fil-prinċipju, kanċellazzjoni sseħħ meta l-ippjanar tat-titjira oriġinali jiġi abbandunat u l-passiġġieri ta’ dik it-titjira jingħaqdu ma’ passiġġieri fuq titjira li kient ukoll ippjanata, iżda indipendentement mit-titjira oriġinali. L-Artikolu 2(l) ma jirrikjedix deċiżjoni speċifika ta’ kanċellazzjoni mit-trasportatur tal-ajru (26).

B’kuntrast, il-Qorti (27) tqis li bħala regola, ma jistax jiġi konkluż li jkun hemm dewmien fit-titjira jew kanċellazzjoni fuq il-bażi ta’ “dewmien” jew “kancellazzjoni” murija fuq il-bord tal-ajruport tat-titjiriet li jkunu se jitilqu jew li jkunu mħabbra mill-persunal tat-trasportatur tal-ajru. B’mod simili, bħala regola, il-fatt li l-passiġġieri jirkupraw il-bagalja tagħhom jew jiksbu boarding cards ġodda mhux fattur deċiżiv li jaċċerta li titjira ġiet ikkanċellata. Dawk iċ-ċirkustanzi mhumiex konnessi mal-karatteristiċi oġġettivi tat-titjira bħala tali u jistgħu jirriżultaw minn fatturi differenti. Il-Qorti enfasizzat każijiet konkreti fejn l-avviż li titjira għandha “dewmien” jew ġiet “ikkanċellata” jista’ “jkun attribwit għal klassifikazzjonijiet mhux preċiżi jew għal fatturi relatati mal-ajruport ikkonċernat jew, saħansitra, jista’ jkun hemm fatturi inevitabbli minħabba l-ħin ta’ stennija u l-fatt li jkun meħtieġ għall-passiġġieri kkonċernati li jqattgħu lejl f’lukanda”.

3.2.2.   Distinzjoni bejn kanċellazzjoni u dewmien

Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3.3.1 hawn taħt, u sabiex jiġi evitat li t-trasportaturi tal-ajru jippreżentaw titjira bħala li ġiet kontinwament “imdewma” minflok “ikkanċellata”, ġie kkunsidrat li jkun utli li tiġi enfasizzata d-distinzjoni li għandha ssir bejn “kanċellazzjoni” u “dewmien”. Fil-prattika, għalkemm titjira tista’ ġeneralment tiġi meqjusa bħala kkanċellata meta jinbidel in-numru tat-titjira tagħha, dan mhux dejjem jista’ jkun kriterju determinanti. Tabilħaqq, titjira tista’ tesperjenza dewmien tant twil li titlaq il-ġurnata ta’ wara dik li kienet ippjanata u għalhekk tista’ tingħata numru tat-titjira annotat (eż. XX 1234a minflok XX 1234) biex jiddistingwiha mit-titjira tal-istess numru fil-ġurnata sussegwenti. Madankollu, f’dan il-każ, xorta tista’ tiġi kkunsidrata bħala titjira mdewma u mhux bħala waħda kkanċellata. Dawn għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.2.3.   Każijiet fejn inġenju tal-ajru jirritorna lejn il-punt tat-tluq tiegħu

Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif stipulat fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament ikopri wkoll il-każ ta’ inġenju tal-ajru li jitlaq iżda, li għal xi raġuni, sussegwentement jiġi mġiegħel jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq fejn il-passiġġieri abbord l-imsemmi inġenju tal-ajru jiġu trasferiti fuq titjiriet oħrajn. Tabilħaqq, il-fatt li t-tluq ikun sar iżda li l-ajruplan imbagħad irritorna lejn l-ajruport tat-tluq mingħajr ma laħaq wasal fid-destinazzjoni li tidher fl-itinerarju tiegħu jfisser li t-titjira, kif inizjalment ippjanata, ma tistax titqies bħala li ġiet operata (28).

3.2.4.   Titjira li tbiddel id-direzzjoni

Titjira li tbiddel id-direzzjoni li permezz tagħha l-passiġġier fl-aħħar jasal f’ajruport li ma jikkorrispondix mal-ajruport indikat bħala d-destinazzjoni finali f’konformità mal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali tal-passiġġier għandha tiġi kkunsidrata bl-istess mod bħal kanċellazzjoni sakemm:

Il-passiġġier ma jiġix propost rotta differenti skont kundizzjonijiet ta’ trasport kumparabbli mal-ewwel opportunità mit-trasportatur tal-ajru lejn l-ajruport tad-destinazzjoni finali oriġinali jew lejn kwalunkwe destinazzjoni miftehma mal-passiġġier u f’dak il-każ, fl-aħħar tista’ tiġi kkunsidrata bħala dewmien,

L-ajruport tal-wasla u l-ajruport tad-destinazzjoni finali oriġinali jservi l-istess raħal, belt jew reġjun, f’liema każ, it-titjira fl-aħħar tista’ tiġi kkunsidrata bħala dewmien. F’każ tali, japplika b’analoġija l-Artikolu 8(3).

3.2.5.   Oneru tal-evidenza fil-każ ta’ kanċellazzjoni

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-oneru ta’ evidenza fir-rigward ta’ jekk u meta l-passiġġieri jkunu ġew infurmati individwalment dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom.

3.2.6.   Drittijiet assoċjati ma’ kanċellazzjoni

Kanċellazzjoni ta’ titjira tagħti dritt għal rimborż, rotta differenti jew ritorn kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament, dritt għal “assistenza” kif definit fl-Artikolu 9 u, skont l-Artikolu 5(1)(ċ), dritt għall-“kumpens” kif definit fl-Artikolu 7. Il-prinċipju sottostanti tal-Artikolu 5(1)(ċ) huwa li l-kumpens għandu jitħallas jekk il-passiġġier ma jkunx ġie infurmat bil-kanċellazzjoni biżżejjed minn qabel.

Madankollu, il-kumpens ma għandux għalfejn jitħallas jekk it-trasportatur tal-ajru jipprovdi evidenza, f’konformità mal-Artikolu 5(3), li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anke kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha (29).

3.3.   Dewmien

3.3.1.   Dewmien fit-tluq

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament, meta titjira titlaq tard minħabba dewmien, il-passiġġieri affettwati minn dan id-dewmien għandhom id-dritt għal “assistenza” skont l-Artikolu 9, u għal rimborż u titjira ta’ ritorn skont l-Artikolu 8(1)(a). Il-prinċipju sottostanti tal-Artikolu 6(1) huwa li d-drittijiet jiddependu fuq it-tul tad-dewmien u d-distanza tat-titjira. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li d-dritt għal rotta ġdida kif stipulat fl-Artikolu 8(1)(b) mhux kopert mill-Artikolu 6(1) minħabba li jista’ jiġi meqjus li t-trasportatur tal-ajru qed jipprova l-ewwelnett jindirizza l-kawża tad-dewmien sabiex jimminimizza l-inkonvenjent għall-passiġġieri.

3.3.2.   “Dewmien twil” mal-wasla

Il-Qorti ddeċidiet li dewmien mal-wasla ta’ mill-inqas tliet sigħat jagħti l-istess drittijiet f’termini ta’ kumpens bħal kanċellazzjoni (30) (għal iktar dettalji ara t-Taqsima 4.4.5 dwar il-kumpens).

3.3.3.   Kejl tad-dewmien mal-wasla u l-kunċett tal-ħin tal-wasla

Il-Qorti kkonkludiet li l-kunċett tal-“ħin tal-wasla”, li huwa użat sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-dewmien li kienu suġġetti għalih il-passiġġieri fuq titjira jekk il-wasla tittardja, jikkorrispondi għall-ħin li fih tal-inqas waħda mill-bibien tal-inġenju tal-ajru tinfetaħ, fejn il-preżunzjoni hija li, f’dak il-mument, il-passiġġieri jitħallew jinżlu minn fuq l-inġenju tal-ajru (31). Il-Kummissjoni tqis li t-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera għandu jirreġistra l-ħin tal-wasla abbażi ta’, pereżempju, dikjarazzjoni ffirmata mill-ekwipaġġ abbord jew mill-aġent tal-handling. Il-ħin tal-wasla għandu jiġi ppovdut mingħajr ħlas fuq talba mill-korp tal-infurzar nazzjonali u l-passiġġieri, meta t-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera jfittex li juża l-ħin tal-wasla bħala evidenza ta’ konformità mar-Regolament.

3.4.   Titjib u tnaqqis fil-grad

3.4.1.   Definizzjoni ta’ titjib u tnaqqis fil-grad

It-titjib u tnaqqis fil-grad huma definiti rispettivament fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament.

3.4.2.   Id-drittijiet assoċjati mat-titjib u t-tnaqqis fil-grad

Fil-każ ta’ titjib fil-grad, it-trasportatur bl-ajru ma jista’ jitlob ebda ħlas supplimentari. Fil-każ ta’ tnaqqis fil-grad, kumpens fil-forma ta’ rimborż ta’ perċentwal tal-prezz tal-biljett huwa stipulat skont l-Artikolu 10(2)(a) sa (c) tar-Regolament.

Id-definizzjoni ta’ tnaqqis (jew titjib) fil-grad tapplika għall-klassi ta’ ġarr li għaliha jkun inxtara l-biljett u mhux għal kwalunkwe vantaġġ offrut permezz ta’ programm ta’ vjaġġar ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor pprovdut minn trasportatur tal-ajru jew minn operatur ta’ tur.

4.   DRITTIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

4.1.   Dritt għall-informazzjoni

4.1.1.   Dritt ġenerali għall-informazzjoni

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament jispeċifika t-test ta’ avviż li għandu jidher b’mod ċar għall-passiġġieri fiċ-check-in. Dan l-avviż għandu jidher fiżikament jew elettronikament f’kemm jista’ jkun lingwi rilevanti possibbli. Dan għandu jsir mhux biss għaċ-check-in fid-desk tal-ajruport, iżda wkoll fuq il-kiosks fl-ajruport u onlajn.

Barra minn hekk, kull meta t-trasportatur tal-ajru jagħti informazzjoni parzjali, qarrieqa jew żbaljata lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom, kemm individwalment jew fuq bażi ġenerali permezz ta’ reklami fuq il-midja jew pubblikazzjonijiet fuq il-websajt tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala ksur tar-Regolament f’konformità mal-Artikolu 15(2) moqri flimkien mal-Premessa 20 u jista’ jikkostitwixxi wkoll prattika kummerċjali min-negozju għall-konsumatur inġusta jew qarrieqa skont id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

4.1.2.   Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’każ ta’ dewmien

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament jistipula li trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera li jirrifjuta li passiġġieri jitilgħu abbord jew li jikkanċella titjira għandu jipprovdi lil kull passiġġier affettwat b’avviż bil-miktub li jistabbilixxi r-regoli għall-kumpens u l-assistenza. Jistipula wkoll li t-trasportatur tal-ajru “għandu jipprovdi kull passiġġer affettwat minn dewmien ta’ mill-inqas sagħtejn b’avviż ekwivalenti”. Ir-rekwiżit li l-passiġġieri affettwati jiġu pprovduti bi spjegazzjoni ddettaljata bil-miktub tad-drittijiet tagħhom għalhekk tapplika b’mod espliċitu għal każijiet meta passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu abbord u għal każijiet ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dewmien jista’ jseħħ mat-tluq iżda jista’ jimmaterjalizza wkoll fid-destinazzjoni finali, it-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex jgħarrfu lill-passiġġieri affettwati minn dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat fid-destinazzjoni finali tagħhom. Huwa biss b’dan il-mod li kull passiġġier jista’ jiġi infurmat kif suppost f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Artikolu 14(2) (33). Tali approċċ jikkonforma bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża Sturgeon (34), li stabbilixxiet li passiġġieri li jsofru dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħall-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ikunu ġew ikkanċellati, għall-finijiet tad-dritt għall-kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament.

Dan huwa mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti b’dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali. L-ommissjoni ta’ informazzjoni materjali u l-għoti ta’ informazzjoni qarrieqa dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jistgħu wkoll jikkostitwixxu prattika kummerċjali inġusta jew qarrieqa min-negozju għall-konsumatur skont id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern.

4.2.   Dritt għal rimborż, rotta differenti jew prenotazzjoni mill-ġdid fil-każ li passiġġier ma jitħalliex jitla’ abbord jew f’każ ta’ kanċellazzjoni

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-obbligu li joffru tliet għażliet lill-passiġġieri, bejn (i) rimborż tal-prezz tal-biljett (36) u, fil-każ ta’ konnessjonijiet, titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq mal-ewwel opportunità, (ii) rotta differenti lejn id-destinazzjoni finali tagħhom jew mal-ewwel opportunità jew, (iii) rotta differenti f’data iktar tard skont kif jaqbel għall-passiġġier b’kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, suġġett għad-disponibbiltà ta’ postijiet. Bħala prinċipju ġenerali, meta l-passiġġier jiġi infurmat dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira u jkun mgħarraf b’mod korrett dwar l-għażliet disponibbli, l-għażla offruta lill-passiġġieri skont l-Artikolu 8(1) għandha ssir minnufih. F’każijiet ta’ dan it-tip, hekk kif il-passiġġier ikun għażel waħda mit-tliet għażliet skont l-Artikolu 8(1)(a), (b) jew (c), it-trasportatur tal-ajru ma jibqagħlu l-ebda obbligu marbut maż-żewġ għażliet l-oħrajn. Madankollu, jista’ jkun li l-obbligu għall-kumpens xorta jibqa’ japplika skont l-Artikolu 5(1)(ċ) b’konnessjoni mal-Artikolu 7.

It-trasportatur tal-ajru għandu simultanjament joffri l-għażla bejn rimborż u rotta differenti. Fil-każ ta’ titjiriet konnessi, it-trasportatur tal-ajru għandu simultanjament joffri l-għażla bejn rimborż ma joffrix l-għażla bejn rimborż u titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq u tar-rotta alternattiva It-trasportatur tal-ajru għandu jġarrab l-ispejjeż tar-rotta alternattiva jew tat-titjira ta’ ritorn, u għandu jirrimborża l-ispejjeż għat-titjira li jġarrab il-passiġġier meta t-trasportatur tal-ajru ma jikkonformax mal-obbligu tiegħu li joffri rotta differenti jew ritorn b’kundizzjonijiet ta’ trasport komparabbli mal-ewwel opportunità. Meta t-trasportatur tal-ajru ma joffrix l-għażla bejn rimborż u rotta differenti u, fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni, rimborż u titjira ta’ ritorn lejn l-ajruport tat-tluq u ta’ ritorn, iżda jiddeċiedi unilateralment li jirrimborża lill-passiġġier, dan tal-aħħar huwa intitolat għal rimborż ulterjuri tad-differenza fil-prezz mal-biljett il-ġdid skont kundizzjonijiet tat-trasport kumparabbli.

Madankollu, meta trasportatur tal-ajru jista’ juri li meta l-passiġġier ikun aċċetta li jagħti d-dettalji ta’ kuntatt personali tiegħu, ikun ikkuntattja lill-passiġġier u fittex li jagħtih l-assistenza meħtieġa mill-Artikolu 8, iżda l-passiġġier xorta għamel l-arranġamenti ta’ assitenza jew ta’ rotta differenti proprji tiegħu, allura t-trasportatur tal-ajru jista’ jikkonkludi li ma hu responsabbli għall-ebda spiża addizzjonali li jkun ġarrab il-passiġġier u jista’ jiddeċiedi li ma jirrimburżahx.

Meta l-passiġġieri jiġu offruti l-għażla ta’ kontinwazzjoni jew rotta differenti ta’ vjaġġ, dan għandu jkun “skont kundizzjonijiet kumparabbli ta’ trasport”. Jekk il-kundizzjonijiet tat-trasport humiex komparabbli jista’ jiddependi fuq numru ta’ fatturi u dan għandu jiġi deċiżi każ b’każ. Skont iċ-ċirkustanzi, huma rrakkomandati l-prattiki tajbin li ġejjin:

jekk possibbli, il-passiġġieri ma għandux jitnaqqsilhom il-grad tal-faċilitajiet ta’ trasport ta’ klassi iktar baxxa meta mqabbla ma’ dik tal-prenotazzjoni (fil-każ ta’ tnaqqis tal-grad, japplika l-kumpens stipulat fl-Artikolu 10);

rotta differenti għandha tiġi offruta mingħajr ebda spiża żejda għall-passiġġier, anke meta l-passiġġieri jingħataw rotta differenti ma’ trasportatur tal-ajru ieħor jew b’mezz ta’ trasport differenti jew fi grad ogħla jew bi prezz ogħla minn dak li ħallsu għas- servizz oriġinali;

għandhom isiru sforzi raġonevoli sabiex jiġu evitati konnessjonijiet addizzjonali;

meta jintuża trasportatur tal-ajru ieħor jew mezz ta’ trasport alternattiv għall-parti mill-vjaġġ mhux mitmuma kif ippjanat, il-ħin tal-vjaġġ totali għandu, jekk possibbli, ikun raġonevolemt viċin kemm jista’ jkun għall-ħin tal-ivvjaġġar ippjanat tal-vjaġġ oriġinali fl-istess grad ta’ trasport jew ogħla jekk neċessarju;

jekk ikunu disponibbli diversi titjiriet b’ħinijiet kumparabbli, il-passiġġieri li għandhom id-dritt ta’ rotta differenti għandhom jaċċettaw l-offerta ta’ rotta differenti li jkun għamel it-trasportatur, inkluż għal dawk it-trasportaturi tal-ajru li jikkooperaw mat-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera;

jekk kienet prenotata assitenza għal persuni b’diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa għall-vjaġġ oriġinali, tali assistenza għandha tkun ugwalment disponibbli fuq ir-rotta alternattiva.

Kwalunkwe dritt ġdid għal kumpens skont l-Artikolu 7 se japplika għat-titjira tar-rotta differenti aċċettata skont l-Artikolu 8(1)(b) jew (c) jekk tiġi kkanċellata wkoll jew tasal tard mal-wasla (ara t-Taqsima 4.4.11). Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-għażliet jiġu spjegati b’mod ċar lill-passiġġieri meta tiġi pprovduta l-assistenza.

Jekk passiġġier ikun ibbukkja titjira lejn destinazzjoni u titjira ta’ ritorn separatament ma’ trasportaturi tal-ajru differenti u t-titjira lejn id-destinazzjoni tiġi kkanċellata, ir-rimborż ikun dovut biss għal din it-titjira. Madankollu, fil-każ ta’ żewġ titjiriet li huma parti mill-istess kuntratt iżda li xorta operati minn trasportaturi tal-ajru differenti, minbarra d-dritt tagħhom għall-kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti żewġ għażliet fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira lejn id-destinazzjoni: i) li jiġu rimburżati għall-biljett kollu (jiġifieri ż-żewġ titjiriet) jew ii) li jiġu offruti rotta differenti fuq titjira oħra għat-titjira lejn id-destinazzjoni.

4.3.   Dritt għall-assistenza fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord, kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq

4.3.1.   Kunċett tad-dritt għall-assistenza

Meta l-passiġġier, wara inċident fejn ma jitħalliex jitla’ abbord, kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq jiftiehem mat-trasportatur tal-ajru li jingħata rotta differenti f’data iktar tard għall-konvenjenza tiegħu/tagħha (l-Artikolu 8(1)(ċ)), id-dritt għall-assistenza jispiċċa. Filfatt, id-dritt għall-assistenza jibqa’ japplika biss sakemm il-passiġġieri jkollhom jistennew għal rotta differenti, taħt kundizzjonijiet ta’ trasport kumparabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom mal-ewwel opportunità (l-Artikolu 8(1)(b)) jew titjira ta’ ritorn (l-Artikolu 8(1)(a) it-tieni inċiż).

4.3.2.   Proviżjoni ta’ ikliet, ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel u akkomodazzjoni

L-intenzjoni tar-Regolament hija li l-bżonnijiet tal-passiġġieri li jkunu qed jistennew għat-titjira ta’ ritorn tagħhom jew għal rotta differenti għandhom jirċievu assistenza adegwata. Il-limitu ta’ assistenza adegwata jkollu jiġi vvalutat abbażi ta’ każ b’każ, b’kont dovut meħud tal-ħtiġijiet tal-passiġġieri fiċ-ċirkustanzi rilevanti u l-prinċipju tal-proporzjonalità (jiġifieri: skont il-ħin ta’ stennija). Il-prezz imħallas għall-biljett jew it-temporalità tal-inkonvenjent imġarrab ma għandhomx ifixklu d-dritt għall-assistenza.

Fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(a) (ikliet u ħwejjeġ oħrajn ta’ xorb u ikel), il-Kummissjoni tikkunsidra l-espressjoni “f’relazzjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew” li tfisser li t-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw għandhom jipprovdu lill-passiġġieri b’assistenza adatta korrispondenti għat-tul mistenni tad-dewmien u l-ħin tal-ġurnata (jew il-lejl) li fih iseħħ, inkluż fl-ajruport tat-trasferiment fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni, sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltajiet jew mobbiltà mnaqqsa u tfal mhux akkumpanjati.

Barra minn hekk, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti assistenza mingħajr ħlas b’mod ċar u aċċessibbli, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni meta l-passiġġieri jkunu aċċettaw li jagħtu d-dejta personali tagħhom. Inkella, il-passiġġieri għandhom jippreżentaw ruħhom lit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera fil-każ ta’ bidliet fl-ivvjaġġar. Dan ifisser li l-passiġġieri ma għandhomx jitħallew jagħmlu arranġamenti huma stess, eż ifittxu u jħallsu għall-akkomodazzjoni u l-ikel. Minflok, it-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw huma obbligati li joffru assistenza b’mod attiv. It-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw għandhom jiżguraw ukoll, fejn disponibbli, li l-akkomodazzjoni tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u l-klieb ta’ servizz tagħhom.

Jekk xorta ma tiġix offruta assistenza għalkemm suppost kellha tiġi offruta, il-passiġġieri li kellhom iħallsu għall-ikliet u ħwejjeġ ta’ ikel u xorb oħrajn, l-akkomodazzjoni f’lukanda, it-trasport bejn l-ajruport u l-post tal-akkomodazzjoni u/jew għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, jistgħu jiksbu rimborż tal-ispejjeż li jkunu ġarrbu mit-trasportatur tal-ajru, sakemm dawn kienu neċessarji, raġonevoli u adatti (37).

Jekk passiġġier ma jaċċettax l-offerta raġonevoli għall-assistenza tat-trasportatur tal-ajru li għandha tingħata skont l-Artikolu 9 u jagħmel l-arranġamenti tiegħu stess, it-trasportatur tal-ajru mhux obbligat li jirrimborża l-ispejjeż imġarrba mill-passiġġier, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġijiet nazzjonali jew ikun miftiehem minn qabel mit-trasportatur tal-ajru u dan, fi kwalunkwe każ, sal-ammont korrispondenti għall-“offerta raġonevoli” tat-trasportatur tal-ajru msemmija qabel, sabiex jipprovdi trattament ugwali lill-passiġġieri. Il-passiġġieri għandhom iżommu wkoll l-irċevuti kollha tal-ispejjeż imġarrba. Madankollu, il-passiġġieri ma għandhomx id-dritt li jiġu kkumpensati għal dannu mġarrab minħabba nuqqas ta’ assistenza jekk ma jkunux ġarrbu spejjeż.

Fi kwalunkwe każ, il-passiġġieri li jħossu li huma intitolati li jkollhom aktar mill-ispejjeż tagħhom rimborżati, jew li jingħataw kumpens għad-dannu mġarrab minħabba d-dewmien, inklużi spejjeż, għandhom iżommu d-dritt li jibbażaw il-pretensjonijiet tagħhom fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, kif ukoll l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 u li jfittxu lit-trasportatur tal-ajru permezz ta’ proċedura fil-qorti nazzjonali jew jindirizzaw ruħhom lill-korp tal-infurzar nazzjonali kompetenti. F’xi Stati Membri, il-passiġġieri jista’ jkun li jkollhom jirrikorru għal riżoluzzjonijiet ta’ tilwim alternattivi ma’ entitajiet għat-tilwim tal-konsumaturi (ara l-paragrafu 7.3 hawn taħt).

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li skont il-Premessa 18 tar-Regolament, l-assistenza tista’ tiġi limitata jew miċħuda jekk il-proviżjoni stess tagħha tikkawża dewmien ulterjuri għall-passiġġieri li jkunu qed jistennew titjira alternattiva jew titjira li jkollha dewmien. F’każ li titjira tiġi mdewma għal tard filgħaxija iżda tista’ tkun mistennija li titlaq fi ftit sigħat u li għaliha d-dewmien jista’ jkun ħafna itwal jekk il-passiġġieri jintbagħtu f’lukandi u jinġiebu lura fl-ajruport f’nofs ta’ lejl, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun jista’ jirrifjuta li jipprovdi din l-assistenza. Bl-istess mod, jekk it-trasportatur tal-ajru jkun se jqassam vawċers għall-ikel u x-xorb iżda jiġi infurmat li t-titjira hija lesta għall-imbark, dan għandu jkun jista’ jirrifjuta li jipprovdi l-assistenza. Minbarra dawn il-każijiet, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din il-limitazzjoni għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna, minħabba li għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent imġarrab mill-passiġġieri.

Id-dritt għall-assistenza skont ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-organizzaturi ta’ pakketti skont ir-regoli tal-pakketti ta’ vvjaġġar.

4.3.3.   Assistenza f’ċirkustanzi straordinarji jew avvenimenti eċċezzjonali

Skont ir-Regolament, l-operatur tat-trasport tal-ajru huwa obbligat li jissodisfa l-obbligu tal-assistenza anke meta l-kanċellazzjoni ta’ titjira hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji, jiġifieri ċirkustanzi li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Ir-Regolament ma jinkludi xejn li jkun jippermetti li ssir il-konklużjoni li huwa jirrikonoxxi kategorija separata ta’ avveniment “partikolarment straordinarji”, lil hinn miċ-“ċirkustanzi straordinarji” msemmijin fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament, li jwasslu lit-trasportatur tal-ajru li jiġi eżentat mill-obbligi kollha tiegħu, inklużi dawk tal-Artikolu 9 tar-Regolament, anke matul perjodu twil, partikolarment minħabba li l-passiġġieri huma partikolarment vulnerabbli f’tali ċirkustanzi u avvenimenti (38).

F’avvenimenti eċċezzjonali, l-intenzjoni tar-Regolament hija li tiżgura li tiġi pprovduta assistenza adegwata, b’mod partikolari lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew biex jieħdu rotta differenti skont l-Artikolu 8(1)(b). Madankollu, ma għandhomx jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-linji tal-ajru meta dawn ikunu jistgħu juru li wettqu l-aħjar sforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi partikolari marbuta mal-avvenimenti u mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, l-NEBs għandhom japplikaw sanzjonijiet jekk iqisu li trasportatur tal-ajru ħa vantaġġ minn avvenimenti ta’ dan it-tip sabiex jevadi l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.

4.4.   Id-dritt għal kumpens fil-każ li passiġġier ma jitħalliex jitla’ abbord, kanċellazzjoni, dewmien mal-wasla, rotta differenti u għal rimborż b’rabta ma’ tnaqqis fil-grad

A.    Kumpens fil-każ li passiġġier ma jitħalliex jitla’ abbord

4.4.1.   Kumpens, passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord u ċirkustanzi eċċezzjonali

L-Artikoli 2(j) u 4(3) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-kumpens huwa dejjem dovut fil-każ li passiġġier ma jitħalliex jitla’ abbord u t-trasportaturi tal-ajru ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw b’mod validu okkorrenza fejn passiġġier ma jitħalliex jitla’ abbord u jiġu eżentati milli jħallsu kumpens lill-passiġġieri billi jinvokaw ċirkustanzi straordinarji (39).

4.4.2.   Kumpens, passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord u titjiriet ta’ konnessjoni

Passiġġieri fuq titjiriet konnessi għandhom jiġu kkumpensati meta, fil-kuntest ta’ kuntratt uniku ta’ trasport b’itinerarju li jkun jinvolvi titjiriet diretti konnessi u check-in wieħed, trasportatur tal-ajru ma jħalliex lil xi passiġġieri milli jitilgħu abbord fuq il-bażi li l-ewwel titjira inkluża fil-prenotazzjoni tagħhom kienet suġġetta għal dewmien attribwibbli għal dak it-trasportatur tal-ajru u dan tal-aħħar, bi żball stenna li dawk il-passiġġieri li ma kinux se jaslu fil-ħin sabiex jimbarkaw it-tieni titjira (40). B’kuntrast, jekk il-passiġġieri għandhom żewġ biljetti separati għal żewġ titjiriet konsekuttivi u dewmien tal-ewwel titjira jfisser li ma jkunux jistgħu jagħmlu check-in fil-ħin għat-titjira ta’ wara, f’dan il-każ it-trasportaturi tal-ajru ma jkunux obbligati li jħallsu kumpens. Madankollu, jekk id-dewmien tal-ewwel titjira huwa ta’ iktar minn tliet sigħat, il-passiġġier jista’ jkun intitolat għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera din l-ewwel titjira.

4.4.3.   Ammont tal-kumpens

Il-kumpens jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament. Dan jista’ jitnaqqas b’50 % jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2).

B.    Kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni

4.4.4.   Każ ġenerali

Fil-każ ta’ kanċellazzjoni huwa dovut kumpens, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament u sakemm il-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha, f’konformità mal-Artikolu 5(3) (fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji, ara t-taqsima 5).

4.4.5.   Ammont tal-kumpens

Il-kumpens jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament. Dan jista’ jitnaqqas b’50 % jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2).

C.    Kumpens fil-każ ta’ dewmien

4.4.6.   “Dewmien twil” mal-wasla

Rigward “dewmien twil”, il-Qorti ddeċidiet li passiġġieri, inklużi l-passiġġieri li jkollhom dewmien, jistgħu jsofru minn inkonvenjenza simili bħall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata, li tikkonsisti f’ċertu telf ta’ ħin (41). Abbażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali, il-passiġġieri li jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar huma intitolati għall-istess kumpens (l-Artikolu 7) bħall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata. B’mod predominanti l-Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament, li fih il-leġiżlatur tal-UE jislet il-konsegwenzi legali, inkluż id-dritt għall-kumpens, għall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata u li mhumiex offruti rotta differenti li tippermettilhom li jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin ippjanat tat-tluq u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin ippjanat tal-wasla. Il-Qorti minn dan iddeduċiet li d-dritt għall-kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament għandu l-għan li jagħmel tajjeb għal ħin mitluf ta’ mill-inqas tliet sigħat. Madankollu, tali dewmien ma jintitolax lill-passiġġieri għall-kumpens jekk it-trasportatur tal-ajru jista’ juri li d-dewmien twil kien ikkawżat minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha (42) (fir-rigward taċ-ċirkustanzi straordinarji, ara t-Taqsima 5).

4.4.7.   Kumpens għal wasla tard fil-każ ta’ titjiriet konnessi

Il-Qorti (43) hija tal-fehma li dewmien għandu jiġi vvalutat għall-għanijiet tal-kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament, b’rabta mal-ħin skedat tal-wasla tal-passiġġier fid-destinazzjoni finali kif definit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament, li fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament għandha tinftiehem bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li jkun għamel il-passiġġier.

B’konformità mal-Artikolu 3(1)(a), passiġġieri li jitilfu titjira fl-UE, jew barra l-UE b’titjira li tkun ġejja minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom ikunu intitolati għal kumpens jekk jaslu fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ aktar minn tlett sigħat. Jekk it-trasportatur li jopera t-titjiriet ta’ konnessjoni jkun linja tal-ajru tal-UE jew mhux tal-UE mhuwiex rilevanti.

Fil-każ ta’ passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż mhux tal-UE lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru bħala destinazzjoni finali f’konformità mal-Artikolu 3(1)(b), permezz ta’ titjiriet konnessi direttament operati suċċessivament minn trasportaturi tal-UE u mhux tal-UE jew minn trasportaturi tal-UE biss, id-dritt għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil fil-wasla fid-destinazzjoni finali għandu jiġi vvalutat biss fir-rigward tat-titjiriet operati minn trasportaturi tal-UE.

Telf ta’ titjiriet ta’ konnessjoni li l-passiġġieri jkunu tilfu minħabba dewmien sinifikanti fiż-żoni ta’ kontrolli tas-sigurtà jew minħabba li l-passiġġieri jkunu naqsu milli jirrispettaw il-ħin tal-imbark tat-titjira tagħhom fl-ajruport tat-trasferiment tagħhom ma jagħtix lok għal intitolament għall-kumpens.

4.4.8.   Kumpens għal wasla tard meta passiġġier jaċċetta titjira lejn ajruport alternattiv għal dak li għalih kienet saret il-prenotazzjoni

F’każijiet ta’ dan it-tip huwa dovut kumpens. Il-ħin tal-wasla li għandu jintuża sabiex jiġi kkalkulat id-dewmien huwa l-ħin tal-wasla attwali fl-ajruport li għalih tkun saret il-prenotazzjoni oriġinali jew destinazzjoni oħra viċin maqbula mal-passiġġier f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament. L-ispejjeż imġarrba għat-trasport bejn l-ajruport alternattiv u l-ajruport li għalih tkun saret il-prenotazzjoni oriġinali jew id-destinazzjoni li tinsab qrib u li tkun ġiet maqbula mal-passiġġier għandhom jiġu mġarrba mit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera.

4.4.9.   Ammont tal-kumpens

Meta d-dewmien mal-wasla huwa inqas minn erba’ sigħat għal vjaġġ ta’ aktar minn 3 500 km li jinvolvi ajruport li jinsab barra mill-UE, il-kumpens jista’ jitnaqqas b’50 % u għalhekk jammonta għal EUR 300 (44) b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament.

4.4.10.   Kalkolu tad-distanza abbażi tal-“vjaġġ” sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens fil-każ ta’ dewmien twil fid-destinazzjoni finali.

Fil-kawża Folkerts  (45) issir referenza espliċita għall-kunċett ta’ “vjaġġ” li jinkludi diversi titjiriet ta’ konnessjoni. Id-“destinazzjoni finali” li qed tiġi ddefinita fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament bħala d-destinazzjoni fuq il-biljett użat għaċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni diretta, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira. Skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament, id-distanza li tiddetermina l-kumpens li għandu jitħallas fil-każ ta’ dewmien twil fid-destinazzjoni finali għandha tkun ibbażata fuq id-distanza “great circle” bejn il-post tat-tluq u d-destinazzjoni finali, jiġifieri “il-vjaġġ”, u mhux billi jiġu miżjuda flimkien id-distanzi “great circle” bejn it-titjiriet ta’ konnessjoni differenti rilevanti li jiffurmaw “il-vjaġġ”.

D.    Rimborż fil-każ ta’ tnaqqis fil-grad

4.4.11.   Kalkolu tal-ammont

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament, ir-rimborż huwa pagabbli biss għat-titjira li fuqha l-passiġġier ikun tnaqqaslu l-grad u mhux għall-vjaġġ kollu inkluż f’biljett uniku, li jista’ jinkludi żewġ titjiriet jew iktar ta’ konnessjoni. L-imsemmi rimborż għandu jitħallas fi żmien sebat ijiem.

5.   ĊIRKUSTANZI STRAORDINARJI

5.1.   Prinċipju

F’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament, trasportatur tal-ajru huwa eżentat milli jħallas kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien mal-wasla jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huma kkawżati minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Sabiex jiġi eżentat mill-ħlas ta’ kumpens, it-trasportatur tal-ajru għandu għalhekk simultanjament juri:

l-eżistenza u r-rabta bejn iċ-ċirkustanzi straordinarji u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni, kif ukoll

il-fatt li dan id-dewmien jew din il-kanċellazzjoni ma setgħux jiġu evitati għalkemm ħa l-miżuri raġonevoli kollha.

Ċirkustanza straordinarja partikolari tista’ tipproduċi iktar minn kanċellazzjoni waħda jew dewmien wieħed fid-destinazzjoni finali, bħal fil-każ tad-deċiżjoni dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru kif imsemmi fil-Premessa 15 tar-Regolament.

Bħala deroga mir-regola normali, jiġifieri: il-ħlas ta’ kumpens, li jirrifletti l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi interpretat b’mod strett (46). Għalhekk, iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha involuti f’avveniment bħal dawk elenkati fil-Premessa 14 mhumiex neċessarjament raġuni għal eżenzjoni mill-obbligu li jitħallas kumpens, iżda jirrikjedu valutazzjoni każ b’każ (47). Fl-aħħarnett, fil-każ ta’ problemi tekniċi, iċ-ċirkustanzi straordinarji għandhom ikunu relatati ma’ avveniment li jissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel, mhux inerenti fl-eżerċitar normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat; it-tieni, huwa lil hinn mill-kontroll reali ta’ dak it-trasportatur tal-ajru minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu (48).

Bħala prova, it-trasportaturi jistgħu jipprovdu siltiet mil-log books jew mir-rapporti tal-inċidenti u/jew dokumenti u dikjarazzjonijiet esterni. F’każijiet fejn issir referenza għal tali evidenza fir-risposta lill-passiġġier u/jew lill-korp tal-infurzar nazzjonali, dawn għandhom jiġu trasmessi wkoll. Meta t-trasportatur tal-ajru jipprova jserraħ fuq id-difiża ta’ ċirkustanzi straordinarji, tali evidenza għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas mit-trasportatur tal-ajru lill-korp tal-infurzar nazzjonali u lill-passiġġieri f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward l-aċċess għad-dokumenti.

5.2.   Difetti tekniċi

Il-Qorti (49) ċċarat ulterjorment li problema teknika li titfaċċa matul il-manutenzjoni ta’ inġenju tal-ajru jew li hija kkawżata min-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru ma tistax tiġi meqjusa bħala “ċirkustanzi straordinarji”. Il-Qorti hija tal-fehma li anke meta problema teknika li seħħet mingħajr ma kienet mistennija mhix attribwibbli għal manutenzjoni ħażina u ma ġietx identifikata matul il-verifiki ta’ manutenzjoni ta’ rutina, tali problema teknika ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ “ċirkustanzi straordinarji” meta hija inerenti fl-eżerċitar normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru. Pereżempju, ħsara, bħal dik inkwistjoni li kienet ikkawżata minn ħsara qabel il-waqt ta’ ċerti komponenti ta’ inġenju tal-ajru, tista’ tikkostitwixxi avveniment mhux mistenni. Madankollu, ħsara ta’ dan it-tip tibqa’ marbuta b’mod intrinsiku mas-sistema operattiva kumplessa ħafna tal-inġenju tal-ajru, li jitħaddem mit-trasportatur tal-ajru f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari kundizzjonijiet meteoroloġiċi, li ħafna drabi huma diffiċli jew anke ta’ natura estrema, filwaqt li m’għandux jintesa li ebda komponent ta’ inġenju tal-ajru ma jdum iservi għal dejjem. Għalhekk, għandu jingħad li dak l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti fl-eżerċitar normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru (50). Madankollu, difett tal-manifattura moħbi żvelat mill-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew minn awtorità kompetenti jew dannu għall-inġenju tal-ajru kkawżat minn atti ta’ sabutaġġ jew terroriżmu jikkwalifikaw bħala ċirkustanzi straordinarji.

5.3.   Ħbit tat-taraġ mobbli tal-imbarkazzjoni ma’ inġenju tal-ajru

Il-Qorti (51) ċċarat li l-ħbit tat-taraġ mobbli tal-imbarkazzjoni ma’ inġenju tal-ajru ma jistax jitqies bħala “ċirkustanzi straordinarji” li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-ħlas ta’ kumpens skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament. It-taraġ mobbli jew il-passarelli jistgħu jitqiesu bħala indispensabbli għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u għaldaqstant it-trasportaturi tal-ajru jiffaċċjaw sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ tali tagħmir b’mod regolari. Ħabta bejn inġenju tal-ajru u sett ta’ taraġ mobbli tal-imbarkazzjoni għalhekk hija avveniment inerenti fl-eżerċitar normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru. Ċirkustanzi straordinarji jkunu japplikaw, pereżempju, meta d-dannu lill-inġenju tal-ajru huwa dovut għal att estern għas-servizzi normali tal-ajruport, bħal att ta’ terroriżmu jew sabutaġġ.

5.4.   Konġestjoni fl-ajruport minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp

Skont il-Premessa 14 tar-Regolament, il-każ meta trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera jiġi obbligat li jdewwem jew li jikkanċella titjira f’ajruport li għandu konġestjoni minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, inkluż jekk dawn il-kundizzjonijiet jirriżultaw fi skarsezza ta’ kapaċità, jirriżulta minn ċirkustanzi straordinarji.

5.5.   Miżuri raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru jista’ jkun mistenni li jieħu f’ċirkustanzi straordinarji

Kull meta jitfaċċaw ċirkustanzi straordinarji, sabiex jiġi rilaxxat mill-obbligu li jħallas kumpens trasportatur tal-ajru għandu juri li ma setax jevitahom anki kieku ħa l-miżuri raġonevoli kollha f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, il-Qorti (52) sabet li skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament, trasportatur tal-ajru jista’ jintalab jorganizza r-riżorsi tiegħu fi żmien debitu sabiex ikun possibbli li jopera titjira pprogrammata ladarba ċ-ċirkustanzi straordinarji jkunu spiċċaw, jiġifieri, matul ċertu perjodu wara l-ħin ippjanat tat-tluq. B’mod partikolari, it-trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi għal ċertu ħin ta’ riżerva li jippermettilu, jekk possibbli, li jopera t-titjira fl-intier tagħha ladarba ċ-ċirkustanzi straordinarji jkunu ntemmu. Tali ħin ta’ riżerva jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Madankollu, l-Artikolu 5(3) ma jistax jiġi interpretat bħala li jirrikjedi, bħala “miżura raġonevoli”, li ssir dispożizzjoni, ġenerali u mingħajr distinzjoni, għal ħin ta’ riżerva minimu applikabbli bl-istess mod għat-trasportaturi tal-ajru kollha fis-sitwazzjonijiet kollha meta jinqalgħu ċirkustanzi straordinarji. F’dan ir-rigward huwa mistenni li r-riżorsi disponibbli fil-bażi ċentrali jkunu ġeneralment ta’ livell ogħla milli fid-destinazzjonijiet ‘il barra u b’hekk jippermettu li jkun hemm aktar possibbiltajiet biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċirkustanzi straordinarji. Il-valutazzjoni tal-kapaċità tat-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira pprogrammata fl-intier tagħha bil-kundizzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-okkorrenza ta’ dawk iċ-ċirkustanzi għandha ssir b’tali mod li jiġi żgurat li t-tul tal-ħin ta’ riżerva meħtieġ ma jirriżultax f’li t-trasportatur tal-ajru jkollu jagħmel sagrifiċċji intollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fiż-żmien rilevanti.

Rigward id-difetti tekniċi, il-fatt li trasportatur tal-ajru jkun ikkonforma mar-regoli minimi dwar il-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li t-trasportatur tal-ajru jkun ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jeżenta lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligu tiegħu li jħallas kumpens (53).

6.   KUMPENS, RIMBORŻ, ROTTA DIFFERENTI U ASSISTENZA FIL-KAŻ TA’ VJAĠĠI MULTIMODALI

Vjaġġi multimodali li jinvolvu iktar minn mod ta’ trasport wieħed f’kuntratt ta’ trasport uniku (eż. vjaġġ bil-ferrovija u bl-ajru mibjugħ bħala vjaġġ wieħed) mhumiex koperti bħala tali mir-Regolament, u lanqas ma huma koperti minn ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’modi oħrajn ta’ trasport. Jekk passiġġier jitlef titjira minħabba dewmien ta’ ferrovija, huwa jew hija jibbenefika biss mid-drittijiet għal kumpens u assistenza mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (54) fir-rigward tal-vjaġġ bil-ferrovija, u dan biss jekk il-passiġġier kellu dewmien ta’ iktar minn 60 minuta fid-destinazzjoni (55). Bl-istess mod, dispożizzjonijiet oħrajn ikunu japplikaw fil-każ li passiġġier jitlef titjira minħabba dewmien fi vjaġġ b’vapur jew b’kowċ fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport uniku (56). Madankollu, l-organizzaturi tal-pakketti jistgħu jkunu responsabbli skont id-Direttiva 90/314/KEE jew id-Direttiva (UE) 2015/2302 anke għat-titjiriet li jkunu ntilfu u l-impatt fuq il-pakkett kollu jekk il-vjaġġ multimodali jifforma parti minn taħlita ma’ servizzi tal-ivvjaġġar oħrajn, eż. l-akkomodazzjoni.

7.   ILMENTI LILL-KORPI TAL-INFURZAR NAZZJONALI, ENTITAJIET ADR  (57) U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR SKONT IR-REGOLAMENT CPC  (58)

7.1.   Ilmenti lill-Korpi tal-Infurzar Nazzjonali

Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-ilmenti jiġu ttrattati b’mod effiċjenti u biex ikun ipprovdut ambjent legali sigur għat-trasportaturi tal-ajru u negozji oħrajn potenzjalment involuti, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-passiġġieri jingħataw il-parir li jilmentaw mal-korp tal-infurzar nazzjonali tal-pajjiż fejn seħħ l-inċident, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, meta jqisu li trasportatur tal-ajru kiser id-drittijiet tagħhom. L-ilmenti tal-passiġġieri lill-korp tal-infurzar nazzjonali għandu jsir biss meta l-ewwel ikunu lmentaw mat-trasportatur tal-ajru u ma jaqblux dwar ir-risposta tat-trasportatur tal-ajru jew fin-nuqqas ta’ kwalunkwe risposta sodisfaċenti mingħand it-trasportatur tal-ajru. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-trasportatur tal-ajru jwieġeb fi żmien xahrejn u li ma jiġu imposti ebda restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Madankollu, il-Qorti (59) kkunsidrat li skont ir-Regolament, il-korpi tal-infurzar nazzjonali mhumiex meħtieġa jaġixxu fuq tali lmenti sabiex jiggarantixxu f’kull każ, id-drittijiet tal-passiġġieri individwali. Għaldaqstant, korp tal-infurzar nazzjonali mhux meħtieġ jieħu azzjoni ta’ infurzar kontra trasportaturi tal-ajru bl-għan li jġagħlhom iħallsu l-kumpens stipulat fir-Regolament f’każijiet individwali, peress li r-rwol ta’ sanzjonar tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament jikkonsisti f’miżuri li għandhom jiġu adottati b’reazzjoni għall-ksur li l-korp jidentifika matul l-attivitajiet ta’ monitoraġġ ġenerali tiegħu stipulati fl-Artikolu 16(1). Madankollu, skont il-Qorti, ir-Regolament ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li tobbliga lill-korp tal-infurzar nazzjonali biex jadotta miżuri b’reazzjoni għal ilmenti individwali fin-nuqqas ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim alternattivi jew iwieġeb minn tali entità ADR fejn din tkun teżisti. Fl-aħħar nett, din is-sentenza hija mingħajr ħsara għall-obbligu tal-korpi tal-infurzar nazzjonali li jipprovdu lill-ilmentaturi, f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u fejn ma jeżistux tali entitajiet, b’risposta infurmata wara li jkunu għamlu l-ilmenti tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li prattika tajba tkun tirrikjedi wkoll li l-passiġġieri jiġu infurmati dwar possibbiltajiet ta’ appell jew azzjoni oħra li jistgħu jieħdu jekk ma jaqblux mal-valutazzjoni tal-każ tagħhom. Passiġġier għandu d-dritt jiddeċiedi jiġix rappreżentat minn persuna jew entità oħra.

7.2.   Entitajiet ADR

Minbarra l-ilmenti skont ir-Regolament, sakemm it-trasportatur tal-ajru huwa stabbilit fl-UE u jipparteċipa fl-iskema ADR, il-passiġġieri residenti fl-UE jistgħu jissottomettu wkoll it-tilwimiet kuntrattwali tagħhom mat-trasportaturi tal-ajru stabbiliti fl-UE lill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim alternattivi (ADR) stabbiliti skont id-Direttiva ADR. Jekk ikunu xtraw il-biljett tagħhom onlajn, huma jistgħu jissottomettu tali tilwimiet lill-pjattaforma Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR) stabbilita skont ir-Regolament ODR li jista’ jsir aċċess għaliha permezz tal-link li ġejja: http://ec.europa.eu/odr.

Meta t-trasportaturi tal-ajru mhumiex obbligati bil-liġi nazzjonali biex jipparteċipaw fi proċeduri quddiem entitajiet ADR, idealment jintrabtu volontarjament li jipparteċipaw fi proċeduri rilevanti u li jinfurmaw lill-klijenti taghom dwar dan.

7.3.   Mezzi ulterjuri li jassistu lill-partijiet ikkonċernati biex japplikaw ir-Regolament

Hemm għadd ta’ modi kif il-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu megħjuna japplikaw ir-Regolament. L-ewwel mezz jikkonċerna r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (60) dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali u qafas għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali. Kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur hija applikata b’mod ugwali fis-suq intern kollu u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Huwa jkopri sitwazzjonijiet fejn ikunu kkonċernati l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jagħti setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jitwaqqaf il-ksur tar-regoli tal-konsumatur meta n-negozjant u l-konsumatur jkunu stabbiliti f’pajjiżi differenti. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru huwa parti mill-Anness tar-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi fejn l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jkunu kkonċernati f’kuntest transfruntiera.

Barra minn hekk, passiġġieri li jkunu ltaqgħu ma’ problemi f’sitwazzjonijiet transfruntiera jistgħu jirreferu għan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (61). L-ECC-Net jinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-konsumatur, jagħti pariri dwar modi possibbli kif jiġu trattati l-ilmenti tal-konsumaturi, jipprovdi assistenza diretta sabiex jiġu riżolti l-ilmenti b’mod amikevoli ma’ negozjanti u jidderieġi mill-ġdid lill-konsumaturi lejn korp adatt jekk l-ECC-Net ma jkunx jista’ jgħin. Il-passiġġieri jistgħu jirreferu wkoll għall-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għal informazzjoni u assistenza diretta skont ir-Regolament

8.   TEĦID TA’ AZZJONI SKONT IR-REGOLAMENT

8.1.   Il-ġurisdizzjoni skont liema tista’ titressaq azzjoni b’konformità mar-Regolament

Għal titjiriet minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, li jsiru abbażi ta’ kuntratt ma’ trasportatur tal-ajru uniku li huma t-trasportatur li jkun qed jopera, talba għal kumpens skont ir-Regolament tista’ titressaq, fuq l-għażla tal-applikant, lill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni jew fuq il-post tat-tluq jew fuq il-post tal-wasla, kif iddikjarat fil-kuntratt tat-trasport (62), b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Brussell I”) (63). Skont l-Artikolu 4(1) ta’ Brussell I, il-passiġġieri jirriżervaw ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw il-kwistjoni quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konvenut (tat-trasportatur tal-ajru).

8.2.   Limitu ta’ żmien sabiex tittieħed azzjoni skont ir-Regolament

Ir-Regolament ma jistabbilixxix limitu ta’ żmien sabiex jitressqu azzjonijiet fil-qrati nazzjonali. Din il-kwistjoni hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru dwar il-limitazzjoni tal-azzjonijiet. Il-limitazzjoni ta’ sentejn sabiex tittieħed azzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal mhix rilevanti għal pretensjonijiet imressqa skont ir-Regolament u ma taffettwax il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, minħabba li l-miżuri ta’ kumpens stipulati mir-Regolament ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni minħabba li huma mmirati li jindirizzaw inkonvenjent imġarrab mill-passiġġieri, filwaqt li jibqgħu addizzjonali għas-sistema għal danni stipulati mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, l-iskadenzi jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri (64).

9.   IR-RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATUR TAL-AJRU SKONT IL-KONVENZJONI TA’ MONTREAL

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Montreal”, ġiet miftiehma f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999. L-Unjoni Ewropea hija Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni (65) u xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ġew implimentati fil-liġijiet tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 2027/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002. Dawn ir-regoli huma parti minn sett ta’ miżuri li, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandhom l-għan òjipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru fl-Unjoni Ewropea.

Kompatibbiltà tar-Regolament mal-Konvenzjoni ta’ Montreal:

Il-Qorti (66) kkonfermat li r-rekwiżiti li jiġi pprovdut kumpens għal dewmien mal-wasla u assistenza fil-każ ta’ dewmien fit-tluq huma kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Montreal. F’dak ir-rigward, il-Qorti tqis li t-telf ta’ żmien inerenti f’dewmien fit-titjira jikkostitwixxi “inkonvenjenza” iktar milli “dannu” li l-Konvenzjoni ta’ Montreal għandha l-għan li tindirizza. Tali raġunament kien ibbażat fuq is-sejba li dewmien eċċessiv l-ewwel nett se jikkawża inkonvenjent li huwa kważi identiku għal kull passiġġier u r-Regolament jipprevedi kumpens standardizzat u immedjat, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tipprevedi rimedju li jirrikjedi valutazzjoni każ b’każ, tal-limitu tad-dannu kkawżat u jista’ konsegwentement ikun biss is-suġġett ta’ kumpens mogħti sussegwentement fuq bażi individwali. Għaldaqstant, ir-Regolament jopera fi stadju iktar bikri mill-Konvenzjoni ta’ Montreal. L-obbligu li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet imdewma jiġu kkumpensati skont ir-Regolament għalhekk ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-Konvenzjoni, iżda jibqa’ addizzjonali għas-sistema għad-danni stabbiliti minnha.

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa applikabbli biss għal passiġġieri li jtiru ma’ “trasportatur tal-ajru”, jiġifieri trasportatur tal-ajru li għandu liċenzji validi biex jopera (67) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-Regolament.

Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, passiġġier huwa persuna li ġiet trasportata fuq il-bażi ta’ “kuntratt ta’ trasport” skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dik il-Konvenzjoni anke jekk ma jkunx inħareġ dokument individwali jew kollettiv ta’ trasport (68).

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ dik il-Konvenzjoni u jiġi interpretat bħala li jfisser li d-dritt għal kumpens u l-limiti tar-responsabbiltà tat-trasportatur ta’ 1 131 Special Drawing Rights (SDR) fil-każ ta’ qerda, telf, ħsara jew dewmien ta’ bagalji, japplika wkoll għall-passiġġier li jitolbu dak il-kumpens minħabba telf, qerda, ħsara jew dewmien ta’ bagalja checked in f’isem passiġġier ieħor, diment li l-bagalja filfatt kienet tinkludi l-affarijiet personali tal-ewwel passiġġier. Għalhekk, kull passiġġier affettwat minn qerda, telf, ħsara jew dewmien ta’ bagalja rreġistrata taħt isem ħaddieħor għandu jkun intitolat għall-kumpens skont il-limiti ta’ 1 131 SDR jekk hu/hi j/tista’ j/turi li l-affarijiet personali tiegħu/tagħha kienu filfatt fil-bagalja rreġistrata. Huwa kompitu ta’ kull passiġġier ikkonċernat sabiex juri dan b’mod sodisfaċenti, li jista’ jikkunsidra l-fatt li l-passiġġieri huma membri tal-istess familja, xtraw il-biljett flimkien u vjaġġaw flimkien (69).

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li tistabbilixxi l-limitu tar-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru għal dannu li jirriżulta, inter alia, mit-telf ta’ bagalji, jinkludi dannu kemm materjali kif ukoll mhux materjali (70). Dan l-Artikolu japplika wkoll fil-każ ta’ qerda, telf, ħsara u dewmien fit-trasport ta’ siġġijiet tar-roti jew tagħmir ieħor ta’ mobbiltà jew tagħmir ta’ assistenza checked in kif definit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Ir-responsabbiltà tat-trasportatur f’dan il-każ hija limitata għall-ammont imsemmi fil-paragrafu preċedenti, sakemm il-passiġġier ikun għamel, fil-ħin meta l-bagalja checked in tkun għaddiet f’idejn it-trasportatur, dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-kunsinna fid-destinazzjoni u ħallas somma supplimentari jekk il-każ ikun jirrikjedi dan.

Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-Qorti (71) kkunsidrat li trasportatur tal-ajru jista’ jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni għal min iħaddem, fil-każ ta’ dannu kkawżat minn dewmien fit-titjiriet li fuqhom kienu passiġġiera l-impjegati tiegħu. Għalhekk, il-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tapplika mhux biss għad-dannu kkawżat għall-passiġġieri nfushom, iżda wkoll għad-dannu mġarrab minn min iħaddem li miegħu saret tranżazzjoni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġier. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti żiedet li t-trasportaturi tal-ajru huma madankollu garantiti li l-responsabbiltà tagħhom ma tistax tkun impenjata għal iktar mil-limitu applikabbli għal kull passiġġier kif stabbilit mill-Konvenzjoni, immultiplikat bin-numru tal-impjegati/passiġġieri kkonċernati.

F’każ ta’ talba għal kumpens għal danni li jaqgħu taħt l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-passiġġier għandu l-għażla bejn diversi qrati stabbiliti fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni stess: il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali ta’ negozju tiegħu, jew il-post fejn għandu domiċilju professjonali li permezz tiegħu sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni. F’dan il-każ huwa irrilevanti jekk dan il-post ikunx jinsab fl-UE, peress li l-ġuriżdizzjoni hija ibbażata fuq il-Konvenzjoni li għaliha hija parti l-UE.


(1)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

(2)  Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti COM(2011) 144 final, ara paġna 23: http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0144:FIN:MT:PDF

(3)  ĠU C 220, 4.7.2015, p. 1.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0174:FIN:MT:PDF). COM(2011) 174 final.

(5)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti għall-persuni li jivvjaġġaw bl-ajru, 2011/2150(INI), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=MT&reference=P7-TA-2012-99

(6)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom (COM(2013) 130 final tat-13.3.2013).

(7)  KUNSILL TTE (TRASPORT), il-11 ta’ Ġunju 2015, il-Lussemburgu.

(8)  COM(2015) 598 final tas-7.12.2015“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — strateġija tal-avjazzjoni għall-Ewropa”.

(9)  Evalwazzjoni tar-Regolament 261/2004 Rapport finali Rapport ewlieni, minn Steer Davies Gleave (Frar 2010).

(10)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru, Brussell, SWD(2013) 62 final tat-13.3.2013 u l-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 (COM(2013) 130 Final).

(11)  Referenzi ċari għall-każijiet rilevanti tal-Qorti huma sistematikament imsemmijin fit-test; meta ma jkun hemm ebda tali referenza, it-test jikkorrispondi għall-interpretazzjoni tar-Regolament mill-Kummissjoni.

(12)  Ara l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(13)  ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1.

(14)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2.

(15)  ĠU L 194, 18.7.2001, p. 39.

(16)  Ara l-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (http://ec.europa.eu/archives/lisbon_treaty/index_mt.htm)

(17)  Dan ir-Regolament huwa applikabbli għall-Iżlanda u n-Norveġja f’konformità mal-Ftehim ŻEE u għall-Iżvizzera f’konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (1999).

(18)  Kawża C-173/07, Emirates Airlines, ECLI:EU:C:2008:400, paragrafu 40.

(19)  Kawża C-173/07, Emirates Airlines, ECLI:EU:C:2008:400, paragrafu 53.

(20)  Kawża C-257/14, van der Lans, ECLI:EU:C:2015:618, paragrafu 28.

(21)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59). Dik id-Direttiva hija revokata b’effett mill-1 ta’ Lulju 2018, meta l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1). Ir-referenza għad-Direttiva 90/314/KEE fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament għandha tinqara bħala referenza wkoll għad-Direttiva (UE) 2015/2302 skont l-Artikolu 29 ta’ din l-aħħar Direttiva.

(22)  Madankollu, rigward id-“dritt għal rimedju”, ara l-Artikolu 13 tar-Regolament u l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

(23)  Kawża C-22/11, Finnair, ECLI:EU:C:2012:604, paragrafu 26.

(24)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(25)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Linji Gwida Interpretattivi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, Brussell 11.6.2012, SWD(2012) 171 final.

(26)  Kawża C-83/10, Sousa Rodríguez e.a., ECLI:EU:C:2011:652 paragrafu 29.

(27)  Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et., ECLI:EU:C:2009:716, paragrafi 37 u 38.

(28)  Kawża C-83/10, Sousa Rodríguez et. ECLI:EU:C:2011:652, paragrafu 28.

(29)  Rigward iċ-ċirkostanzi straordinarji, ara t-Taqsima 5.

(30)  Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et. ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 69. Ara wkoll il-Kawżi magħquda C-581/10 u C-629/10, Nelson et. ECLI:EU:C:2012:657, paragrafu 40, u Kawża C-413/11, Germanwings, ECLI:EU:C:2013:246, paragrafu 19.

(31)  Kawża C-452/13, Germanwings, ECLI:EU:C:2014:2141, paragrafu 27.

(32)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”); ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(33)  Informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri fir-rigward tal-lista ta’ korpi ta’ infurżar nazzjonali fl-UE tista’ tirreferi għall-websajt tal-Kummissjoni, li tinkludi d-dettalji kollha tal-Korpi tal-Infurzar Nazzjonali.

(34)  Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et. ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 69.

(35)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(36)  Il-prezz tal-biljett jiġi rimburżat għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma jkunx/jkunux sar(u), u għall-parti jew il-partijiet li tkun/jkunu diġà saru jekk it-titjira ma għad għandha l-ebda skop fir-rigward tal-pjan tal-ivvjaġġar oriġinali tal-passiġġier. Fil-prinċipju, jekk il-passiġġier jagħżel li jirritorna għall-ajruport tat-tluq tiegħu/tagħha, il-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li tkun/jkunu diġà saret/saru ma jkun baqala/baqalhom l-ebda skop fir-rigward tal-pjan tal-vjaġġ oriġinali.

(37)  Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, paragrafu 66.

(38)  Kawża C-12/11, McDonagh, ECLI:EU:C:2013:43, paragrafu 30.

(39)  Kawża C-22/11, Finnair, ECLI:EU:C:2012:604, paragrafu 40.

(40)  Kawża C-321/11, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela Villamor, ECLI:EU:C:2012:609, paragrafu 36.

(41)  Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et., ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 54.

(42)  Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et., ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 69.

(43)  Kawża C-11/11, Folkerts, ECLI:EU:C:2013:106, paragrafu 47.

(44)  Kawżi magħquda C-402/07 and C-437/07, Sturgeon et., ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 63.

(45)  Kawża C-11/11, Folkerts, ECLI:EU:C:2013:106, paragrafu 18.

(46)  Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, paragrafu 17 u l-ġurisprudenza ċitata.

(47)  Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, paragrafu 22.

(48)  Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, paragrafu 23.

(49)  Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, paragrafu 25.

(50)  Kawża C-257/14, van der Lans, ECLI:EU:C:2015:618, paragrafi 40-42.

(51)  Kawża C-394/14, Siewert, ECLI:EU:C:2014:2377, paragrafi 19-20.

(52)  Kawża C-294/10, Eglītis et Ratnieks, ECLI:EU:C:2011:303, paragrafu 37.

(53)  Kawża C-549/07, Wallentin-Hermann, ECLI:EU:C:2008:771, paragrafu 43.

(54)  Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

(55)  L-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007.

(56)  Ara f’dan ir-rigward ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1); Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

(57)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(58)  Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(59)  Kawżi magħquda C-145/15 u C-146/15, Ruijssenaarset., ECLI:EU:C:2016:187, paragrafi 32, 36 u 38.

(60)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58.

(61)  http://ec.europa.eu/consumers/solving_consumer_disputes/non-judicial_redress/ecc-net/index_en.htm.

(62)  Kawża C-204/08, Rehder, ECLI:EU:C:2009:439, paragrafu 47.

(63)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(64)  Kawża C-139/11, Cuadrench Moré, ECLI:EU:C:2012:741, paragrafu 33.

(65)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 39).

(66)  Kawża C-344/04, IATA u ELFAA, ECLI:EU:C:2006:10, paragrafi 43, 45, 46 u 47 u kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07, Sturgeon et., ECLI:EU:C:2009:716, paragrafu 51.

(67)  Kawża C-240/14 - Prüller-Frey, ECLI:EU:C:2015:567, paragrafu 29.

(68)  Kawża C-6/14, Wucher Helicopter, ECLI:EU:C:2015:122, paragrafi 36 sa 38.

(69)  Kawża C-410/11, Espada Sanchez, ECLI:EU:C:2012:747, paragrafu 35.

(70)  Kawża C-63/09, Axel Walz, ECLI:EU:C:2010:251, paragrafu 39.

(71)  Kawża C-429/14, Air Baltic Corporation AS, ECLI:EU:C:2016:88, paragrafi 29 u 49.


ANNESS

Il-kompetenza tal-NEBs tal-UE fil-kuntest ta’ dewmien twil mal-wasla fid-destinazzjoni finali ta’ titjiriet ta’ konnessjoni diretti.

Kuntest ġuridiku:

1.   C-11/11, ECLI:EU:C:2013:106, “Folkerts” (1)

“33.

Minħabba li l-inkonvenjent jimmaterjalizza fir-rigward ta’ titjiriet li jkunu damu biex jaslu fid-destinazzjoni finali, il-Qorti ddeċidiet li dewmien għandu jiġi vvalutat għall-finijiet tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regoalment (KE) Nru 261/2004, fir-rigward tal-ħin tal-wasla ppjanat f’dik id-destinazzjoni (ara Sturgeon u Oħrajn, paragrafu 61, kif ukoll Nelson u Oħrajn, paragrafu 40).

34.

Il-kunċett ta’ ‘destinazzjoni finali’ huwa definit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 bħala id-destinazzjoni tal-biljett ippreżentat fiċ-check in jew, fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni diretti, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira.

35.

Jirriżulta li, fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni diretti, id-dewmien biss wara l-ħin skedat tal-wasla fid-destinazzjoni finali, mifhuma bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li jkun għamel il-passiġġier ikkonċernat, li huwa rilevanti għall-finijiet tal-kumpens fiss skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.”

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, Artikolu 16 Ksur

“1.

Kull Stat Membru għandu jinnomina organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti li jinstabu fit-territoju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz għal dawn l-ajruporti.. Fejn xieraq, dan l-organu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li d-drittijiet ta’ passiġġieri huma mħarsa. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni tal-organu li ġie nnominat skont dan il-paragrafu.

2.

Bla ħsara għall-Artikolu 12, kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe organu nnominat taħt il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe organu kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinstab f’dak it-territorju. (.)”

Eżempji possibbli  (2) :

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà:

Din il-lista ta’ eżempji jista’ jkun li mhix eżawrjenti u hija stipulata fuq il-fatt li tali itinerarji, li jinvolvu titjira ta’ konnessjoni waħda jew iktar li huma parti minn kuntratt ta’ trasport uniku, isiru mit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament u huma permessi skont Ftehimiet tas-Servizzi tal-Ajru eżistenti konklużi bejn l-Istati Membri tal-UE u/jew l-UE ma’ pajjiżi terzi.

Dawn l-eżempji jikkunsidraw biss sitwazzjonijiet “fil-każ ta’ titjiriet diretti ta’ konnessjoni, (.) id-dewmien biss wara l-ħin skedat tal-wasla fid-destinazzjoni finali”.

Qed jiġi preżunt li d-dewmien twil fid-destinazzjoni finali huwa dovut biss għal konnessjoni mitlufa, ebda tip ta’ inċident ieħor ma hu qed jiġi kkunsidrat u ma tapplika ebda ċirkustanza straordinarja oħra.

Vjaġġ 1 : Tluq minn SM A UE (Titjira 1), trasferiment fi SM B UE lejn destinazzjoni finali Ċ fl-UE (Titjira 2).

Skont l-Artikolu 16(1), l-NEB kompetenti hija dik tal-SM B. L-ammont tal-kumpens huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-vjaġġ kollu.

Vjaġġ 2 : Tluq minn SM A UE (Titjira 1), trasferiment f’ajruport ta’ pajjiż terz lejn destinazzjoni oħra f’pajjiż terz (Titjira 2).

Skont l-Artikolu 16(1), l-NEB kompetenti hija dik tal-SM A. L-ammont tal-kumpens huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-vjaġġ kollu.

Vjaġġ 3 : Tluq minn SM mhux fl-UE (Titjira 1 operata minn trasportatur tal-UE), trasferiment fi SM A UE lejn destinazzjoni finali fi SM B UE (Titjira 2).

Skont l-Artikolu 16(1), l-NEB kompetenti hija dik tal-SM A. L-ammont tal-kumpens huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-vjaġġ kollu.


(1)  L-iktar partijiet rilevanti huma enfasizzati b’tipa grassa.

(2)  UE (Unjoni Ewropea), SM (Stat Membru), NEB (Korp tal-Infurzar Nazzjonali).


Top