This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32001L0086
Council Directive 2001/86/EC of 8 October 2001 supplementing the Statute for a European company with regard to the involvement of employees
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema
ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22–32
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/86/oj
Official Journal L 294 , 10/11/2001 P. 0022 - 0032
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta emendata mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) Sabiex jilħaq l-għanijiet tat-Trattat, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 [4] jistabbilixxi Statut għal kumpanija Ewropea (SE). (2) Dan ir-Regolament għandu l-għan illi joħloq qafas legali uniformi fejn il-kumpaniji minn Stati Membri differenti jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu r-riorganizzazzjoni tan-negozju tagħhom fuq livell Komunitarju. (3) Sabiex jitmexxew 'il quddiem l-għanijiet soċjali tal-Komunità, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali, notabbilment fil-qasam ta' l-involviment tal-ħaddiema, immirati sabiex jiżguraw illi l-istabbiliment ta' SE ma jġibx miegħu l-għibien jew it-tnaqqis tal-prattiki ta' l-involviment tal-ħaddiema li jeżistu fil-kumpaniji parteċipanti fl-istabbiliment ta' SE. Dan il-għan għandu jiġi segwit billi jiġi stabbilit sett ta' regoli f'dan il-qasam, illi jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament. (4) Ġaladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, kif deskritta fil-qosor hawn fuq, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, billi l-għan huwa illi jiġi stabbilit sett ta' regolamenti dwar l-involviment tal-ħaddiema li japplika għas-SE, u għalhekk jista', għar-raġuni ta' l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif iddikjarat f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hemm minn dak illi huwa meħtieġ sabiex jiġu miksuba dawn l-għanijiet. (5) Id-diversità kbira fir-regoli u l-prattiki illi teżisti fl-Istati Membri rigward il-manjiera li fiha r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet ġewwa l-kumpaniji tagħmilha mhux tal-parir illi jiġi stabbilit mudell wieħed Ewropew ta' l-involviment tal-ħaddiema li jista' japplika għas-SE. (6) Għandhom madankollu jiġu żgurati l-proċeduri dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni fuq il-livell transnazzjonali fil-każijiet kollha tal-ħolqien ta' SE. (7) Jekk u meta jeżistu d-drittijiet tal-parteċipazzjoni f'kumpanija jew aktar li jistabbilixxu SE, dawn għandhom jiġu ppriservati permezz tat-trasferiment tagħhom fis-SE, meta din tiġi stabbilita, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu xorta oħra. (8) Il-proċeduri konkreti dwar it-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-ħaddiema, kif ukoll, jekk tapplika, il-parteċipazzjoni, għalbiex japplikaw għal kull SE għandhom jiġu definiti primarjament permezz ta' ftehim bejn il-partijiet interessati jew, fl-assenza tagħhom, permezz ta' l-applikazzjoni ta' sett ta' regoli sussidjarji. (9) L-Istati Membri għandha tibqgħalhom l-għażla li ma japplikawx ir-regoli standard illi għandhom x'jaqsmu mal-parteċipazzjoni fil-każ ta' inkorporazzjoni, mogħtija d-diversità tas-sistemi nazzjonali dwar l-involviment tal-ħaddiema. Is-sistemi u l-prattiki eżistenti tal-parteċipazzjoni fejn xierqa fil-livell tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jinżammu f'dan il-każ billi jiġu addattati r-regoli eżistenti. (10) Ir-regoli tal-votazzjoni ġewwa l-korp speċjali li jirrappreżenta lill-ħaddiema għall-għanijiet tan-negozjati, b'mod partikolari meta jiġu konklużi ftehimijiet li jipprovdu livell ta' parteċipazzjoni iktar baxx minn dak il-wieħed li jkun jeżisti ġewwa kumpanija parteċipanti jew aktar, għandhom ikunu proporzjonati skond ir-riskju tal-għibien jew it-tnaqqis tas-sistemi u l-prattiki eżistenti tal-parteċipazzjoni. Dan ir-riskju huwa akbar fil-każ ta' SE stabbilita permezz tat-trasformazzjonijew l-inkorporazzjoni milli meta tkun stabbilita permezz tal-ħolqien ta' kumpanija prinċipali (li kollha l-ishma ta' kumpanija/kumpaniji oħra u tikkontrollaha/tikkontrollahom) jew sussidjarja komuni. (11) Fl-assenza ta' ftehim sussegwenti għan-negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti, għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex ċerti ħtiġiet standard jiġu applikati għal SE, ġaladarba din tiġi stabbilita. Dawn il-ħtiġiet standard għandhom jiżguraw prattiki effettivi għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-ħaddiema, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fl-organi relevanti tas-SE jekk u meta din il-parteċipazzjoni kienet teżisti qabel ma ġiet stabbilita ġewwa l-kumpaniji parteċipanti. (12) Għandha ssir dispożizzjoni għar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jaġixxu fil-qafas tad-Direttiva sabiex igawdu, meta jkunu qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, il-protezzjoni u l-garanziji li huma simili għal dawk iprovvduti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz tal-leġislazzjoni u/jew il-prattiki tal-pajjiż li jħaddem. Ma għandhom ikunu bla ħsara għall-ebda diskriminazzjoni bħala riżultat ta' l-eżerċizzju legali ta' l-attivitajiet tagħhom u għandhom igawdu minn protezzjoni adegwata rigward it-tkeċċija u sanzjonijiet oħra. (13) Il-kunfidenzjalità tat-tagħrif sensitttiv għandha tkun ippriservata saħansitra wara l-għeluq ta' l-iskond tal-kariga tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għandha ssir dispożizzjoni sabiex tħalli lill-organu kompetenti tas-SE jżomm it-tagħrif li jista' tjkkaġuna ħsara serja, jekk bla ħsara għall-kxif fil-pubbliku, lill-funzjoni tas-SE. (14) Fejn SE u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha huma bla ħsara għad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħol jew proċedura fl-intrapriża fuq skala Komunitarja u fil-gruppi fuq skala Komunitarja ta' l-intrapriżi għall-għanijiet illi jiġu mgħarrfa u kkonsultati lill-ħaddiema [5], id-dispożizzjoni ta' din id-Direttiva u d-dispożizzjoni li tittrasponiha fil-liġijiet nazzjonali ma għandhomx japplikaw għaliha u lanqas għas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, għajr jekk il-korp speċjali tan-negozjati jiddeċiedi li ma jibdiex in-negozjati jew jittermina n-negozjati diġà mibdija. (15) Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-drittijiet l-oħra eżistenti li jirrigwardaw l-involviment u ma għandhiex għalfejn taffettwa l-istrutturi eżistenti tar-rappreżentazzjoni pprovduti fil-liġijiet u l-prattiki Komunitarji u nazzjonali. (16) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ tan-nuqqas ta' l-osservanza ta' l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva. (17) It-Trattat ma pprovdiex il-poteri meħtieġa sabiex il-Komunità tadotta d-Direttiva proposta, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 308. (18) Huwa prinċipju fundamentali u l-għan iddikjarat ta' din id-Direttiva illi tiżgura d-drittijiet miksuba tal-ħaddiema rigward l-involviment fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija. Id-drittijiet tal-ħaddiema fis-seħħ qabel l-istabbiliment ta' SE għandhom jipprovdu l-bażi għad-drittijiet ta' l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (il-prinċipju ta' "qabel u wara"). B'konsegwenza ta' dan, dan l-avviċinament għandu japplika mhux biss waqt l-istabbiliment inizjali ta' SE iżda ukoll għall-bidliet strutturali f'SE eżistenti u għall-kumpaniji affettwati mill-proċessi tal-bidliet strutturali. (19) L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu illi r-rappreżentanti tat-trejdunjonijiet jistgħu jkunu memebri ta' korp speċjali tan-negozjati mingħajr ma jitqies jekk humiex impjegati ta' kumpanija parteċipanti fl-istabbiliment ta' SE jew le. F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jkunu jistgħu idaħħlu dan id-dritt fil-każijiet fejn ir-rappreżentanti tat-trejdunjonijiet ikollhom id-dritt li jkunu membri, u jivvotaw fl-organi tas-sorveljanza u amministrattivi tal-kumpanija skond il-leġislazzjoni nazzjonali. (20) F'numru ta' Stati Membri, l-involviment tal-ħaddiema u ż-żoni l-oħra tar- relazzjonijiet industrijali huma msejsa kemm fuq il-leġislazzjoni nazzjonali kif ukoll fuq il-prattika nazzjonali li f'dan il-kuntest hija mifhuma li tkopri l-ftehimijiet kollettivi fil-livelli varji nazzjonali, settorjali u/jew tal-kumpanija, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: IT-TAQSIMA I ĠENERALI L-Artikolu 1 Għan 1. Din id-Direttiva tirregola l-involviment tal-ħaddiema fl-affarijiet ta' kumpaniji pubbliċi Ewropej ta' liabilità limitata (Societas Europaea, minn issa 'l quddiem imsejħa "SE"), kif riferit fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001. 2. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema f'kull SE skond il-proċedura tan-negozjati riferita fl-Artikoli 3 sa 6 jew, skond iċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 7, bi qbil ma' l-Anness. L-Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-għan ta' din id-Direttiva: (a) "SE" tfisser kull kumpanija stabbilita skond ir-Regolament (KE) Nru 2157/2001; (b) "kumpaniji parteċipanti" tfisser il-kumpaniji li jipparteċipaw direttament fl-istabbiliment ta' SE; (ċ) "sussidjarja" ta' kumpanija tfisser intrapriża li fuqha din il-kumpanija teżerċita influwenza dominanti definita skond l-Artikolu 3(2) sa (7) tad-Direttiva 94/45/KE; (d) "sussidjarja jew stabbiliment interessat" tfisser sussidjarja jew stabbiliment ta' kumpanija parteċipanti illi huma proposti li sejrin isiru sussidjarja jew stabbiliment tas-SE meta din tiġi stabbilita; (e) "rappreżentanti tal-ħaddiema" tfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema pprovduti skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali; (f) "korp rappreżentattiv" ifisser il-korp li jirrappreżenta lill-ħaddiema stabbilit bil-ftehimijiet riferiti fl-Artikolu 4 jew skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness, bil-għan illi jgħarraf u jikkonsulta lill-ħaddiema ta' SE u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha lokati fil-Komunità u, fejn japplika, jeżerċitaw id-drittijiet tal-parteċipazzjoni fein għandha x'taqsam is-SE; (g) "korp speċjali tan-negozjati" jfisser korp stabbilit skond l-Artikolu 3 sabiex jinnegozja mal-korp kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti rigward li jiġu stabbiliti l-arranġamenti sabiex jinvolvu l-ħaddiema fis-SE; (h) "involviment tal-ħaddiema" jfisser kull mekkaniżmu, inklużi t-tagħrif, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, li permezz tagħhom ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ġewwa l-kumpanija; (i) "tagħrif" ifisser l-għoti tat-tagħrif lill-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tal-ħaddiema mill-organu kompetenti tas-SE dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lis-SE nnifisha u lil kull wieħed mis-sussidjarja jew mill-istabbilimenti tagħha li jinsabu fi Stati Membri jew li jaqbżu l-poteri ta' l-organi illi jieħdu d-deċiżjonijiet fi Stat Membru singolu fiż-żmien, fil-manjiera u bil-kontenut li jħallu lir-rappreżentanti ta' l-impjegati jagħmlu stima fil-fond dwar l-impatt possibbli u fejn xieraq, iħejju l-konsultazzjonijiet ma' l-organu kompetenti tas-SE; (j) "konsultazzjoni" tfisser li jiġu stabbiliti d-djalogu u l-iskambju ta' l-opinjonijiet bejn il-korp li jirrapreżenta lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-organu kompetenti tas-SE, fiż-żmien, fil-manjiera u bil-kontenut li jħallu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut, li jesprimu opinjoni dwar il-miżuri previsti mill-organu kompetenti illi jistgħu jittieħdu f'konsiderazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġewwa s-SE; (k) "parteċipazzjoni" tfisser l-influwenza tal-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-affarijiet tal-kumpanija permezz: - tad-dritt li jeleġġu jew jaħtru wħud mill-membri ta' l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija, jew - tad-dritt li jirrakkomandaw u/jew jopponu l-ħatra ta' wħud mill-membri jew il-membri kollha ta' l-organu superviżorju jew amministrattiv tal-kumpanija. IT-TAQSIMA II IL-PROĊEDURA TAN-NEGOZJATI L-Artikolu 3 Il-ħolqien tal-korp speċjali tan-negozjati 1. Fejn l-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji parteċipanti jagħmlu pjan sabiex jistabbilixxu SE, huma għandhom mill-aktar fis possibbli wara li jippubblikaw it-termini ta' l-abbozz ta' l-inkorporazzjoni jew tal-ħolqien ta' kumpanija prinċipali jew wara illi jiftiehmu fuq pjan li jiffurmaw sussidjarja jew li jittrasformaw f'SE, jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż illi jipprovdu t-tagħrif dwar l-identità tal-kumpaniji parteċipanti, is-sussidjarji u l-istabbilimenti interessati, u n-numru tal-ħaddiema tagħhom, għalbiex jibdew in-negozjati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpaniji dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE. 2. Għal dan il-għan, għandu jinħoloq korp speċali tan-negozjati illi jirrappreżenta lill-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti u tas-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin: (a) illi fl-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati, għandu jiġi żgurat: (i) illi dawn il-membri għandhom jiġu eletti jew maħtura fil-proporzjon tan-numru tal-ħaddiema impjegati f'kull Stat Membru mill-kumpaniji parteċipanti u mis-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati, billi jiġi allokat rigward Stat Membru siġġu għal kull porzjon ta' l-impjegati ta' dan l-Istat Membru illi jkun ta' 10 %, jew frazzjoni tiegħu, tan-numru tal-ħaddiema impjegati mill-kumpaniji parteċipanti u mis-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati fl-Istati Membri meħuda flimkien; (ii) illi fil-każ ta' SE ffurmata permezz ta' inkorporazzjoni ikun hemm dawk il-membri addizzjonali iktar minn kull Stat Membru skond kif ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat illi l-korp tan-negozjati jinkludi mill-inqas membru li jirrappreżenta lill-kumpanija parteċipanti li tkun irreġistrata u għandha l-ħaddiema f'dan l-Istat Membru u li jkun propost illi din tieqaf milli tibqa' teżisti bħala entità legali separata wara r-reġistrazzjoni tas-SE, safejn u sakemm: - in-numru ta' dawn il-membri addizzjonali ma jaqbiżx il-20 % tan-numru tal-membri maħtura bis-saħħa tal-punt (i), u - il-kompożizzjoni tal-korp speċjali tan-negozjati ma jkunx fih rappreżentanza doppja tal-ħaddiema interessati. Jekk in-numru ta' dawn il-kumpaniji huwa akbar min-numru tas-siġġijiet addizzjonali disponibbli skond l-ewwel subparagrafu, dawn is-siġġijiet addizzjonali għandhom jiġu allokati lill-kumpaniji fi Stati Membri differenti skond l-ordni mnaqqsa tan-numru tal-ħaddiema li jimpjegaw; (b) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodu li jrid jiġi użat għall-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati li għandhom jiġu eletti jew maħtura fit-territorji tagħhom. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex kemm jista' jkun jiżguraw illi dawn il-membri jinkludu mill-inqas membru li jirrappreżenta lill-kumpaniji parteċipanti li għandhom ħaddiema fl-Istat Membru interessat. Dawn il-miżuri ma għandhomx iżidu n-numru totali tal-membri. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi dawn il-membri jistgħu jinkludu r-rappreżentanti tat-trejdunjonijietkemm jekk huma l-ħaddiema ta' kumpanija parteċipanti jew ta' sussidjarja jew ta' stabbliment interessat u kemm jekk le. Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali li jistabbilixxu għetiebi sabiex jiġi stabbilit korp rappreżentattiv, l-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-ħaddiema fl-intrapriżi jew l-istabbilimenti fejn ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema bla ma jkun tort tagħhom ikollhom id-dritt li jeleġġu jew jaħtru l-membri tal-korp speċjali tan-negozjati. 3. Il-korp speċjali tan-negozjati u l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jistabbilixxu, permezz ta' ftehim bil-miktub, l-arranġamenti sabiex jiġu involuti l-ħaddiema ġewwa s-SE. Għal dan il-għan, l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti għandhom jgħarrfu lill-korp speċjali tan-negozjati bil-pjan u l-proċess attwali li jistabbilixxu s-SE, sar-reġistrazzjoni tagħha. 4. Bla ħsara għall-paragrafu 6, il-korp speċjali tan-negozjati għandu jieħu d-deċiżjonijiet bil-maġġoranza assoluta tal-membri, sakemm din il-maġġoranza tkun tirrappreżenta wkoll il-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Madankollu, jekk ir-riżultat tan-negozjati jwassal għat-tnaqqis tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni, il-maġġoranza meħtieġa għal deċiżjoni sabiex jiġi approvat dan il-ftehim għandha tkun ta' żewġ terzi tal-voti tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati illi jirrappreżenta mill-inqas żewġ terzi tal-ħaddiema, inklużi l-voti tal-membri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema impjegati f'mill-inqas żewġ Stati Membri, - fil-każ ta' SE li trid tiġi stabbilita permezz ta' inkorporazzjoni, jekk il-parteċipazzjoni tkopri mill-inqas 25 % tan-numru ġenerali tal-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti, jew - fil-każ ta' SE li trid tiġi stabbilita permezz tal-ħolqien ta' kumpanija prinċipali jew permezz tal-formazzjoni ta' sussidjarja, jekk il-parteċipazzjoni tkopri mill-inqas 50 % tan-numru ġenerali tal-ħaddiema tal-kumpaniji parteċipanti. It-tnaqqis tad-drittjiet tal-parteċipazzjoni jfisser proporzjon tal-membri ta' l-organi tas-SE fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(k), illi huwa inqas mill-ogħla proporzjon li jeżisti ġol-kumpaniji parteċipanti. 5. Għall-iskop tan-negozjati, il-korp speċjali tan-negozjati jista' jitlob għal esperti magħżula minnu, per eżempju r-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet trejdunjonistiċi fil-livell xieraq Komunitarju, sabiex jgħinuh fix-xogħol tiegħu. Dawn l-esperti jistgħu jkunu preżenti fil-laqgħat tan-negozjati f'kapaċità konsultattiva fuq it-talba tal-korp speċjali tan-negozjati fejn xieraq sabiex jippromwovu l-koerenza u l-konsistenza fil-livell Komunitarju. Il-korp speċjali tan-negozjati jista' jiddeċiedi illi jgħaraf lir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet esterni xierqa, inklużi t-trejdunjonijiet, bil-bidu tan-negozjati. 6. Il-korp speċjali tan-negozjati jista' jiddeċiedi bil-maġġoranza stabbilita hawn taħt illi ma jibdiex in-negozjati jew li jittermina n-negozjati diġà mibdija, u jserraħ fuq ir-regoli tat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fis-seħħ fl-Istati Membri fejn is-SE għandha l-ħaddiema. Din id-deċżjoni għandha twaqqaf il-proċedura sabiex jiġi konkluż il-ftehim riferit fl-Artikolu 4. Fejn tkun ġiet meħuda deċiżjoni bħal din, ma għandha tapplika l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. Il-maġġoranza meħtieġa sabiex jiġi deċiż illi ma għandhomx jinfetħu n-negozjati għandha tkun il-voti ta' żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-ħaddiema, inklużi l-voti tal-membri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema impjegati mill-inqas f'żewġ Stati Membri. Fil-każ ta' SE stabbilita permezz ta' trasformazzjoni, dan il-paragrafu ma għandux japplika jekk ikun hemm il-parteċipazzjoni fil-kumpanija li trid tiġi trasformata. Il-korp speċjali tan-negozjati għandu jiġi mlaqqa' mill-ġdid fuq it-talba bil-miktub ta' mill-inqas 10 % tal-ħaddiema tas-SE, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, jew tar-rappreżentanti tagħhom, l-aktar kmieni sentejn wara d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għajr jekk il-partijiet jiftiehmu illi n-negozjati għandhom jinfetħu qabel. Jekk il-korp speċjali tan-negozjati jiddeċiedi illi jerġa' jiftaħ in-negozjati mal-korp maniġerjali imma ma jintlaħaq l-ebda ftehim bħala riżultat ta' dawn in-negozjati, ma għandha tapplika l-ebda dispożizzjoni ta' l-Anness. 7. Kull spiża li għandha x'taqsam mal-funzjoni tal-korp speċjali tan-negozjati u, b'mod ġenerali, man-negozjati għandha titħallas mill-kumpaniji parteċipanti sabiex il-korp tan-negozjati jitħalla jagħmel ix-xogħol tiegħu b'mod xieraq. F'konformità ma' dan il-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli ta' l-estimi li jirrigwardaw il-ħidma tal-korp speċjali tan-negozjati. Jistgħu b'mod partikolari jillimitaw il-għoti tal-fondi sabiex ikopri espert wieħed biss. L-Artikolu 4 Il-kontenut tal-ftehim 1. L-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti u l-korp speċjali tan-negozjati għandom jinnegozjaw fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-ħsieb illi jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti għall-involviment tal-ħaddiema fis-SE. 2. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-partijiet, u bla ħsara għall-paragrafu 4, il-ftehim riferit fil-paragrafu 1 bejn l-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti u l-korp speċjali tan-negozjati għandu jispeċifika: (a) l-iskop tal-ftehim; (b) il-kompożizzjoni, in-numru tal-membri u l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-korp rappreżentattiv illi se jkun is-sieħed fid-diskussjoni ta' l-organu kompetenti tas-SE rigward l-arranġamenti għat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema tas-SE u tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha; (ċ) il-funzjonijiet u l-proċedura sabiex jiġi mgħarraf u kkonsultat il-korp rappreżentattiv; (d) il-frekwenza tal-laqgħat tal-korp rappreżentattiv; (e) ir-riżorsi finanzjarji u materjali li jridu jiġu allokati lill-korp rappreżentattiv; (f) jekk, matul in-negozjati, il-partijiet jiddeċiedu illi jistabbilixxu proċedura jew aktar ta' tagħrif u konsultazzjoni minflok korp rappreżentattiv, l-arranġamenti sabiex jiġu implimentati dawn il-proċeduri; (g) jekk, matul in-negozjati, il-partijiet jiddeċiedu illi jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni, is-sustanza ta' dawn l-arranġamenti inklużi (jekk japplikaw) in-numru tal-membri fil-korp amministrattiv jew superviżorju tas-SE li l-ħaddiema huma intitolati jeleġġu, jaħtru, jirrakkomandaw jew jopponu, u d-drittijiet tagħhom; (h) id-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim u t-tul taż-żmiem tiegħu, il-każijiet fejn il-ftehim għandu jerġa' jiġi nnegozjat u l-proċedura sabiex jerġa' jiġi nnegozjat. 3. Il-ftehim ma għandux, għajr jekk ikun hemm dispożizzjoni xorta oħra fih, ikun bla ħsara għar-regoli standard riferiti fl-Anness. 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3)(a), fil-każ ta' SE stabbilita permezz ta' trasformazzjoni, il-ftehim għandu jipprovdi mill-inqas l-istess livell ta' l-elementi kollha ta' l-involviment tal-ħaddiema bħal dawk li jeżistu fil-kumpanija li trid tiġi trasformata f'SE. L-Artikolu 5 It-tul taż-żmien tan-negozjati 1. In-negozjati għandhom jibdew mill-aktar fis possibli hekk kif jiġi stabbilit il-korp speċjali tan-negozjati u jistgħu jissoktaw għal sitt xhur wara dan. 2. Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu, permezz ta' ftehim konġunt, illi jestendu n-negozjati lil hemm mill-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1, sa total ta' sena minn meta jiġi stabbilit il-korp speċjali tan-negozjati. L-Artikolu 6 Il-leġislazzjoni li tapplika għall-proċedura tan-negozjati Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f'din id-Direttiva, il-leġislazzjoni li tapplika għall-proċedura tan-negozjati pprovduta fl-Artikoli 3 sa 5 għandha tkun il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru fejn irid jiġi lokat l-uffiċċju rreġistrat tas-SE. L-Artikolu 7 Ir-regoli standard 1. Sabiex jinkiseb il-għan deskritt fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' hawn taħt, jistabbilixxu r-regoli standard dwar l-involviment tal-ħaddiema illi jridu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Anness. Ir-regoli standard kif stabbiliti bil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fih irid ikun lokat l-uffiċċju rreġistrat tas-SE għandhom japplikaw mid-data tar-reġistrazzjoni tas-SE fejn jew: (a) hekk jiftiehmu l-partijiet; jew (b) sat-temma taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 5, ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim, u: - l-organu kompetenti ta' kull waħda mill-kumpaniji parteċipanti jiddeċiedi illi jaċċetta li japplika r-regoli standard fejn għandha x'taqsam is-SE u jissokta bir-reġistrazzjoni tas-SE, u - il-korp speċjali tan-negozjati ma ħax id-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 3(6). 2. Barra minn dan, ir-regoli standard stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni skond il-parti 3 ta' l-Anness għandhom japplikaw biss: (a) fil-każ ta' SE stabbilita permezz ta' trasformazzjoni, jekk ir-regoli ta' Stat Membru li għandhom x'jaqsmu mal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korp amministrattiv jew superviżorju kienu japplikaw għal kumpanija trasformata f'SE; (b) fil-każ ta' SE stabbilita permezz ta' inkorporazzjoni: - jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta' parteċipazzjoni kienu japplikaw f'waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 25 % tan-numru totali tal-ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti kollha, jew - jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta' parteċipazzjoni kienu japplikaw f'waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 25 % tan-numru totali ta' ħaddiema fil-kumpaniji kollha parteċipanti u jekk hekk jiddeċiedi l-korp speċjali tan-negozjati, (ċ) fil-każ ta' SE stabbilita billi tiġi stabbilita kumpanija prinċipali jew tiġi stabbilita sussidjarja: - jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta' parteċipazzjoni kienu japplikaw f'waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 50 % tan-numru totali ta' ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti kollha; jew - jekk, qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, għamla jew aktar ta' parteċipazzjoni kienu japplikaw f'waħda jew aktar mill-kumpaniji parteċipanti li jkopru mill-inqas 50 % tan-numru totali tal-ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti kollha u jekk hekk jiddeċiedi l-korp speċjali tan-negozjati. Jekk kien hemm aktar minn għamla waħda ta' parteċipazzjoni ġewwa l-kumpaniji parteċipanti varji, il-korp speċjali tan-negozjati għandu jiddeċiedi liema minn dawn l-għamliet trid tiġi stabbilita fis-SE. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli li jkunu japplikaw fl-assenza ta' kull deċiżjoni dwar il-materja sabiex SE tiġi rreġistrata fit-territorju tagħhom. Il-korp speċjali tan-negozjati għandu jgħarraf lill-organi kompetenti tal-kumpaniji parteċipanti b'kull deċiżjoni meħuda skond dan il-paragrafu. 3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi d-dispożizzjonijiet tar-referenza fil-parti 3 ta' l-Anness ma għandhiex tapplika fil-każ ipprovdut fil-punt (b) tal-paragrafu 2. IT-TAQSIMA III DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI L-Artikolu 8 Ir-riserva u l-kunfidenzjalità 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-membri tal-korp speċjali tan-negozjati jew il-korp rappreżentattiv, u l-esperti illi jgħinuhom, ma jkunux awtorizzati illi jikxfu kull tagħrif illi jkun ġie mogħti lilhom fil-kunfidenza. L-istess għandu japplika għar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kuntest ta' proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni. Dan l-obbligu għandu jissokta japplika, kull fejn jistgħu jkunu l-persuni riferiti, saħansitra wara t-temma ta' l-iskond tal-karigu tagħhom. 2. Kull Stat Membru għandu jipprovdi, f'każijiet speċifiċi u skond il-kondizzjonijiet u l-limiti stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali, illi l-organu superviżorju jew amministrattiv ta' SE jew tal-kumpanija parteċipanti stabbilita fit-territorju tiegħu ma jkunx obbligat li jittrasmetti tagħrif fejn in-natura tiegħu hija hekk illi, skond kriterji oġġettivi, li jsir hekk jikkaġuna ħsara serja lill-funzjonament tas-SE (jew, kif jista' jkun il-każ, lill-kumpanija parteċipanti) jew tas-sussidjarji jew l-istabbilimenti tagħha jew li jkun ta' preġudizzju għalihom. Stat Membru jista' jagħmel din id-dispensa bla ħsara għall-awtorizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel. 3. Kull Stat Membru jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet partikolari għalbiex is-SE fit-territorju tiegħu ssegwi direttament u essenzjalment il-għan tal-gwida ideoloġika rigward it-tagħrif u l-espressjoni ta' l-opinjonijiet, bil-kondizzjoni illi, fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu diġà jeżistu fil-leġislazzjoni nazzjonali. 4. Meta jkunu qegħdin jiġu applikati l-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ta' appell li jistgħu jibdew ir-rappreżentanti tal-ħadddiema meta organu superviżorju jew amministrattiv ta' SE jew ta' kumpanija parteċipanti jitolbu l-kunfidenzjalità jew ma jagħtux it-tagħrif. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu arranġamenti mfassla għalbiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif fil-kwistjoni. L-Artikolu 9 Il-ħidma tal-korp rappreżentattiv u l-proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema L-organu kompetenti tas-SE u l-korp rappreżentattiv għandhom jaħdmu flimkien fi spirtu ta' kooperazzjoni f'rigward xieraq tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom. L-istess għandu japplika għall-kooperazzjoni bejn l-organu superviżorju jew amministrattiv tas-SE u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fejn tidħol il-proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. L-Artikolu 10 Il-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema Il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati, il-membri tal-korp rappreżentattiv, kull rappreżentant tal-ħaddiema illi jeżerċita l-funzjonijiet skond il-proċedura tat-tagħrif u l-konsultazzjoni u kull rappreżentant tal-ħaddiema fl-organu superviżorju jew amministrattiv tas-SE illi huma impjegati tas-SE, tas-sussidjarji jew ta' l-istabbilimenti tagħha jew ta' kumpanija parteċipanti għandhom, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, igawdu l-istess protezzjoni u garanziji pprovduti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-leġislazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż ta' l-impjieg. Dan għandu japplika b'mod partikolari għall-attendenza fil-laqgħat tal-korp speċjali tan-negozjati jew tal-korp rappreżentattiv, f'kull laqgħa oħra skond il-ftehim riferit fl-Artikolu 4(2)(f) jew f'kull laqgħa ta' l-organu amministrattiv jew superviżorju, u għall-ħlas tal-pagi tal-membri impjegati minn kumpanija parteċipanti jew mis-SE jew mis-sussidjarji jew l-istabbilimenti tagħha matul il-perjodu taż-żmien ta' l-assenza meħtieġ sabiex jaqdu dmirijiethom. L-Artikolu 11 L-użu ħażin tal-proċeduri L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa skond il-liġijiet Komunitarji bil-ħsieb li jipprevienu l-użu ħażin ta' SE bl-għan li jċaħħdu lill-ħaddiema mid-drittijiet dwar l-involviment tal-ħaddiema jew iż-żamma ta' dawn id-drittijiet. L-Artikolu 12 Il-konformità ma' din id-Direttiva 1. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi l-maniġġjar ta' l-istabbilimenti ta' SE u l-organi superviżorji jew amministrattivi tas-sussidjarji u tal-kumpaniji parteċipanti li jkunu lokati fit-territorju tiegħu u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew, skond kif ikun il-każ, il-ħaddiema nfushom, jimxi skond l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, irrelevanti mill-fatt jekk is-SE għandhiex jew le l-uffiċju rreġistrat tagħha fit-territorju tiegħu. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri meħtieġa fil-każ illi ma jħarsux id-Direttiva; b'mod partikolari għandhom jiżguraw illi l-proċeduri amministrattivi jew legali jkunu disponibbli sabiex jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva. L-Artikolu 13 Ir-rabta bejn din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet l-oħra 1. Fejn SE hija intrapriża tal-livell Komunitarju jew intrapriża tal-kontroll fuq grupp ta' intrapriżi fil-livell Komunitarju fit-tifsira tad-Direttiva 94/45/KE jew tad-Direttiva 97/74/KE [6] li testendi d-Direttiva msemmija għar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet ta' dawn id-Direttivi u d-dispożizzjonijiet illi jittrasponuhom għal-liġijiet nazzjonali ma għandhomx japplikaw għalihom jew għas-sussidjarji tagħhom. Madankollu, fejn il-korp speċjali tan-negozjati jiddeċiedi skond l-Artikolu 3(6) li ma jibdiex in-negozjati jew li jittermina n-negozjati diġà mibdija, għandhom japplikaw id-Direttiva 94/45/KE jew id-Direttiva 97/74/KE u d-dispożizzjonijiet illi jittrasponuhom għal-liġi nazzjonali. 2. Id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi tal-kumpanija pprovduti bil-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, għajr dawk li jimplimentaw din id-Direttiva, ma għandhomx japplikaw għall-kumpaniji stabbiliti skond ir-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u koperti b'din id-Direttiva. 3. Din id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika: (a) id-drittijiet eżistenti ta' l-involviment tal-ħaddiema pprovduti bil-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali fl-Istati Membri kif igawdu minnhom il-ħaddiema tas-SE u tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha, għajr il-parteċipazzjoni fil-korpi tas-SE; (b) id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-korpi stabbiliti bil-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali li japplikaw għas-sussidjarji tas-SE. 4. Sabiex jiġu ppriżervati d-drittijiet riferiti fil-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu illi l-istrutturi tar-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-kumpaniji parteċipanti li jkunu sejrin jieqfu milli jibqgħu jeżistu bħala entitajiet legali separati jibqgħu mantenuti wara r-reġistrazzjoni tas-SE. L-Artikolu 14 Disposizzjonijiet finali 1. L-Istati Membri għandhom jaddottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-8 ta' Ottubru 2004, jew għandhom jiżguraw illi l-iktar tard sa din id-data l-korpi maniġerjali u tax-xogħol jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, sabiex l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-passi meħtieġa illi jagħtuhom il-poteri f'kull ħin sabiex jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mill-ewwel b'dan. 2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. L-Artikolu 15 Ir-reviżjoni mill-Kummissjoni Mhux aktar tard mit-8 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u mal-korpi maniġerjali u tax-xogħol fil-livell Komunitarju, tirrevedi l-proċeduri sabiex tiġi applikata din id-Direttiva, bil-ħsieb li jiġu proposti emendi addattati lill-Kunsill fejn meħtieġa. L-Artikolu 16 Id-dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 17 L-indirizzati Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Ottubru 2001. Għall-Kunsill Il-President L. Onkelinx [1] ĠU C 138, tad-29.5.1991, p. 8. [2] ĠU C 342, ta' l-20.12.1993, p. 15. [3] ĠU C 124, tal-21.5.1990, p. 34. [4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [5] ĠU L 254, tat-30.9.1994, p. 64. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/74/KE (ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 22). [6] ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 22. -------------------------------------------------- L-ANNESS IR-REGOLI STANDARD (riferiti fl-Artikolu 7) Il-Parti 1: Il-kompożizzjoni tal-korp tar-rappreżentanti tal-ħaddiema Sabiex jiġi miksub l-għan deskritt fl-Artikolu 1, u fil-każijiet riferiti fl-Artikolu 7, għandu jiġi stabbilit korp rappreżentattiv skond ir-regoli li ġejjin. (a) Il-korp rappreżentattiv għandu jkun kompost mill-ħaddiema tas-SE u tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha eletti jew maħtura minn fost in-numru tagħhom mir-rappreżentanti tal-ħaddiema jew, fl-assenza ta' dawn, mill-korp kollu tal-ħaddiema. (b) L-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tal-korp rappreżentattiv għandhom isiru skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli sabiex jiġi żgurat illi n-numru tal-membri, u l-allokazzjoni tas-siġġijiet fuq il-korp rappreżentattiv għandhom jiġu addattati għalbiex iqisu l-bidliet illi jiġru ġewwa s-SE u s-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha. (ċ) Fejn id-daqs hekk jeħtieġ, il-korp rappreżentattiv għandu jeleġġi kumitatt selettiv minn fost il-membri tiegħu, illi jkun jikkomprendi mill-inqas tliet membri. (d) Il-korp rappreżentattiv għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. (e) Il-membri tal-korp rappreżentattiv jiġu eletti jew maħtura fil-proporzjon tan-numru tal-ħaddiema impjegati f'kull Stat Membru mill-kumpanija parteċipanti u s-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati, billi jiġi allokat rigward Stat Membru siġġu għal kull porzjon tal-ħaddiema impjegati fl-Istat Membru li jkun ugwali għal 10 %, jew frazzjon tiegħu, tan-numru tal-ħaddiema impjegati mill-kumpaniji parteċipanti u mis-sussidjarji jew l-istabbilimenti interessati fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien. (f) L-organu kompetenti tas-SE għandu jiġi mgħarraf bil-kompożizzjoni tal-korp rappreżentattiv. (g) Erba' snin wara li jiġi stabbilit il-korp rappreżentattiv, dan għandu jeżamina jekk għandux jibda n-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim riferit fl-Artikoli 4 u 7 jew jekk għandux jissokta japplika r-regoli standard adottati skond dan l-Anness. L-Artikoli 3(4) sa (7) u 4 sa 6 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, jekk tkun ittieħdet id-deċiżjoni għalbiex jiġi nnegozjat ftehim skond l-Artikolu 4, li f'dan il-każ it-terminu "korp speċjali tan-negozjati" għandu jiġi mibdul bit-terminu "korp rappreżentattiv". Fejn, sat-temma taż-żmien stabbilit li fih jiġu magħluqa n-negozjati, ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim, għandhom jissoktaw japplikaw l-arranġamenti inizjali addottati skond ir-regoli standard. Il-Parti 2: Ir-regoli standard għat-tagħrif u l-konsultazzjoni Il-kompetenza u l-poteri tal-korp rappreżentattiv stabbiliti f'SE għandhom ikunu regolati mir-regoli li ġejjin. (a) Il-kompetenza tal-korp rappreżentattiv għandha tkun limitata għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw lis-SE nnifisha u lil kull waħda mis-sussidjarji jew l-istabbilimenti tagħha lokati fi Stat Membru ieħor jew li jaqbżu l-poteri ta' l-organi li jieħdu d-deċiżjonijiet fi Stat Membru singolu. (b) Mingħajr preġudizzju għal-laqgħat li jsiru skond il-punt (ċ), il-korp rappreżentattiv għandu jkollu d-dritt illi jiġi mgħarraf u kkonsultat u, għal dan il-għan, li jiltaqa' ma' l-organu kompetenti tas-SE mill-inqas darba fis-sena, fuq il-bażi tar-rapporti regolari mfassla mill-organu kompetenti, dwar il-progress tan-negozju tas-SE u l-prospetti tagħha. Il-korpi maniġerjali lokali għandhom jiġu mgħarrfa b'dan. L-organu kompetenti tas-SE għandu jipprovdi lill-korp rappreżentattiv bl-aġenda tal-laqgħat ta' l-organu amministrattiv, jew, fejn xieraq, l-organi maniġerjali u superviżorji, u bil-kopji tad-dokumenti kollha sottomessi lil-laqgħa ġenerali ta' l-azzjonisti tagħha. Il-laqgħa għandu jkollha x'taqsam b'mod partikolari mas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u finanzjarja, l-iżvilupp probabbli tan-negozju u l-produzzjoni u l-bejgħ, is-sitwazzjoni u x-xejra probabbli tax-xogħol, ta' l-investimenti, u tal-bidliet sostanzjali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, l-introduzzjoni ta' metodi ġodda tax-xogħol jew tal-proċessi tal-produzzjoni, it-trasferimenti tal-produzzjoni, l-inkorporazzjonijiet, il-qtugħ lura jew l-għeluq ta' l-intrapriżi, ta' l-stabbilimenti jew ta' partijiet importanti tagħhom, u t-telf kollettiv tal-ħaddiema minħabba n-nuqqas tax-xogħol. (ċ) Fejn ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffettwaw l-interessi tal-ħaddiema b'mod konsiderevoli, b'mod partikolari fil-każ tal-lokazzjoni mill-ġdid, it-trasferimenti, l-għeluq ta' l-istabbilimenti jew l-intrapriżi jew it-telf kollettiv tal-ħaddiema minħabba n-nuqqas tax-xogħol, il-korp rappreżentattiv għandu d-dritt illi jiġi mgħarraf. Il-korp rappreżentattiv jew, fejn hekk jiddeċiedi, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' urġenza, il-kumitat selettiv, għandu jkollhom id-dritt li fuq talba tagħhom jiltaqgħu ma' l-organu kompetenti tas-SE jew ma' kull korp ieħor maniġerjali fil-livell xieraq ġewwa s-SE li jkollu l-poteri tiegħu nnifsu tad-deċiżjoni, sabiex jiġi mgħarraf u kkonsultat dwar miżuri sinifikanti li jaffettwaw l-interessi tal-ħaddiema. Fejn l-organu kompetenti jiddeċiedi li ma jaġixxix skond l-opinjoni espressa mill-korp rappreżentattiv, dan il-korp għandu jkollu d-dritt għal laqgħa oħra ma' l-organu kompetenti tas-SE bil-ħsieb li jfittex ftehim. Fil-każ ta' laqgħa mal-kumitat selettiv, dawk il-membri tal-korp rappreżentattiv li jkunu interessati direttament fil-miżuri fil-kwistjoni għandu jkollhom id-dritt ukoll li jipparteċipaw. Il-laqgħat riferiti hawn fuq ma għandhomx jaffettwaw il-prerogattivi ta' l-organu kompetenti. (d) L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar il-presidenza tal-laqgħat tat-tagħrif u l-konsultazzjoni. Qabel kull laqgħa ma' l-organu kompetenti tas-SE, il-korp rappreżentattiv jew il-kumitat selettiv, fejn meħtieġ imkabbar skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu (ċ), għandhom ikunu intitolat li jiltaqgħu mingħajr ma jkunu preżenti r-rappreżentanti ta' l-organu kompetenti. (e) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-membri tal-korp rappreżentattiv għandhom jgħarrfu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tas-SE u tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha bil-kontenut u r-riżultati tal-proċeduri tat-tagħrif u l-konsultazzjoni. (f) Il-korp rappreżentattiv jew il-kumitat selettiv jista' jiġi megħjun minn esperti ta' l-għażla tiegħu. (g) Safejn u sakemm dan ikun meħtieġ għat-twettiq tax-xogħlijiet tagħhom, il-membri tal-korp rappreżentattiv għandhom ikunu intitolati għal time off in lieu rigward it-taħriġ mingħajr telf ta' paga. (h) L-ispejjeż tal-korp rappreżentattiv għandhom jinġarru mis-SE, li għandha tipprovdi lill-membri tal-korp bir-riżorsi finanzjarji u materjali meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom b'mod xieraq. B'mod partikolari, is-SE għandha, għajr jekk miftiehem xorta oħra, tħallas l-ispejjeż ta' l-organizzazzjoni tal-laqgħat u tal-provvista tal-faċilitajiet ta' l-interpretazzjoni u l-ispejjeż ta' l-akkomodazzjoni u ta l-ivvjaġġar tal-membri tal-korp rappreżentattiv u tal-kumitat selettiv. F'konformità ma' dawn il-prinċipji, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli ta' l-estimi skond il-ħidma tal-korp rappreżentattiv. Huma jistgħu b'mod partikolari jillimitaw il-finanzjament sabiex ikopri espert wieħed biss. Il-Parti 3: Ir-regoli standard għall-parteċipazzjoni Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f'SE għandha tkun irregolata permezz tad-dispożizzjonijiet li ġejjin: (a) Fil-każ ta' SE stabbilita permezz ta' trasformazzjoni, jekk ir-regoli ta' l-Istat Membru li għandhom x'jaqsmu mal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korp amministrattiv jew superviżorju kienu japplikaw qabel ir-reġistrazzjoni, l-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandhom jissoktaw japplikaw għas-SE. Il-punt (b) għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-għan. (b) Fil-każijiet l-oħra dwar l-istabbiliment ta' SE, il-ħaddiema tas-SE, tas-sussidjarji u l-istabbilimenti tagħha u/jew il-korp rappreżentattiv tagħha għandu jkollhom id-dritt li jeleġġu, jaħtru, jirrakkomandaw jew jopponu l-ħatra ta' numru ta' membri tal-korp amministrattiv jew superviżorju tas-SE ugwali għall-ogħla proporzjon fis-seħħ fil-kumpaniji parteċipanti interessati qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE. Jekk l-ebda waħda mill-kumpaniji parteċipanti ma kienet regolata bir-regoli tal-parteċipazzjoni qabel ir-reġistrazzjoni tas-SE, din ta' l-aħħar ma għandhiex tkun meħtieġa li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Il-korp rappreżentattiv għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-korp amministrattiv jew superviżorju fost il-membri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema mill-Istati Membri varji jew dwar il-mod li fih il-ħaddiema tas-SE jistgħu jirrakkomandaw jew joppunu l-ħatra tal-membri ta' dawn il-korpi skond il-proporzjon tal-ħaddiema tas-SE f'kull Stat Membru. Jekk il-ħaddiema ta' Stat Membru jew aktar mhumiex koperti b'dan il-kriterju tal-proporzjon, il-korp rappreżentattiv għandu jaħtar membru minn wieħed minn dawn l-Istati Membri, b'mod partikolari mill-Istat Membru ta' l-uffiċċju rreġistrat tas-SE fejn dan ikun xieraq. Kull Stat Membru jista' jistabbilixxi l-allokazzjoni tas-siġġijiet mogħtija lilu fil-korp amministrattiv jew superviżorju. Kull membru tal-korp amministrattiv jew, fejn xieraq, tal-korp superviżorju tas-SE li jkun ġie elett, maħtur jew irrakkomandat mill-korp rappreżentattiv jew, jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi, mill-ħaddiema għandu jkun membru sħiħ bl-istess drittijiet u obbligi bħall-membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti, inkluż id-dritt tal-vot. --------------------------------------------------