This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31996L0071
Directive 96/71/EC of the European Parliament and of the Council of 16 December 1996 concerning the posting of workers in the framework of the provision of services
Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi
Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi
ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1–6
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/07/2020
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/71/oj
Official Journal L 018 , 21/01/1997 P. 0001 - 0006
Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], (1) Billi, skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, ta' bejn l-Istati Membri, ta' ostakoli għall-moviment liberu ta' persuni u servizzi tikkostitwixxi waħda mill-objettivi tal-Komunità; (2) Billi, għall-prestazzjoni ta' servizzi, kull restrizzjoni ibbażata fuq ħtiġiet ta' ċittadinanza jew residenza hija ipprojbita taħt it-Trattat b'effett mill-aħħar tal-perjodu tranżitorju; (3) Billi r-realizzazzjoni tas-suq intern toffri ambjent dinamiku għall-prestazzjoni transnazzjonali tas-servizzi, b'riżultat li numru dejjem akbar ta' impriżi qed jimpjegaw ħaddiema barra mill-pajjiz biex jitwettaq xogħol temporanjament fit-territorju ta' Stat Membru barra minn dak li fih huma normalment impjegati; (4) Billi il-prestazzjoni ta' servizzi tista' tieħu l-forma, jew ta' prestazzjoni ta' xogħol minn impriża għall-benefiċċju u taħt id-direzzjoni tagħha, taħt kuntratt konkluż bejn dik l-impriża u l-parti li tibbenefika mis-servizz, jew ta' self ta' ħaddiema għall-użu minn impriża fil-qafas ta' kuntratt pubbliku jew privat; (5) Billi kull promozzjoni ta' din ix-xorta tal-prestazzjoni transnazzjonali ta' servizzi teħtieġ klima ta' kompetizzjoni ġusta u miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema; (6) Billi t-transnazzjonalizzazzjoni tar-relazzjoni ta' l-impjieg tista' taqla' problemi dwar il-leġislazzjoni applikabbli għar-relazzjoni ta' l-impjieg; billi huwa fl-interess tal-partijiet li jistabilixxu l-klawżoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni ta' l-impjieg maħsuba; (7) Billi il-Konvenzjoni ta' Ruma tad-19 ta' Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kontrattwali [4], iffirmata mill-Istati Membri, daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 1991 fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri; (8) Billi l-Artikolu 3 ta' dik il-Konvenzjoni jipprovdi, bħala regola ġenerali, għall-għażla ħielsa ta' liġi magħmula mill-partijiet; billi, fin-nuqqas ta' għażla, il-kuntratt għandu jkun irregolat, skond l- Artikolu 6(2), bil-liġi tal-pajjiz, fejn l-impjegat normalment iwettaq xogħlu ineżekuzzjoni tal-kuntratt, anke jekk huwa temporanjament impjegat f'pajjiz ieħor, jew, jekk l-impjegat ma jagħmilx xogħol li jagħmel is-soltu f'pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiz fejn jinsab il-post tan-negozju minn fejn kien imqabbad, sakemm ma jidhirx miċ-cirkostanzi kollha li l-kuntratt huwa konness b'mod aktar viċin ma' pajjiz ieħor, f'liema każ il-kuntratt għandu jiġi rregolat mil-liġi ta' dak il-pajjiz; (9) Billi, skond l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni imsemmija, l-għażla ta' liġi magħmula mill-partijiet m'għandux ikollha ir-riżultat li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli obbligatorji tal-liġi li kienu jkunu applikabbli taħt il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu f'nuqqas ta' għażla; (10) Billi l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni imsemmija jistabbilixxi, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jista' jingħata effett, konkorrentement mal-liġi iddikjarata applikabbli, għar-regoli obbligatorji tal-liġi ta' pajjiż ieħor, b'mod partikolari il-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju l-ħaddiem ikun intbagħat temporanjament; (11) Billi, skond il-prinċipju ta' preċedenza tal-liġi Komunitarja stabbilita fl-Artikolu 20, il-Konvenzjoni imsemmija ma taffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li, f'relazzjoni għal l-kwistjoni partikolari, jistabilixxu regoli ta' l-għażla tal-liġi dwar l-obbligazzjonijiet kontrattwali u li huma jew ikunu miżmuma f'atti ta' l-instuzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropew jew fil-liġijiet nazzjonali armonizzati fl-implimentazzjoni ta' dawn l-atti; (12) Billi l-liġi Komunitarja ma tipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġislazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettiv li jidħol fih min iħaddem u l-ħaddiema, lil kull persuna li hija impjegata, anke temporanjament, fit-territorju tagħhom, għalkemm min iħaddem ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor; billi l-liġi Komunitarja ma tipprojbixxix lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza ta' dawk ir-regoli b'mezzi approprjati; (13) Billi il-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu koordinati sabiex jistabbilixxu nukleu ta' regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima li jkunu osservati fil-pajjiz li jilqa' għandu minn min jħaddem li jibgħat ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju fit territorju ta' Stat Membru fejn is-servizzi huma pprovduti; billi din il-koordinazzjoni tista' tintlaħaq biss permezz tal-liġi Komunitarja; (14) Billi n-nukleu iebes ta' regoli ta' protezzjoni definiti b'mod ċar għandu jiġi osservat mill-fornitur tas-servizzi ikun xi jkun it-tul tal-prestazzjoni tal-ħaddiem; (15) Billi għandu jiġi stabbilit li f'ċerti każijiet definiti b'mod ċar ta' assemblaġġ u/jew installazzjoni ta' merkanzija, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati minimi ta' ħlas u l-minimu ta' vakanzi annwali mħallsa ma japplikawx; (16) Billi għandu jkun hemm ukoll ċerta flessibiltà fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' ħlas u tul minimu ta' btajjel annwali mħallsa; billi, meta t-tul ta' l-impjieg ma jkunx aktar minn xahar, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' pagi jew jipprovdu għall-possibbilità ta' deroga permezz ta' ftehim kollettiv; billi, meta l-ammont ta' xogħol li għandu jsir huwa sinifikanti, l-Istat Membru jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' ħlas u tul minimu tal-btajjel annwali imħallsa; (17) Billi r-regoli obbligatorji għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajjiz li jilqa' m'għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta' klawzoli u kundizzjonijiet ta' impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema; (18) Billi l-prinċipju li impriżi stabbiliti barra l-Komunità m'għandhomx jirċievu trattament aktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru għandu jkun rispettat; (19) Billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja, din id-Direttiva ma tinvolvix l-obbligu ta' rikonoxximent legali għall-eżistenza ta' impriżi ta' mpjieg temporanju, lanqas ma tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet tagħhom dwar l-impjieg ta' ħaddiema u impriżi ta' impjieg temporanju u impriżi mhux stabbiliti fit-territorju tagħhom imma joperaw hemmhekk fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi; (20) Billi din id-Direttiva la taffettwa l-ftehim konkluż mill-Komunità ma' pajjizi terzi u lanqas il-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-aċċess għat-territorju tagħhom ta' fornituri tas-servizzi minn pajjiżi terzi; billi din id-Direttiva ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali dwar id-dħul, ir-residenza u aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema ta' pajjiżi terzi; (21) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familji tagħhom fi ħdan il-Komunità [5] jistabbilixxi dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; (22) Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' l-Istati Membri dwar azzjoni kollettiva biex tiddefendi l-interessi ta' snajja' u professjonijiet; (23) Billi korpi kompetenti fi Stati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva; billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu rimedji approprjati fil-każ ta' nuqqas li jikkonformaw ma' din id-Direttiva; (24) Billi huwa neċessarju li tiġi garantita l-applikazzjoni sewwa ta' din id-Direttiva u b'dak l-iskop li ssir dispożizzjoni għall-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; (25) Billi mhux iktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva il-Kummissjoni għandha terġa' tara ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bi skop li tipproponi, meta xieraq, l-emendi neċessarji, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Il-kamp ta' l-applikazzjoni 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta' Stat Membru. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta' marina merkantili fejn għandhom x'jaqsmu l-baħħara. 3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin: (a) jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta' Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta' kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta' servizzi li jopera f'dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni; jew (b) jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f'impriża fil-proprjetà ta' grupp fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament; jew (ċ) billi tkun impriża ta' impjieg jew aġent ta' kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża ta' impjieg jew aġent ta' kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament. 4. L-Impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m'għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru. L-Artikolu 2 Tifsira 1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "ħaddiem kollokat" ifisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih. 2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni ta' ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jinbagħat. L-Artikolu 3 It-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg 1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti: - skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew - bi ftehim kollettiv jew sentenza ta' arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness: (a) il-perjodi massimi ta' xogħol u l-perjodi minimi ta' mistrieħ; (b) it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa; (ċ) ir-rati minimi ta' ħlas, li jinkludu rati ta' sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol; (d) il-kundizzjonijiet ta' prestazzjoni ta' ħaddiema, b'mod partikulari il-fornitura ta' ħaddiema minn impriżi ta' impjieg temporanju; (e) is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol; (f) miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta' impjieg ta' nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta' tfal u ta' żgħażagħ; (g) it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, il-kunċett ta' rati minimi ta' ħlas imsemmija fil-paragrafu 1 (ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut. 2. Fil-kaz ta' assemblaġġ inizjali u/jew l-ewwel installazzjoni ta' oġġetti meta din hija parti integrali ta' kuntratt għall-fornitura ta' oġġetti u neċessarju biex l-oġġetti forniti jintużaw u li jkunu esegwiti minn ħaddiema kwalifikati u/jew speċjalizzati ta' l-impriża ta' fornitura, l-ewwel subparagrafu tal- paragrafu 1 (b) u (ċ) m'għandhomx japplikaw, jekk il-perjodu ta' prestazzjoni ma jaqbiżx it-tmint ijiem. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-attivitajiet fil-qasam ta' xogħol tal-bini mniżżel fl-Anness. 3. L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw ma' min iħaddem u mal-ħaddiema, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki ta' kull Stat Membru, jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) meta t-tul tal-prestazzjoni ma jaqbiżx ix-xahar. 4. L-Istati Membri jistgħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, jipprovdu li jistgħu isiru eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) u mid-deċiżjoni mill-Stat Membru fis-sens tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' ftehim kollettiv fis-sens tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, dwar wieħed jew aktar setturi ta' attività, meta t-tul tal-kollokament ma jaqbiżx ix-xahar. 5. L-Istati Membri jistghu jipprovdu biex l-eżenzjonijiet jingħataw mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (b) u (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) għar-raġuni li x-xogħol li għandu jsir ikun insinifikanti. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabilixxu l-kriterji li x-xogħol li għandu jsir għandu jilħaq sabiex jiġi kkunsidrat "insinifikanti". 6. It-tul tal-kollokament għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' sena mill-bidu tal-kollokament. Għall-iskop ta' dawn il-kalkoli, għandu jittieħed kont ta' kull perjodu preċedenti li matulhom ħaddiem ikkollokat kien fil-post. 7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m'għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta' klawżoli u kundizzjonijiet ta' impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta' spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta' l-alloġġ jew ta' l-ikel. 8. "Ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ iddikjarati bħala ta' applikazzjoni ġenerali" ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata. Fl-assenza ta' sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ bħala ta' applikazjoni universali fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq: - ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata, u/jew - ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu, sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta' trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-ewwl subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f'dan is-subparagrafu li huma f'pożizzjoni simili. L-ugwaljanza ta' trattament, fis-sens ta' dan l- Artikolu, għandha titqies li teżisti meta impriżi nazzjonali f'pożizzjoni simili: - huma soġġetti, fil-post inkwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħala impriżi ta' kollokament dwar il-materji indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u - huma meħtieġa jissodisfaw dawn l-obbligi bl-istess effetti. 9. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiggarantixxu lil ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(ċ) it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji fl-Istati Membri fejn qed isir ix-xogħol. 10. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f'konformità mat- Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta' Stati oħra, fuq bażi ta' ugwaljanza ta' trattament ta': - it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x'jaqsmu dispożizzjonijiet ta' ordni pubbliku, - it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta' arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness. L-Artikolu 4 Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni 1. Għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu liaison. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monituraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b'mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta' ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta' attivitajiet transnazzjonali illegali. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista' tinqala' fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(10). L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas. 3. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli. 4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta' l-uffiċji ta' liaison u/jew korpi kompetenti imsemmija fil-paragrafu 1. L-Artikolu 5 Miżuri L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta' non-konformità mad-Direttiva. Għandhom b'mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għat-twettiq ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva. L-Artikolu 6 Il-ġurisdizzjoni Sabiex jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg iggarantiti fl-Artikolu 3, il-proċeduri gudizzjarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem qiegħed jew ġie kkollokat, mingħajr preġudizzju, meta applikabbli, bla ħsara, taħt konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni, li jinfetħu proċeduri fi Stat ieħor. L-Artikolu 7 L-implimentazzjoni L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 1999. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandha tkun akkumpanjata b'referenza simili fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. L-Artikolu 8 Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni Sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni għanda tirrevedi l-operat ta' din id-Direttiva bl-iskop li tipproponi l-emendi neċessarji lill-Kunsill meta xieraq. L-Artikolu 9 Din-id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1996 Għall-Parlament Ewropew Il-President K. Hänsch Għall-Kunsill Il-President I. Yates [1] ĠU C 225, tat-30.8.1991, p. 6 u ĠU C 187, tad-9.7.1993, p. 5. [2] ĠU C 49, ta' l-24.2.1992, p. 41. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Frar 1993 (ĠU C 72, tal-15.3.1993, p. 78), il-posizzjoni komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 220, tad-29.7.1996, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320 tat-28.10.1996, p. 73.). Id-Deċizjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1996. [4] ĠU L 266, tad-9.10.1980, p. 1. [5] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2; Edizzjoni Speċjali 1971 (II), p. 416. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 3096/95 (ĠU L 335, tat-30.12.1995, p. 10). -------------------------------------------------- L-ANNESS L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), fit-tieni inċiż, jinkludu x-xogħol kollu tal-bini dwar il-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta' bini, u b'mod partikulari ix-xogħol li ġej: 1. it-tħaffir 2. iċ-ċaqliq ta' materjal ta' l-art 3. ix-xogħol ta' bini 4. l-assemblaġġ u l-iżmuntar ta' elementi prefabbrikati 5. l-armar jew l-installazzjoni 6. l-alterazzjonijiet 7. ir-renovazzjoni 8. it-tiswija 9. iż-żarmar 10. id-demolizzjoni 11. il-manutenzjoni 12. ix-xogħol ta' dekorazzjoni, ta' żebgħa u tindif 13. it-titjib --------------------------------------------------