Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0931

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/931 tat-28 ta' Ġunju 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/3975

ĠU L 165, 2.7.2018, p. 13–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/09/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/931/oj

2.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/931

tat-28 ta' Ġunju 2018

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 325/2012 (2), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta' Mejju 2015 (3), il-miżuri ġew annullati sa fejn dawn kienu jikkonċernaw il-produttur esportatur Ċiniż Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (“Yuanping”). Wara l-implimentazzjoni ta' dik is-sentenza, il-Kummissjoni reġgħet imponiet miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Yuanping b'effett mit-30 ta' Novembru 2016 (4).

(3)

Il-miżuri eżistenti jieħdu l-forma ta' dazju ad valorem ta' bejn l-14,6 % u t-52.2 % fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Dwar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-RPĊ”), id-dazji jvarjaw bejn 14,6 % u 37,7 % għall-kumpaniji Ċiniżi li kkooperaw. Id-dazju antidumping applikabbli għall-pajjiż kollu huwa ta' 52,2 %. Dwar l-Indja, id-dazji jvarjaw bejn 22,8 % u 31,5 % għall-kumpaniji li kkooperaw. Id-dazju għall-pajjiż kollu huwa ta' 43,6 %.

1.2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri antidumping fis-seħħ (5), il-Kummissjoni rċeviet talba għat-tnedija ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ kontra l-pajjiżi kkonċernati, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(5)

It-talba ġiet ippreżentata fit-18 ta' Jannar 2017 minn Oxaquim S.A. (“l-applikant”) li jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-aċidu ossaliku.

(6)

It-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri aktarx li twassal għal tkomplija ta' dumping u r-rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(7)

Wara li stabbiliet li kien hemm biżżejjed evidenza biex jingħata bidu għal rieżami ta' skadenza, fit-12 ta' April 2017, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) l-Kummissjoni ħabbret it-tnedija ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“in-Notifika ta' Bidu”).

1.4.   Investigazzjoni

1.4.1.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(8)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' tkomplija jew ta' rikorrenza ta' dumping u ta' dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' April 2016 sal-31 ta' Marzu 2017 (il-“perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' tkomplija jew ta' rikorrenza ta' dannu kien ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar tal-PIR (il-“perjodu kkunsidrat”).

1.4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lill-produttur l-ieħor magħruf tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi magħrufa, lill-utenti u lill-operaturi tas-suq li kien magħruf li kienu kkonċernati, lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li jirrappreżentaw lill-produtturi u lill-utenti tal-Unjoni u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi, dwar it-tnedija tar-rieżami tal-iskadenza.

(10)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta' smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu. L-ebda parti interessata ma talbet seduta.

1.4.3.   Kampjunar

(11)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li setgħet tirrikorri għat-teħid ta' kampjun tal-partijiet interessati f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.4.3.1.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi

(12)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fl-Indja u fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-missjonijiet tal-Indja u tar-RPĊ għall-Unjoni sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(13)

Tliet produtturi esportaturi fl-Indja pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Għalhekk, ma kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u l-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarju lit-tliet kumpaniji kollha. Madankollu, żewġ kumpaniji Indjani biss bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju.

(14)

L-ebda kumpanija mir-RPĊ ma ppreżentat ruħha. Fit-18 ta' Mejju 2017 permezz ta' Note Verbale l-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ċiniżi li ma kienet irċeviet ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ. Għaldaqstant kienet biħsieba tibbaża s-sejbiet tagħha għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ma wasal l-ebda kumment.

1.4.3.2.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(15)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-aċidu ossaliku kien jiġi mmanifatturat minn żewġ produtturi biss fl-Unjoni. Għalhekk ma kienx hemm bżonn ta' kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni. Għalkemm il-kwestjonarji ntbagħtu liż-żewġ kumpaniji, l-applikant biss ipprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

1.4.3.3.   Kampjunar ta' importaturi mhux relatati

(16)

Biex tiddeċiedi jekk kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati kollha biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(17)

Seba' kumpaniji wieġbu għall-formola tal-kampjunar. Waħda minnhom biss indikat li kienet importat l-aċidu ossaliku mill-pajjiżi kkonċernati. Minħabba dan l-għadd limitat ta' kumpaniji, ma kienx meqjus li kien hemm bżonn ta' kampjunar.

1.5.   Kwestjonarji u żjarat ta' verifika

(18)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja biex tiġi determinata l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping, tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dannu u l-interess tal-Unjoni.

(19)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi magħrufa tal-Unjoni, lil tliet produtturi esportaturi Indjani, lill-utenti kollha magħrufa u lil seba' importaturi mhux relatati li wieġbu għall-formola ta' kampjunar.

(20)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarji mingħand żewġ produtturi esportaturi Indjani, produttur wieħed tal-Unjoni u ħames utenti.

(21)

Il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produttur tal-Unjoni:

Oxaquim S.A., Spanja

(b)

Produtturi esportaturi:

Star Oxochem Pvt. Ltd., l-Indja (“Star Oxochem”)

Radiant Indus Chem Pvt. Ltd., l-Indja (“Radiant”)

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(22)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu ossaliku, kemm jekk f'forma diidrata (numru CUS 0028635-1 u numru CAS 6153-56-6) jew f'forma anidra (numru CUS 0021238-4 u numru CAS 144-62-7) u kemm jekk f'soluzzjoni milwiema jew le, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2917 11 00 (kodiċi TARIC 2917110091) u li joriġina mill-Indja u mir-RPĊ (il-“prodott ikkonċernat”).

(23)

L-aċidu ossaliku jintuża f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju bħala aġent riduċenti u bjankatur, f'sinteżi farmaċewtiċi u fil-manifattura ta' sustanzi kimiċi.

(24)

Fl-investigazzjoni oriġinali, instab li hemm żewġ tipi ta' aċidu ossaliku; l-aċidu ossaliku mhux raffinat u l-aċidu ossaliku raffinat. L-aċidu ossaliku raffinat, li kien prodott fir-RPĊ iżda mhux fl-Indja, jiġi manifatturat permezz ta' proċess ta' purifikazzjoni tal-aċidu ossaliku mhux raffinat, bil-għan li jneħħi l-ħadid, il-kloruri, it-traċċi tal-metall u impuritajiet oħrajn. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mir-RPĊ, għall-investigazzjoni tar-rieżami kurrenti, kien preżunt li l-produtturi esportaturi fir-RPĊ immanifatturaw u esportaw aċidu ossaliku raffinat bħal fl-investigazzjoni oriġinali.

2.2.   Prodott simili

(25)

L-aċidu ossaliku prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, l-aċidu ossaliku prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Indja u tar-RPĊ u l-aċidu ossaliku importat fl-Unjoni mill-Indja u mir-RPĊ għandhom essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali bażiċi.

(26)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA' TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TA' DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(27)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti kinitx probabbli li twassal għal tkomplija jew għal rikorrenza ta' dumping mill-produtturi esportaturi Indjani u Ċiniżi.

(28)

Matul il-PIR, l-esportazzjonijiet tal-aċidu ossaliku mir-RPĊ u mill-Indja lejn l-Unjoni komplew għalkemm f'volumi aktar baxxi milli fil-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2010). Skont data tal-Eurostat, waqt il-PIR l-importazzjonijiet Ċiniżi u Indjani tal-aċidu ossaliku li daħlu fl-Unjoni kienu jirrappreżentaw madwar 16 % tas-suq.

3.2.   L-Indja

(29)

Hemm erba' produtturi magħrufa tal-aċidu ossaliku fl-Indja, li tnejn minnhom ipprovdew tweġiba għall-kwestjonarju. Abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha (7), il-Kummissjoni stmat li l-produzzjoni totali fl-Indja kienet tlaħħaq madwar 30 000 tunnellata metrika. Abbażi tad-data tal-gvern Indjan għall-2016-2017, l-esportazzjonijiet totali mill-Indja ġew stmati li jlaħħqu madwar 9 000 tunnellata metrika (8).

(30)

L-importazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni fil-PIR kienu limitati u kienu jlaħħqu bejn it-800 u d-900 tunnellata, abbażi ta' data mill-Eurostat u mill-gvern Indjan.

(31)

Il-bejgħ lejn l-Unjoni taż-żewġ produtturi Indjani li kkooperaw kien wieħed limitat ħafna, wara tnaqqis minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri. Il-produttur esportatur ewlieni mill-Indja matul il-PIR kien il-kumpanija li waqqfet il-kooperazzjoni tagħha billi ma weġbitx għall-kwestjonarju.

(32)

L-importazzjonijiet mill-Indja huma soġġetti wkoll għad-dazju TDK ta' 6,5 % (9).

3.2.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(a)    Valur normali

(33)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku taż-żewġ kumpaniji Indjani li kkooperaw kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott taħt rieżami, lejn l-Unjoni, matul il-PIR. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali taż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw tal-prodott simili fis-suq domestiku nstab li kien rappreżentattiv.

(34)

Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti mibjugħin fuq livell domestiku li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta' prodotti mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi b'bejgħ domestiku rappreżentattiv. Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta' prodott li huwa identiku jew komparabbli ma' tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-bejgħ taż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw kien rappreżentattiv.

(35)

Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profitabbli lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-PIR biex tiddeċiedi jekk tużax il-prezz tal-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(36)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profitabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ domestiku tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dan it-tip ta' prodott; u

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta' dak it-tip ta' prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

Fir-rigward taż-żewġ kumpaniji Indjani li kkooperaw f'din l-investigazzjoni, ġie stabbilit li l-ebda waħda minnhom ma kellha bejgħ li jissodisfa l-kriterji ta' hawn fuq.

(37)

Il-valur normali huwa l-prezz domestiku reali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku profitabbli biss tat-tipi ta' prodotti matul il-PIR, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profitabbli tat-tip ta' prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta' dan it-tip ta' prodott ikun inqas mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

Fir-rigward ta' kumpanija Indjana waħda li kkooperat, Radiant, li kienet tbigħ tip ta' prodott wieħed biss domestikament u għall-esportazzjoni, il-valur normali kien determinat abbażi ta' din il-metodoloġija u ntuża biss il-bejgħ profitabbli, li kien jammonata għal [10-15]% tal-bejgħ. Dawn il-kriterji ma kinux japplikaw għall-kumpanija Indjana l-oħra li kkooperat.

(38)

Fejn ma kienx hemm biżżejjed bejgħ jew ma kienx hemm bejgħ ta' tip ta' prodott tal-prodott simili fil-perkors normali tan-negozju, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali skont il-paragrafi (3) u (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Għal dawn it-tipi ta' prodotti, il-valur normali ġie kkalkolat billi mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produttur esportatur li kkoopera matul il-PIR ġew miżjuda:

(a)

l-ispejjeż medji ponderati tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (selling, general and administrative, “SG&A”) imġarrba mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-PIR; u

(b)

il-profitt medju ponderat magħmul mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-PIR.

(39)

Fir-rigward tal-kumpanija Indjana l-oħra, Star Oxochem, kienet tbigħ żewġ tipi ta' prodotti: wieħed biss domestikament u l-ieħor kważi esklussivament għall-esportazzjoni (bi ftit bejgħ domestiku). Għat-tip ta' prodott li kien esportat, ma kienx hemm bejgħ profitabbli. Il-valur normali ġie kkalkulat billi mal-kost medju tal-manifattura, ġew miżjuda l-kostijiet SG&A u l-perċentwal tal-profitt abbażi tal-bejgħ domestiku fil-perkors normali tan-negozju tat-tip ta' prodott mibjugħ domestikament, f'konformità mal-metodoloġija deskritta fil-premessa (38).

(40)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kostijiet tal-produzzjoni, l-applikant sostna li l-kost li għandu jiġi allokat għall-produzzjoni tal-aċidu ossaliku għandu jkun il-kost tal-produzzjoni tan-nitrat tas-sodju, wara li jitnaqqas id-dħul mill-bejgħ. Skont l-applikant, in-nitrat tas-sodju għandu jiġi ttrattat bħala prodott sekondarju u mhux bħala linja operatorja vijabbli separata. Abbażi tal-evidenza miġbura fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nitrat tas-sodju huwa prodott sekondarju minħabba li huwa prodott sekondarju derivat mill-proċess tal-manifattura tal-aċidu ossaliku. Mhuwiex il-prodott primarju li qed jiġi prodott. Prodott sekondarju huwa kummerċjabbli. Id-dħul mill-bejgħ tiegħu jeħtieġ li jitnaqqas mill-kost tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat, li jinkludi l-kost ta' produzzjoni għall-prodott sekondarju. Il-kost tal-produzzjoni ġie mmodifikat permezz ta' aġġustamenti rilevanti għal produttur Indjan wieħed sabiex in-nitrat tas-sodju jitqies bħala prodott sekondarju u mhux bħala linja operatorja vijabbli.

(b)    Prezz tal-esportazzjoni

(41)

Iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jesportaw lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(c)    Paragun

(42)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti hawn fuq, abbażi tal-prezz mill-fabbrika.

(43)

Fejn ġustifikat mill-ħtieġa li jkun żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, it-tqandil, it-tagħbija u kostijiet anċillari, l-imballaġġ, skontijiet, kostijiet ta' kreditu, tariffi bankarji u kummissjonijiet imħallsa mill-produttur esportatur li kkoopera. Il-livell ta' aġġustamenti għall-prezzijiet domestiċi kien fil-medda ta' 0-5 %. Fil-każ tal-prezz tal-esportazzjoni dan kien fil-medda ta' 10-25 %. Iż-żewġ produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw it-tnejn rċevew kalkoli dettaljati tal-aġġustamenti li saru fl-iżvelar speċifiku.

(44)

Fil-kuntest tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, iż-żewġ produtturi li kkooperaw indikaw li kienu bbenefikaw mill-Iskema Indjana għall-Esportazzjonijiet tal-Merkanzija mill-Indja (“MEIS”) (10). Il-MEIS hija skema tal-gvern tal-Indja li tipprovdi inċentiv fil-forma ta' skrip ta' kreditu ta' dazju lill-esportaturi biex jagħmel tajjeb għat-telf fuq il-ħlas tad-dazji. L-inċentiv jitħallas bħala perċentwal tal-valur tal-prezz frank abbord (“FOB”) realizzat (f'kambju ħieles) għal oġġetti speċifiċi li jkunu destinati għal swieq speċifiċi. Dan l-inċentiv għall-esportazzjoni mhuwiex aġġustament permissibbli għat-tqabbil tal-prezzijiet. Huwa ma jikkwalifikax bħala skema ta' restituzzjoni ta' dazju li għaliha jista' jkun ikkunsidrat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-regolament bażiku, minħabba li l-Artikolu 2(10)(b) jippermetti biss aġġustamenti għall-valur normali u mhux għall-prezz ta' esportazzjoni. Barra minn hekk, il-valur tal-iskrip ma jiġix ikkalkulat b'relazzjoni mal-ammont tad-dazji tal-importazzjoni li kieku jiġi inkorporat fl-esportazzjonijiet ta' prodotti downstream iżda, minflok, jiġi determinat bħala perċentwali tal-valur FOB tal-merkanzija esportata. Addizzjonalment, irrispettivament mill-kalkolu tal-valur tal-inċentiv, il-funzjonament tas-sistema ma jwassalx għal sitwazzjoni fejn it-taxxi fuq l-importazzjoni mħallsa fuq materjali fiżikament inkorporati fil-bejgħ domestiku tal-prodott simili jiġu rifużi jew ma jinġabrux meta l-istess produzzjoni tiġi esportata lejn l-Unjoni. Għar-raġunijiet kollha ta' hawn fuq, l-ebda aġġustament fuq il-valur normali jew il-prezz ta' esportazzjoni ma' jista' jkun aċċettat.

(45)

Produttur wieħed li kkoopera indika li kien ibbenefika wkoll mill-iskema tat-Taxxa Ċentrali fuq il-Valur Miżjud (“CENVAT”) (11). Taħt din l-iskema, manifattur tal-prodott finali jew fornitur ta' servizz taxxabbli jista' jieħu kreditu fuq id-dazji tas-sisa mħallsa, kif ukoll fuq it-taxxa tas-servizz imħallsa fuq kull input li jkun wasal fil-fabbrika jew kull servizz input li jkun wasal għand il-manifattur tal-prodott finali. Il-kumpanija ma wrietx li din l-iskema ma tapplikax bl-istess mod għall-prodotti finali mibjugħa fis-suq domestiku. Għalhekk, b'mod simili għall-iskema MEIS, din l-eżenzjoni fuq id-dazju tas-sisa mhijiex aġġustament permissibbli għat-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.

(46)

Għalhekk, ma sarux provvedimenti għall-iskema MEIS u s-CENVAT.

(47)

Iż-żewġ produtturi li kkooperaw talbu provvediment għall-konverżjoni tal-munita. Dan ġie rrifjutat minħabba li wara l-iffissar tal-prezzijiet ir-rati tal-kambju kienu għaddew minn fluttwazzjoni u għalhekk il-konverżjoni ma taffettwax it-tqabbil tal-prezz.

(d)    Marġini tad-dumping

(48)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ponderat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju ponderat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott taħt rieżami. Abbażi ta' din il-metodoloġija, il-marġini individwali tad-dumping li nstabu għaż-żewġ kumpaniji qed jintwerew fit-tabella hawn taħt:

Produttur esportatur

Marġni tad-dumping

Star Oxochem Pvt. Ltd.

12,40 %

Radiant Indus Chem Pvt. Ltd.

27,61 %

(e)    Konklużjoni

(49)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq ġie konkluż li l-produtturi esportaturi Indjani komplew jesportaw l-aċidu ossaliku lejn l-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping matul il-PIR.

3.2.2.   Żvilupp probabbli tal-importazzjonijiet f'każ ta' revoka tal-miżuri

(50)

Wara s-sejba li d-dumping kien kompla matul il-PIR, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk kienx hemm probabbiltà li l-volumi tal-esportazzjonijiet oġġett ta' dumping jiżdiedu f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Hija eżaminat il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva Indjani, l-imġiba tal-esportaturi Indjani fi swieq oħra u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(51)

Peress li kienu biss żewġ produtturi esportaturi fl-Indja li kkooperaw, l-elementi addizzjonali nġabru mill-fatti disponibbli kif spjegat hawn taħt.

(a)    Il-kapaċità ta' produzzjoni u ta' riżerva fl-Indja

(52)

Abbażi ta' data vverifikata tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, iż-żewġ produtturi Indjani li saritilhom żjara kellhom użu ta' aktar minn 75 % tal-kapaċità.

(53)

Kumplessivament, il-kapaċità totali tal-produtturi Indjani tal-aċidu ossaliku hija stmata li tlaħħaq madwar 40 000 tunnellata metrika, u l-kapaċità ta' riżerva ta' madwar 10 000 tunnellata metrika (12). Il-volum tal-kapaċità ta' riżerva huwa daqs il-konsum totali tal-Unjoni.

(b)    L-imġiba tal-esportaturi Indjani fis-swieq ta' pajjiżi terzi

(54)

Waqt il-PIR iż-żewġ kumpaniji Indjani li kkooperaw kellhom bejgħ b'esportazzjoni sinifikanti lejn il-bqija tad-dinja. Kumpanija waħda kienet tesporta l-maġġoranza tal-produzzjoni tagħha, filwaqt li l-oħra kienet tbigħ maġġoranza tal-produzzjoni tagħha domestikament.

(55)

Fil-każ tal-esportazzjonijiet Indjani globali, l-istatistika tal-gvern Indjan (13) tindika li bejn l-2016-2017 l-akbar destinazzjonijiet tal-esportazzjoni kienu l-Malasja, il-Messiku, il-Pakistan, ir-Russja u t-Tajwan. L-esportazzjonijiet lejn dawn il-ħames pajjiżi kien jlaħħqu l-5 700 tunnellata metrika. Abbażi tal-istatistika tal-gvern Indjan, il-prezz medju tal-esportazzjoni Indjan lejn l-Unjoni huwa ta' 7 % ogħla mill-prezz medju tal-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani lejn l-Unjoni huma ġeneralment ogħla mill-prezzijiet lejn il-bqija tad-dinja, ħlief notevolment lejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

(c)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(56)

Għalkemm l-Unjoni hija suq relattivament żgħir għall-aċidu ossaliku, tibqa' attraenti għall-produtturi esportaturi Indjani. Tabilħaqq, kif indikat fil-premessa hawn fuq, il-prezz medju tal-Unjoni huwa ta' 7 % ogħla milli lejn il-bqija tad-dinja. L-attraenza hija kkonfermata wkoll mill-fatt li minkejja l-livell relattivament għoli ta' dazji antidumping fis-seħħ, tlieta minn erba' produtturi esportaturi Indjani għadhom jesportaw lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, fit-tweġiba mhux kunfidenzjali tagħha għall-kwestjonarju kumpanija Indjana indikat b'mod espliċitu li “Is-suq tal-UE għandu potenzjal enormi u huwa attraenti f'termini ta' prezz tal-prodott”.

(d)    Konklużjoni

(57)

Minħabba l-kapaċità ta' riżerva disponibbli fl-Indja, il-livell ġenerali tal-prezzijiet tal-produtturi Indjani fi swieq terzi u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini ta' prezzijiet, huwa probabbli ħafna li fin-nuqqas ta' miżuri talanqas ftit mill-kapaċità disponibbli fl-Indja tista' tintuża għall-produzzjoni tal-aċidu ossaliku biex jiġi esportat lejn l-Unjoni jew li xi esportazzjonijiet lejn swieq terzi jiġu ridiretti lejn l-Unjoni meta wieħed iqis il-prezzijiet ogħla fis-suq tal-Unjoni.

(58)

Fis-sottomissjoni tagħha tat-23 ta' Ottubru 2017, kumpanija Indjana waħda li kkooperat sostniet li minħabba tnaqqis fil-produzzjoni mir-RPĊ il-kapaċità ta' riżerva tagħha kienet ibbukkjata kollha sa Marzu 2018. Indikat li t-tnaqqis fil-produzzjoni fir-RPĊ jista' jwassal għal pressjoni fuq is-suq tal-Unjoni. Madankollu, kif indikat fit-taqsima 3.3 hawn taħt, ma ġiex stabbilit li hemm tali tnaqqis fil-produzzjoni Ċiniża, u li anki kieku kien hemm, kieku taffettwa s-swieq dinjija u tal-Unjoni bl-istess mod.

(59)

B'mod ġenerali, huwa meqjus li f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu l-probabbiltà hi li l-kumpaniji Indjani jispiċċaw jesportaw kwantitajiet akbar lejn l-Unjoni milli attwalment jagħmlu u bi prezzijiet oġġett ta' dumping.

3.3.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(60)

Ir-RPĊ hija bil-bosta l-akbar pajjiż produttur tal-aċidu ossaliku fid-dinja bi produzzjoni stmata ta' [150 000-200 000] tunnellata metrika (14). L-esportazzjonijiet totali mir-RPĊ ilaħħqu madwar [25 000-50 000] tunnellata metrika. L-ebda produttur Ċiniż ma kkoopera f'din l-investigazzjoni u għalhekk is-sejbiet huma bbażati fuq l-aħjar fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(61)

Fit-28 ta' Novembru 2016, reġgħu ġew imposti l-miżuri għal Yuanping wara li dawn kienu ġew annullati mill-Qorti Ġenerali. Qabel din l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri Yuanping setgħet tesporta mingħajr dazji antidumping.

(62)

L-importazzjonijiet mir-RPĊ huma soġġetti għad-dazju TDK ta' 6,5 %.

3.3.1.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(a)    Pajjiż analogu

(63)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jiġi determinat abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq domestiku jew il-valur maħdum f'pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq (il-“pajjiż analogu”).

(64)

In-Notifika ta' Bidu pprevediet li l-Indja tintuża bħala pajjiż analogu. In-Notifika ta' Bidu indikat ukoll lill-Ġappun bħala pajjiż analogu potenzjali. F'Nota għall-fajl tat-18 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni indikat li l-Indja kienet se tintuża bħala pajjiż analogu. L-Indja hija l-pajjiż esportatur ewlieni tal-aċidu ossaliku lejn l-Unjoni. Hija soġġetta għall-istess investigazzjoni. Diġà serviet bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni antidumping inizjali. Barra minn hekk, żewġ produtturi esportaturi mill-Indja kkooperaw fl-investigazzjoni.

(65)

Ma waslu l-ebda kummenti f'dan ir-rigward.

(66)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Indja kienet pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament bażiku.

(b)    Valur normali

(67)

L-informazzjoni li waslet mingħand iż-żewġ produtturi li kkooperaw fil-pajjiż analogu ntużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Il-metodoloġija użata għal dan il-għan ġiet stabbilita fit-taqsima 3.2.1. Il-valur normali li ntuża għar-RPĊ kien il-valur normali medju ponderat bejn iż-żewġ kumpaniji Indjani.

(68)

F'konformità mal-investigazzjoni oriġinali, sar aġġustament għall-valur normali minħabba li minbarra l-aċidu ossaliku mhux raffinat, il-kumpaniji Ċiniżi jimmanifatturaw u jesportaw ukoll l-hekk imsejjaħ aċidu ossaliku “raffinat” lejn l-Unjoni, li ma jiġix prodott fil-pajjiż analogu l-Indja. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni u indikazzjoni dwar it-tipi prodotti u esportati matul il-PIR, abbażi tal-fatti disponibbli, abbażi ta' sejbiet fl-investigazzjoni oriġinali, biex isir aġġustament (aġġustament 'il fuq ta' 12 %) għall-valur normali medju ponderat taż-żewġ kumpaniji Indjani li kkooperaw.

(c)    Prezz tal-esportazzjoni

(69)

Fin-nuqqas ta' koperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni rrikorriet għal data statistika disponibbli bħala l-aħjar fatti disponibbli biex tiddetermina l-prezz tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-kalkoli tagħha billi tuża l-informazzjoni dwar il-prezzijiet mill-bażi tad-data Comext (Eurostat).

(70)

Fejn ġustifikat mill-ħtieġa sabiex jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Il-prezz medju tal-esportazzjoni għall-PIR ġie estratt mill-bażi tad-data tal-Eurostat. Il-prezz CIF ġie aġġustat lura għall-prezz mill-fabbrika abbażi tal-kostijiet attwali tat-trasport u tal-assigurazzjoni determinati abbażi ta' data verifikata mill-kumpaniji Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali (aġġustament ta' [15-20] %). Għandu jiġi nnotat li anke kieku ntużat id-data aktar reċenti mill-kumpaniji Indjani li kkooperaw u din ġiet aġġustata għad-distanza itwal ta' tbaħħir mill-portijiet Ċiniż, il-livell ta' aġġustament kien ikun simili ħafna (inqas minn differenza ta' punt perċentwali wieħed).

(d)    Paragun

(71)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz medju tal-esportazzjoni Ċiniż kif stabbilit hawn fuq abbażi tal-prezz mill-fabbrika.

(e)    Marġni tad-dumping

(72)

Fuq din il-bażi (aġġustamenti bbażati fuq data verifikata mill-kumpaniji Indjani li kkooperaw), il-marġni tad-dumping medju ponderat espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni waqt il-PIR, bid-dazju mhux imħallas, instab li kien ta' 8,7 %. Il-Kummissjoni osservat li kieku kienet ibbażat is-sejbiet tagħha fuq data mill-bażi tad-data dwar l-esportazzjoni taċ-Ċina, il-marġni tad-dumping li kien jinsab kien ikun wieħed ogħla.

(f)    Konklużjoni

(73)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet li d-dumping baqa' jsir fl-Unjoni minħabba li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu għadhom qed jesportaw l-aċidu ossaliku bi prezzijiet oġġett ta' dumping matul il-PIR.

3.3.2.   Żvilupp probabbli tal-importazzjonijiet f'każ ta' revoka tal-miżuri

(74)

Wara s-sejba li d-dumping kien kompla matul il-PIR, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk kienx hemm probabbiltà li l-volumi tal-esportazzjonijiet oġġett ta' dumping jiżdiedu f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(75)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, din l-analiżi saret fuq il-bażi tal-aħjar fatti disponibbli, jiġifieri abbażi tal-informazzjoni fit-talba għal rieżami u informazzjoni pubblikament disponibbli.

(76)

Il-Kummissjoni vvalutat il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva Ċiniżi, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(a)    Il-kapaċità ta' produzzjoni u ta' riżerva fir-RPĊ

(77)

Skont l-istatistika ppreżentata mill-applikant fit-talba għal rieżami, il-kapaċità annwali kombinata tal-produtturi Ċiniżi tlaħħaq madwar [150 000-200 000] tunnellata metrika. Il-konsum tal-aċidu ossaliku mis-suq intern fir-RPĊ ilaħħaq madwar [50 000-100 000] u l-esportazzjonijiet ilaħħqu madwar [25 000-50 000]. Għalhekk, jekk wieħed kellu jassumi li s-suq domestiku Ċiniż huwa fornut esklużivament minn produtturi Ċiniżi, il-kapaċità ta' riżerva tal-produtturi Ċiniżi hija stmata li tlaħħaq madwar [30 000-40 000] tunnellata metrika, li tirrapreżenta madwar 20 % tal-kapaċità totali tagħhom u tliet darbiet il-konsum stmat tal-Unjoni.

(78)

Filwaqt li kumpanija Indjana indikat li l-produzzjoni Ċiniża kienet ingħalqet minħabba tħassib ambjentali, fis-sottomissjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2017, l-applikant ikkontesta din id-dikjarazzjoni saħaq li tali tnaqqis seħħ qabel l-2013. Ma ngħatat l-ebda evidenza biex tissostanzja dawn id-dikjarazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma laqgħetx iż-żewġ dikjarazzjonijiet.

(b)    L-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fis-swieq ta' pajjiżi terzi

(79)

Sabiex tanalizza l-imġiba probabbli tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fin-nuqqas tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat il-livell tal-prezz fir-rigward tal-bejgħ b'esportazzjoni Ċiniż lejn il-bqija tad-dinja billi użat il-bażi tad-data dwar l-esportazzjoni taċ-Ċina. Fl-10 swieq ewlenin tal-esportazzjoni tar-RPĊ (bl-eċċezzjoni tal-Ġappun), il-prezz tal-esportazzjoni aġġustat għall-prezz mill-fabbrika kien ferm taħt il-valur normali li anke huwa kien stabbilit fil-livell tal-prezz mill-fabbrika, li kieku kien jindika imġiba ta' dumping fi swieq terzi. Bħala medja, il-prezz għall-bqija tad-dinja (fil-livell tal-prezz mill-fabbrika) huwa ta' 30 % inqas mill-valur normali, kif ukoll taħt il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn l-Unjoni.

(c)    L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(80)

Kif stabbilit hawn fuq fit-taqsima 3.2, is-suq tal-Unjoni huwa meqjus bħala wieħed żgħir iżda attraenti f'termini ta' prezzijiet. Barra minn hekk, minkejja d-dazji konvenzjonali u ta' antidumping fis-seħħ l-esportazzjonijiet Ċiniżi komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni.

(d)    Konklużjoni

(81)

Minħabba l-kapaċità ta' riżerva disponibbli fir-RPĊ, l-imġiba ġenerali tal-produtturi Ċiniżi fi swieq terzi u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini ta' prezzijiet, huwa probabbli li fin-nuqqas ta' miżuri talanqas ftit mill-kapaċità disponibbli fir-RPĊ tista' tintuża għall-produzzjoni tal-aċidu ossaliku għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew li xi esportazzjonijiet lejn swieq terzi jiġu ridiretti lejn l-Unjoni meta wieħed iqis il-prezzijiet ogħla fis-suq tal-Unjoni.

(82)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni qieset li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu huwa probabbli li l-kumpaniji Ċiniżi jispiċċaw jesportaw kwantitajiet akbar lejn l-Unjoni milli attwalment jagħmlu u bi prezzijiet oġġett ta' dumping.

3.4.   Konklużjoni dwar id-dumping

(83)

Bħala konklużjoni, il-kapaċità kbira ta' produzzjoni stmata, il-kapaċità kbira ta' riżerva flimkien mal-livelli tal-prezzijiet fi swieq oħra tal-esportazzjoni u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, jindikaw il-probabbiltà li revoka tal-miżuri x'aktarx twassal għal żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Meta wieħed iqis il-marġni tad-dumping stabbilit matul il-PIR għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati, hemm ukoll il-probabbiltà li l-esportazzjonijiet futuri jsiru bi prezzijiet li jindikaw livelli elevati ferm ta' dumping.

(84)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu d-dumping mill-Indja u mir-RPĊ kien sejjer ikompli.

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni ta' industrija tal-Unjoni u ta' produzzjoni tal-Unjoni

(85)

L-industrija tal-Unjoni għadha magħmula mill-istess impjanti bħal dawk matul l-investigazzjoni oriġinali. Il-prodott ikkonċernat jiġi manifatturat minn żewġ produtturi magħrufa tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami: Oxaquim S.A. (“Oxaquim”) u WeylChem Lamotte S.A.S. (“WeylChem”) (15). Bħala tali Oxaquim kien jirrappreżenta proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-aċidu ossaliku tal-Unjoni matul il-perjodu ta' rieżami (aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni). WeylChem ma oġġezzjonax għat-tnedija tal-investigazzjoni tar-rieżami iżda ddeċieda li ma jikkooperax. Attwalment ma hemmx produtturi oħra tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Abbażi ta' dan, iż-żewġ produtturi Oxaquim u WeylChem jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Minn hawn 'il quddiem se jissejħu “l-industrija tal-Unjoni”.

(86)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni ġiet stabbilita abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża l-informazzjoni provduta fit-talba għal rieżami ta' skadenza, id-data li nġabret qabel u wara li nbdiet l-investigazzjoni u l-informazzjoni li nkisbet mill-produttur tal-Unjoni li kkoopera. Din l-informazzjoni ppermettiet li tiġi kkonfermata l-eżistenza u l-livell ta' produzzjoni anke tal-produttur li ma kkooperax fl-investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR ġiet stmata għal madwar 15 000 u 20 000 tunnellata (16).

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(87)

Il-konsum ġie stabbilit abbażi tal-volum ta' importazzjonijiet, u l-volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni, inkluża data verifikata għal Oxaquim u stima għal WeylChem abbażi tal-Eurostat.

(88)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni

Konsum totali

2013

2014

2015

2016

PIR

Tunnellata

11 544

11 803

10 315

10 175

10 482

Indiċi (2013 = 100)

100

102

89

88

91

Sors: Eurostat, tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju, stima għall-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax

(89)

Il-konsum tal-Unjoni naqas matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri minn 11 544 tunnellata fl-2013 għal 10 482 tunnellata matul il-PIR, jew b'9 %.

4.2.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja u mir-RPĊ

Tabella 2

Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja u mir-RPĊ

Volumi tal-importazzjonijiet (tunnellati)

2013

2014

2015

2016

PIR

L-Indja u r-RPĊ

2 633

2 397

1 818

1 855

1 658

Indiċi (2013 = 100)

100

91

69

70

63

% tas-sehem mis-suq

22,8

20,3

17,6

18,2

15,8

Sors: Eurostat

(90)

Il-volumi tal-importazzjonijiet mill-Indja u mir-RPĊ naqsu minn 2 633 tunnellata fl-2013 għal 1 658 tunnellata fil-PIR, jiġifieri b'37 %, bi tnaqqis korrispondenti fis-sehem mis-suq minn 22,8 % għal 15,8 %, jiġifieri tnaqqis ta' 7 punti perċentwali matul il-perjodu ikkunsidrat.

(91)

Filwaqt li l-volumi tal-importazzjoni u s-sehem mis-suq mill-Indja u mir-RPĊ naqsu, il-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati xorta rnexxielhom iżommu sehem konsiderevoli mis-suq.

4.2.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet u twaqqigħ tal-prezzijiet

Tabella 3

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-Indja u mir-RPĊ

Prezz tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

2013

2014

2015

2016

PIR

L-Indja u r-RPĊ

745

645

769

724

718

Indiċi (2012 = 100)

100

87

103

97

96

Sors: Eurostat

(92)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati l-ewwel naqsu minn EUR 745/tunnellata fl-2013 għal EUR 645/tunnellata fl-2014, iżda fl-2015 żdiedu għal EUR 769/tunnellata. Huma reġgħu naqsu fl-2016 kif ukoll fil-PIR fejn laħqu livell ta' EUR 718/tunnellata. Kumplessivament, it-tnaqqis bejn l-2013 u l-PIR kien ta' 4 %.

(93)

It-tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni sar bejn il-prezzijiet tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Il-prezzijiet tal-bejgħ rilevanti tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera kienu dawk għal klijenti indipendenti, aġġustati fejn meħtieġ għal livell tal-prezz mill-fabbrika, jiġifieri esklużi l-kostijiet tat-trasport fl-Unjoni u wara t-tnaqqis tal-iskontijiet u tar-ribassi.

(94)

Dawn il-prezzijiet ġew imqabbla mal-prezzijiet mitluba mill-produtturi esportaturi Indjani u dawk Ċiniżi aġġustati għas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni. Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mir-RPĊ il-prezz kien ibbażat fuq data mill-Eurostat peress li tipprovdi prezzijiet ikkwotati f'livell ta' CIF fil-fruntiera tal-Unjoni. Il-prezz CIF imbagħad ġie aġġustat 'il fuq għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni, jiġifieri ta' żdoganar, dazju doganali konvenzjonali u dazju antidumping, kostijiet ta' mmaniġġjar u ta' tagħbija tal-merkanzija.

(95)

Ġie osservat li l-prezzijiet tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera naqsu b'10 % fil-perjodu ta' bejn l-2013 u l-PIR (ara t-Tabella 7), filwaqt li t-tnaqqis kien inqas qawwi għall-oġġetti importati mill-pajjiżi kkonċernati, ta' madwar 3,6 % għar-RPĊ u ta' 6 % għall-Indja. Madankollu, id-differenza fil-prezz bejn l-oġġetti importati u l-oġġetti prodotti fl-Unjoni baqgħet għolja u wasslet għal twaqqigħ sinifikanti tal-prezz matul il-PIR. Ir-riżultat tat-tqabbil, meta espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni matul il-PIR, wera twaqqigħ medju ponderat tal-prezz. Il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz għar-RPĊ kien stabbilit bħala 8 % (17), u għaż-żewġ produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw it-twaqqigħ tal-prezz kien stabbilit bħala 7,1 % u ta' 6,6 % rispettivament.

4.3.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.3.1.   Kummenti ġenerali

(96)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(97)

Kif imsemmi fil-premessa (15), ma ntuża l-ebda kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(98)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi relatati mal-industrija sħiħa tal-Unjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant fit-talba għal rieżami ta' skadenza, mill-istatistika dwar il-kummerċ u mid-data miġbura wara l-bidu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi mikroekonomiċi li kienu relatati biss mal-produttur tal-Unjoni li kkoopera, Oxaquim, abbażi tad-data inkluża fit-tweġiba għall-kwestjonarju li ġiet ivverifikata. Iż-żewġ settijiet ta' data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(99)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-produttività u d-daqs tal-marġni tad-dumping.

(100)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss ta' flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti.

(101)

Meta wieħed iqis il-fatt li d-data għall-analiżi tad-dannu ġejja primarjament minn sors wieħed biss, id-data relatata mal-industrija tal-Unjoni kellha tiġi indiċjata sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

4.3.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.3.2.1.   Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità

(102)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Volum ta' produzzjoni

100

114

114

116

124

Kapaċità ta' produzzjoni

100

100

100

100

108

Użu tal-kapaċità

100

114

114

116

115

Sors: Tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju u stima għall-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax

(103)

Il-produzzjoni żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat l-volum tal-produzzjoni żdied b'24 %.

(104)

Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat minħabba investimenti.

(105)

Bħala riżultat taż-żieda kemxejn ogħla fil-volum tal-produzzjoni milli fil-kapaċità ta' produzzjoni, l-użu tal-kapaċità żdied bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.2.2.   Volum tal-bejgħ lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni u sehem mis-suq

(106)

Il-volum tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati u sehem mis-suq

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Volum tal-bejgħ

100

103

95

89

94

Sehem mis-suq

100

101

106

101

103

Sors: Eurostat, tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju u stima għall-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax

(107)

Il-volum tal-bejgħ naqas b'6 % matul il-perjodu kkunsidrat, wara t-tnaqqis ta' 9 % fil-konsum tal-Unjoni deskritt fil-premessa (91). Għalkemm il-volumi tal-bejgħ naqsu, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Din iż-żieda tikkorrispondi għat-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja u mir-RPĊ.

4.3.2.3.   Impjiegi, produttività u kost tal-manodopera

(108)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Impjiegi, produttività u kost tal-manodopera

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Għadd ta' impjegati

100

105

100

112

117

Produttività

100

108

113

103

105

Kostijiet tal-manodopera medji għal kull impjegat

100

101

104

108

111

Sors: Tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju, stima għall-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax

(109)

Kumplessivament l-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni żdiedu bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat, li huwa konformi maż-żieda fil-volum tal-produzzjoni ta' 24 % matul l-istess perjodu.

(110)

Bejn l-2013 u l-PIR, il-kostijiet tal-manodopera medji għal kull impjegat tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera żdiedu bi 11 %.

4.3.2.4.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping tal-passat

(111)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-marġni individwali tad-dumping misjuba għall-produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw kif ukoll għall-importazzjonijiet Ċiniżi kienu għadhom sostanzjali (ara l-premessi (48) u (72) hawn fuq).

(112)

Madankollu, minkejja l-fatt li kien għad hemm dumping mill-Indja u mir-RPĊ, l-analiżi tal-indikaturi tad-dannu turi li l-miżuri fis-seħħ kellhom impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni.

4.3.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.3.3.1.   Kummenti ġenerali

(113)

L-analiżi tal-indikaturi mikroekonomiċi (prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni, il-ħażniet, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment) saret fil-livell tal-uniku produttur tal-Unjoni li kkoopera.

4.3.3.2.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(114)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

Prezzijiet medji tal-bejgħ u kostijiet unitarji

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Prezz medju tal-bejgħ għal kull unità fl-Unjoni

100

88

90

91

90

Kost unitarju tal-produzzjoni

100

81

89

82

80

Sors: Tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju

(115)

Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas b'10 % matul il-perjodu kkunsidrat. Sa ċertu punt dan it-tnaqqis segwa t-tnaqqis ta' 20 % fil-kost tal-produzzjoni fil-PIR.

(116)

L-investigazzjoni wriet li t-tnaqqis fil-kost kien prinċipalment dovut għat-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima matul il-perjodu kif ukoll għall-ottimizzazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni permezz ta' investimenti f'titjib teknoloġiku.

4.3.3.3.   Inventarji

(117)

Il-livelli tal-istokks tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Inventarji

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Stokks tal-għeluq

100

27

11

13

49

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

2,8

0,7

0,3

0,3

1,1

Sors: Tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju

(118)

Minħabba n-natura tal-prodott ikkonċernat, l-istokks huma żgħar ħafna. Peress li l-prodott ikkonċernat jiddeterjora malajr, il-produtturi jipproduċu oġġetti għal trasportazzjoni immedjata. Għalhekk, dan l-indikatur ma tantx huwa sinifikanti għad-deskrizzjoni tal-kundizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.3.3.4.   Profitabbiltà, fluss ta' flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

Tabella 9

Profitabbiltà, fluss ta' flus, investimenti u redditu fuq l-investiment

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

2016

PIR

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati

100

267

134

305

332

Fluss ta' flus

100

144

110

149

165

Investimenti

100

56

194

328

247

Redditu fuq l-investiment

100

281

144

283

333

Sors: Tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju

(119)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profitabbiltà tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profitabilità tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'mod stabbli li tirrifletti t-tnaqqis akbar fil-kost tal-produzzjoni meta mqabbel mal-prezz tal-bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat kif spjegat fil-premessa (116).

(120)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha. Il-fluss tal-flus żdied matul il-perjodu kkunsidrat, ħlief fl-2015 meta naqas. Il-fluss tal-flus nett kumplessiv żdied b'65 % matul il-perjodu kkunsidrat, f'konformità maż-żieda fil-profitabbiltà.

(121)

L-investimenti żdiedu b'147 % matul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2014 meta naqsu b'44 % meta mqabbla mal-2013. L-investimenti servew prinċipalement biex iżidu l-kapaċità u għaldaqstant l-esportazzjonijiet sabiex tibqa' kompetittiva fis-suq dinji iżda wasslu wkoll għal titjieb teknoloġiku, kwalità ogħla, rendiment aħjar u anqas konsum tal-materja prima u għalhekk wasslu għal produttività mtejba u aktar ħarsien tal-ambjent.

(122)

Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investiment mill-produzzjoni u mill-bejgħ tal-prodott simili kien pożittiv, li jirrifletti x-xejra fil-profittabilità.

4.3.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(123)

L-investigazzjoni wriet li l-impożizzjoni ta' miżuri mill-2011 ippermettiet li l-industrija tal-Unjoni tirkupra mid-dannu li ġarrbet.

(124)

L-indikaturi tad-dannu juru xejra pożittiva għall-industrija tal-Unjoni.

(125)

Il-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat (b'332 % bejn l-2013 u l-PIR). Dan huwa titjib konsiderevoli meta mqabbel mal-livell baxx jew negattiv ta' profittabilità osservat bejn l-2007 u l-2011 (il-perjodu kkunsidrat fl-investigazzjoni oriġinali). Dawn il-profitti, li huma parzjalment marbuta wkoll mat-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima, ippermettew li l-industrija tal-Unjoni tagħmel xi investimenti, flimkien ma' tnaqqis tal-ħela u tnaqqis tal-impatt ambjentali.

(126)

Minkejja l-fatt li matul il-perjodu ikkunsidrat il-konsum fl-Unjoni naqas b'9 %, il-volum tal-produzzjoni żdied b'24 % u l-kapaċità ta' produzzjoni bi 8 % filwaqt li l-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqas b'6 %. Fil-PIR is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 3 % biss meta mqabbel mal-2013. Anke l-bejgħ b'esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied matul il-perjodu kkunsidrat.

(127)

L-investimenti żdiedu b'147 % matul il-perjodu kkunsidrat u r-redditu fuq l-investimenti bi 333 %.

(128)

Il-produttività tjiebet matul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-perjodu kkunsidrat anke l-impjiegi żdiedu f'konformità mal-volumi ta' produzzjoni.

(129)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   PROBABILITÀ TA' RIKORRENZA JEW TA' TKOMPLIJA TAD-DANNU

(130)

Peress li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, ġie vvalutat jekk hemmx il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dannu jekk il-miżuri kontra l-Indja u r-RPĊ jitħallew jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(131)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċitajiet ta' riżerva fl-Indja u fir-RPĊ, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-impatt possibbli tal-iżvilupp fil-prezzijiet tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani u Ċiniżi kif ukoll l-impatt ta' tali żvilupp fuq il-volumi ta' bejgħ, fuq il-prezzijiet u fuq il-profitabilità tal-industrija tal-Unjoni.

(132)

Fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjoni, l-investigazzjoni wriet li minkejja l-miżuri antidumping fis-seħħ, matul il-perjodu kkunsidrat kien għad hemm twaqqigħ kostanti tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'każ ta' revoka tal-miżuri fis-seħħ u jekk wieħed kellu jassumi li l-prezz tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni jibqgħu l-istess bħalma kienu matul il-PIR, il-prezzijiet tal-importazzjoni jispiċċaw iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'bejn 12 % u 34,1 %. Minħabba f'hekk, hemm il-probabbiltà li l-industrija tal-Unjoni titlef mill-volum tal-bejgħ kif ukoll mis-sehem tas-suq fis-suq tal-Unjoni.

(133)

Fir-rigward tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u l-kapaċitajiet ta' riżerva fl-Indja u fir-RPĊ, ittieħdet inkunsiderazzjoni l-analiżi li saret fil-premessi (52), (53), (77) u (78). Din l-analiżi wriet li r-RPĊ tiddisponi minn kapaċità sinifikanti ta' riżerva u l-kapaċità ta' riżerva tal-Indja hija daqs jew akbar mid-daqs totali tas-suq Ewropew. Il-probabbiltà hi li d-domanda interna u s-swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi u dawk Indjani minbarra s-suq tal-Unjoni mhumiex se jkunu kapaċi jassorbu l-kapaċità ta' riżerva kollha.

(134)

Fl-aħħar nett, kif osservat fil-premessi (54), (55), (56), (79) u (80), is-suq tal-Unjoni għall-aċidu ossaliku huwa attraenti u f'każ ta' revoka tal-miżuri fis-seħħ hemm inċentiv għall-produtturi Indjani u Ċiniżi biex jittrasferixxu l-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra lejn is-suq tal-Unjoni fejn il-prezzijiet huma ogħla.

(135)

Huwa meqjus li fin-nuqqas ta' miżuri, importazzjonijiet potenzjalment sinifikanti ta' prodotti oġġetti ta' dumping mill-Indja u mir-RPĊ idgħajfu l-industrija tal-Unjoni u jheddu l-vijabilità u s-sopravivenza tagħha.

(136)

Biex tivvaluta l-impatt probabbli ta' tali importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi mill-pajjiżi kkonċernati fuq l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni l-ewwel ħarset lejn telf potenzjali mis-sehem tas-suq tagħha. Hija ssimulat l-impatt possibbli f'każ li l-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati jimportaw l-istess kwantitajiet bħal fil-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali, jiġifieri, qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, dan il-volum ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat kien biżżejjed biex jikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(137)

Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati u dawk tal-industrija tal-Unjoni kienu se jibqgħu l-istess bħalma kienu matul il-PIR. Barra minn hekk il-Kummissjoni assumiet li l-volumi ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati l-ewwel jakkwistaw is-sehem mis-suq ta' pajjiżi terzi oħra u mbagħad is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. B'dawn is-suppożizzjonijiet, l-analiżi msemmija fil-premessa (136) wriet li f'każ li l-miżuri jiġu revokati u l-importazzjonijiet Ċiniżi u Indjani jilħqu l-livelli tal-volum li kellhom matul il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali, il-produttur tal-Unjoni li kkoopera kien se jagħmel telf u jerġa' jkun hemm rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(138)

L-investigazzjoni wriet li f'każ li l-miżuri jiġu revokati u l-importazzjonijiet Ċiniżi u Indjani jilħqu l-livelli tagħhom matul il-PI oriġinali, il-produttur tal-Unjoni li kkoopera jerġa' jibda jagħmel telf u jerġa' jkun hemm rikorrenza tad-dannu.

(139)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li hemm probabbiltà kbira li n-nuqqas ta' miżuri x'aktarx li se jwassal għal żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Indja bi prezzijiet oġġett ta' dumping u jista' jwassal għal rikorrenza ta' dannu materjali.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   Kummenti preliminari

(140)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri eżistenti kontra l-Indja u r-RPĊ tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

6.2.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(141)

Mill-investigazzjoni rriżulta li matul il-PIR l-industrija tal-Unjoni kienet irkuprat mid-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja u mir-RPĊ. Madanakollu, f'każ ta' revoka tal-miżuri kontra l-Indja u r-RPĊ, huwa probabbli li jkun hemm rikorrenza tad-dannu minħabba li l-industrija tal-Unjoni tiġi esposta għal importazzjonijiet oġġett ta' dumping potenzjalment f'volumi sinifikanti u li jqiegħdu pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet. Minħabba f'hekk, il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx tiddeterjora b'mod sinifikanti għar-raġunijiet deskritti aktar 'il fuq. Għall-kuntrarju, iż-żamma tal-miżuri ġġib ċertezza fis-suq, li tippermetti li l-industrija tal-Unjoni żżomm il-qagħda ekonomika pożittiva tagħha u tkompli bl-investimenti u bil-pjanijiet ta' tkabbir tagħha.

(142)

Abbażi ta' dan il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tkomplija tal-miżuri antidumping fis-seħħ tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.3.   Interess ta' importaturi mhux relatati

(143)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kooperazzjoni minn importaturi mhux relatati matul l-investigazzjoni.

(144)

Abbażi ta' dan, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li ż-żamma tal-miżuri kien se jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.4.   Interess tal-utenti

(145)

Intbagħtu kwestjonarji lil utenti magħrufa. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba mingħand ħames utenti biss tal-prodott ikkonċernat, għalkemm il-prodott ikkonċernat jintuża f'ħafna industriji. Żewġ utenti bagħtu lura tweġibiet kompluti għall-kwestjonarju; żewġ utenti oħra bagħtu biss tabelli mimlija u utent wieħed ipprovda kummenti.

(146)

L-ebda utent ma oppona l-estensjoni tal-miżuri u erba' minnhom ddikjaraw b'mod ċar li huma favur iż-żamma tal-miżuri antidumping attwali.

(147)

Minħabba li l-Kummissjoni ma rċeviet ebda oppożizzjoni mill-utenti, jidher improbabbli li ż-żamma tal-miżuri antidumping se jkollha impatt negattiv fuq l-utenti tal-Unjoni li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

6.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(148)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti bbażati fuq l-interess tal-Unjoni għat-terminazzjoni tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-RPĊ.

7.   DIVULGAZZJONI

(149)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha żżomm il-miżuri eżistenti kontra l-Indja u r-RPĊ. Ingħataw ukoll perjodu ta' żmien biex jissottomettu kummenti wara dik id-divulgazzjoni. Il-Kummissjoni rċeviet biss kummenti mingħand l-industrija tal-Unjoni. Dawn il-kummenti ġew analizzati u kkunsidrati fejn kien xieraq.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(150)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tat-tkomplija/rikorrenza ta' dumping u t-tkomplija/rikorrenza ta' dannu kif deskritt hawn fuq isegwi li, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-RPĊ, imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 325/2012 għandhom jinżammu.

(151)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (18). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk it-tibdil fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż dwar it-tibdil tal-isem għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(152)

Fid-dawl tal-każistika reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (19), huwa xieraq li tiġi prevista r-rata tal-imgħax ta' inadempjenza li jrid jitħallas f'każ ta' rimborż ta' dazji definittivi, minħabba li d-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ rigward id-dazji doganali ma jipprevedux tali rata ta' mgħax, u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali jwasslu għal distorsjonijiet mhux dovuti bejn l-operaturi ekonomiċi skont liema Stat Membru jintgħażel għall-iżdoganar tal-merkanzija.

(153)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku, kemm jekk f'forma diidrata (numru CUS 0028635-1 u numru CAS 6153-56-6) jew f'forma anidra (numru CUS 0021238-4 u numru CAS 144-62-7) u kemm jekk f'soluzzjoni milwiema jew le, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2917 11 00 (kodiċi TARIC 2917110091) u li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji li ġejjin għandha tkun din li ġejja:

Pajjiż

Kumpanija

% tar-rata tad-dazju anti-dumping (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

L-Indja

Punjab Chemicals and Crop Protection Limited

22,8

B230

Star Oxochem Pvt. Ltd

31,5

B270

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

43,6

B999

Ir-RPĊ

Shandong Fengyuan Chemicals Stock Co., Ltd; Shandong Fengyuan Uranus Advanced Material Co., Ltd

37,7

B231

Yuanping Changyuan Chemicals Co., Ltd

14,6

B232

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

52,2

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rata tad-dazju individwali speċifikata għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtorità doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali. L-imgħax ta' inadempjenza li għandu jitħallas f'każ ta' rimborż li jwassal għal dritt ta' ħlas ta' mgħax ta' inadempjenza għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, b'żieda ta' punt perċentwali wieħed.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 325/2012 tat-12 ta' April 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 106, 18.4.2012, p. 1).

(3)  Il-Kawża T-310/12 Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2081 tat-28 ta' Novembru 2016 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodott minn Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (ĠU L 321, 29.11.2016, p. 48).

(5)  ĠU C 329, 7.9.2016, p. 4

(6)  Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 117, 12.4.2017, p. 15).

(7)  L-informazzjoni ngħatat miż-żewġ produtturi esportaturi u mis-sorsi li ġejjin: data mit-talba għal rieżami ta' skadenza, formula mhux verifikata ta' kampjunar minn produttur esportatur ieħor, u data mill-investigazzjoni oriġinali. L-użu tal-kapaċità għaż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw ittieħed bħala stima għaż-żewġ produtturi esportaturi magħrufa l-oħra.

(8)  Ara s-sottomissjoni mhux kunfidenzjali tal-kumpanija Star Oxochem fit-23 ta' Ottubru 2017.

(9)  Tariffa Doganali Komuni. Ir-rata konvenzjonali tad-dazju għall-Aċidu ossaliku 2917 11 00, mlieħ u l-esteri tiegħu hija ta' 6,5 %. Ara r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta' Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 294, 28.10.2016, p. 1) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, 31.10.2017, p. 1).

(10)  L-iskema MEIS kienet introdotta fl-2015 biex tissostitwixxi skemi preċedenti. https://www.eepcindia.org/MEIS/about-MEIS-scheme.aspx

(11)  https://archive.india.gov.in/business/taxation/modvat.php Fl-1 ta' Lulju 2017 l-Indja introduċiet it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi tagħha, li ħadet post diversi taxxi fosthom is-CENVAT.

(12)  Ara n-nota 7 f'qiegħ il-paġna.

(13)  Ara s-sottomissjoni mhux kunfidenzjali tal-kumpanija Star Oxochem fit-23 ta' Ottubru 2017.

(14)  Stima mit-talba għal rieżami ta' skadenza. Ġie nnotat li l-istimi jvarjaw, u li l-Kummissjoni għamlet użu minn stima konservattiva. L-informazzjoni ngħatat f'meded mill-applikant bħala informazzjoni propja dwar is-suq. Is-sors tas-suq tad-data huwa kunfidenzjali, u d-divulgazzjoni ta' ċifra speċifika tista' tagħti vantaġġ lil kompetituri.

(15)  Fl-2014 l-impjant Franċiż li jipproduċi l-prodott ikkonċernat li kien jappartjeni għall-grupp Żvizzeru Clariant S.A. nbiegħ lil investitur ġdid WeylChem. Madankollu, ma ġie rrapportat l-ebda tibdil strutturali.

(16)  Iċ-ċifri kollha huma ppreżentati f'forma indiċjata jew mogħtija bħala meded biex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tal-produttur tal-Unjoni li kkoopera fl-investigazzjoni.

(17)  Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mir-RPĊ dawn il-kalkoli kienu bbażati fuq data mill-Eurostat.

(18)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.

(19)  Sentenza f'Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, il-paragrafi minn 35 sa 39.


ANNESS

Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) għandha tidher dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li tkun qiegħda toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

(1)

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li ħarġet il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta' aċidu ossaliku mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

Data u firma


Top