Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0066

Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/66/oj

30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


REGOLAMENT (KE) Nru 66/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Novembru 2009

dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema riveduta ta' l-għoti ta' ekotikketta tal-UE (4) kien li tkun stabbilita skema volontarja tal-għoti tal-ekotikketta tal-UE maħsuba biex tippromwovi l-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tagħhom u biex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni preċiża, li ma tqarraqx u bbażata fuq ix-xjenza dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti.

(2)

L-esperjenza miksuba waqt l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 wriet il-ħtieġa li tiġi emendata dik l-iskema tal-ekotikketta Komunitarja sabiex tiżdied l-effikaċja tagħha u jiġi ssimplifikat it-tħaddim tagħha.

(3)

L-iskema emendata (minn hawn 'il quddiem, “l-Ekotikketta tal-UE”) għandha tiġi implimentata f'konformita' mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż, partikolarment, il-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE.

(4)

Jeħtieġ li tkun żgurata koordinazzjoni bejn l-iskema tal-Ekotikketta tal-UE u l-istabbiliment tar-rekwiżiti fil-kuntest tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta' prodotti relatati mal-enerġija (5).

(5)

L-iskema tal-Ekotikketta tal-UE hija parti mill-politika dwar konsum u produzzjoni sostenibbli tal-Komunità, li għandha l-għan li tnaqqas l-impatt negattiv tal-konsum u tal-produzzjoni fuq l-ambjent, is-saħħa, il-klima u r-riżorsi naturali. L-iskema hija maħsuba biex tippromwovi dawk il-prodotti li jkollhom livell għoli ta’ prestazzjoni ambjentali permezz tal-użu tal-Ekotikketta tal-UE. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jinħtieġ li l-kriterji li l-prodotti jridu jkunu konformi magħhom sabiex ikollhom fuqhom l-Ekotikketta tal-UE jkunu bbażati fuq l-aqwa prestazzjoni ambjentali miksuba mill-prodotti fis-suq Komunitarju. Dawk il-kriterji għandhom ikunu sempliċi biex jinftiehmu u biex jintużaw, u għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika, billi jiġu kkunsidrati l-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Dawk il-kriterji għandhom ikunu orjentati lejn is-suq u limitati għall-aktar impatti ambjentali sinifikanti tal-prodotti matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom.

(6)

Sabiex tkun evitata l-proliferazzjoni tal-iskemi tal-ittikkettar ambjentali u sabiex tkun inkoraġġita prestazzjoni ambjentali akbar fis-setturi kollha fejn l-impatt ambjentali ikun fattur fl-għażla tal-konsumatur, il-possibbiltà li tintuża l-Ekotikketta tal-UE għandha tkun estiża. Madankollu, għall-gruppi ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf, għandu jsir studju biex jiżgura li l-kriterji huma fattibbli u li l-valur miżjud jista’ jkun garantit. Għall-prodotti tal-ikel u tal-għalf, kif ukoll għall-prodotti tal-biedja li ma jkunux ipproċessati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi (6) għandha tkun ikkunsidrata l-għażla li jkunu biss dawk il-prodotti ċertifikati bħala organiċi li jistgħu jkunu eliġibbli għall-għotja tal-Ekotikketta tal-UE, biex tkun evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi.

(7)

L-Ekotikketta tal-UE għandu jkollha l-għan li jkunu sostitwiti sustanzi perikolużi b'sustanzi aktar sikuri, fejn ikun teknikament possibbli.

(8)

Sabiex l-iskema tal-Ekotikketta tal-UE tiġi aċċettata mill-pubbliku ġenerali, huwa essenzjali li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) ambjentali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ikollhom rwol importanti u jkunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp u fit-tħejjija tal-kriterji għall-Ekotikketti tal-UE.

(9)

Huwa kunsiljabbli li kwalunkwe parti interessata tkun tista’ tmexxi l-iżvilupp jew ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE sakemm jiġu segwiti r-regoli proċedurali komuni u li l-proċess ikun ikkoordinat mill-Kummisjoni. Sabiex tkun żgurata l-koerenza globali tal-azzjoni Komunitarja, huwa wkoll xieraq li jkun rekwiżit li fl-iżvilupp jew ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE jitqiesu l-aktar għanijiet strateġiċi reċenti tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent, bħall-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali, l-Istrateġiji għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Programmi tat-Tibdil fil-Klima.

(10)

Sabiex l-iskema tal-Ekotikketta tal-UE tiġi ssimplifikata u jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-użu tal-Ekotikketta tal-UE, il-proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ verifika għandhom jiġu simplifikati.

(11)

Huwa xieraq li jkunu pprovduti l-kondizzjonijiet fejn tista’ tintuża l-Ekotikketta tal-UE u, sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ dawk il-kondizzjonijiet, ikun meħtieġ li l-korpi kompetenti jwettqu verifiki wara r-reġistrazzjoni u jipprojbixxu l-użu tal-Ekotikketta tal-UE fejn ma jkunx hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-użu. Huwa wkoll xieraq li jinħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u li jkun żgurat li dawn jiġu implimentati.

(12)

Sabiex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE u sabiex ikunu inkoraġġiti dawk l-operaturi li l-prodotti tagħhom jissodisfaw il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, l-ispejjeż biex tintuża l-Ekotikketta tal-UE għandhom jitnaqqsu.

(13)

Jeħtieġ li l-pubbliku jkun infurmat u li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-Ekotikketta tal-UE billi jiġu promossi azzjonijiet, kampanji ta' informazzjoni u ta’ edukazzjoni, f’livell lokali, nazzjonali u Komunitarju, sabiex il-konsumaturi jsiru konxji mit-tifsira tal-Ekotikketta tal-UE u jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati. Dan huwa meħtieġ ukoll biex l-iskema ssir aktar attraenti għall-produtturi u għall-bejjiegħa bl-imnut.

(14)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw linji gwida meta jistabbilixxu l-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u jistgħu jikkunsidraw li jiffissaw miri għall-akkwist pubbliku għal prodotti li jkunu favur l-ambjent.

(15)

Sabiex tkun iffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni fuq il-livell nazzjonali u Komunitarju tal-prodotti li jkollhom fuqhom tikketti ambjentali, biex ikun limitat xogħol addizzjonali għall-kumpaniji, partikolarment għall-SMEs, u sabiex ikun evitat li l-konsumaturi jiġu konfużi, jeħtieġ ukoll li titkabbar il-koerenza u tiġi promossa l-armonizzazzjoni bejn l-iskema tal-Ekotikketta tal-UE u l-iskemi tal-ekotikkettar nazzjonali fil-Komunità.

(16)

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni armonizzata tas-sistema tal-għoti tat-tikketta u tas-sorveljanza tas-swieq u tal-kontroll tal-użu tal-Ekotikketta tal-UE mal-Komunità kollha, il-korpi kompetenti għandhom jagħmlu skambju tal-informazzjoni u tal-esperjenzi.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (7).

(18)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-kriterji li magħhom il-prodotti jridu jkunu konformi sabiex ikollhom fuqhom l-Ekotikketta tal-UE u li temenda l-Annessi għal dan ir-Regolament. Peress li dawk il-miżuri għandhom ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, fost l-oħrajn billi jissupplimentawh b’elementi mhux essenzjali ġodda, iridu jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju pprovduta fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(19)

Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 għandu jiġi sostitwit minn dan ir-Regolament.

(20)

Għandhom isiru dispożizzjoniijiet tranżitorji adegwati sabiex tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi bejn ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 u dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u għall-applikazzjoni tal-iskema volontarja tal-Ekotikketta tal-UE.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe oġġett jew servizz li jiġi pprovdut għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq Komunitarju kemm jekk bi ħlas jew b’xejn (minn hawn ’il quddiem, “prodotti”).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika la għall-prodotti mediċi għall-użu mill-bniedem, kif definit fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (8), jew għall-użu veterinarju, kif definit mid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (9), u lanqas għal kwalunkwe tip ta’ tagħmir mediku.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“grupp ta’ prodotti” tfisser sett ta’ prodotti li jaqdu finijiet simili u huma simili f’termini ta’ użu, jew li għandhom proprjetajiet funzjonali simili, u huma simili f'termini ta’ perċezzjoni tal-konsumatur;

2.

“operatur” tfisser kwalunkwe produttur, manifattur, importatur, fornitur ta' servizz, bejjiegħ bl-ingrossa jew bl-imnut;

3.

“impatt ambjentali” tfisser kwalunkwe bidla fl-ambjent li tirriżulta b’mod sħiħ jew parzjali minn prodott matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu;

4.

“prestazzjoni ambjentali” tfisser ir-riżultat tal-ġestjoni, min-naħa tal-manifattur, ta’ dawk il-karatteristiċi ta' prodott li jikkawżaw impatt ambjentali;

5.

“verifika” tfisser proċedura li tiċċertifika li prodott jikkonforma mal-kriterji speċifikati tal-Ekotikketta tal-UE.

Artikolu 4

Korpi kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-entità jew l-entitajiet, fil-ministeri tal-gvern jew barra minnhom, responsabbli mit-twettiq tal-kompiti pprovduti f’dan ir-Regolament (minn hawn ’il quddiem: il-“korp kompetenti” jew il-“korpi kompetenti”) u għandu jkun żgur li dawn ikunu operattivi. Fejn jinħatru aktar minn korp kompetenti wieħed, l-Istat Membru għandu jiddetermina s-setgħat rispettivi ta’ dawk l-entitajiet u r-rekwiżiti ta’ koordinazzjoni li japplikaw għalihom.

2.   Il-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti għandha tkun tali li tiggarantixxi l-indipendenza u n-newtralità tagħhom u r-regoli ta’ proċedura tagħhom għandhom ikunu tali li jiżguraw it-trasparenza fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom kif ukoll fl-involviment tal-partijiet interessati kollha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

4.   Il-korpi kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċess ta’ verifika jitwettaq b’mod konsistenti, newtrali u affidabbli minn korp li jkun indipendenti mill-operatur li qed ikun verifikat, fuq il-bażi ta’ standards u proċeduri internazzjonali, Ewropej jew nazzjonali dwar korpi li joperaw skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott.

Artikolu 5

Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea (EUEB), li jikkonsisti fir-rappreżentanti tal-korpi kompetenti tal-Istati Membri kollha, kif imsemmi fl-Artikolu 4, u ta’ partijiet interessati oħrajn. L-EUEB għandu jeleġġi l-president tiegħu skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Huwa għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u r-reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u għall-kwalunkwe reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-Ekotikketta tal-UE. Huwa għandu wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni b’parir u b’għajnuna f’dawn l-oqsma, u b’mod partikolari, għandu joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni ambjentali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun żgura li, fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, l-EUEB josserva parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti kollha li jkunu kkonċernati b’kull grupp ta’ prodotti, bħall-korpi kompetenti, produtturi, manifatturi, importaturi, fornituri ta’ servizz, bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa, notevolment SMEs, u l-gruppi tal-ħarsien ambjentali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

Artikolu 6

Rekwiżiti ġenerali għall-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE

1.   Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, b'kont meħud ta' l-aktar għanijiet strateġiċi reċenti tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent.

2.   Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti ambjentali li jrid jissodisfa prodott sabiex ikollu fuqu l-Ekotikketta tal-UE.

3.   Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu ddeterminati fuq bażi xjentifika b'kont meħud taċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-prodotti. Fid-determinazzjoni ta' dawn il-kriterji, għandhom jitqiesu dawn li ġejjin:

a)

l-aktar impatti ambjentali sinifikanti, b’mod partikolari l-impatt fuq it-tibdil fil-klima, l-impatt fuq in-natura u l-bijodiversità, il-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi, il-ġenerazzjoni tal-iskart, l-emissjonijiet lill-mezzi ambjentali kollha, it-tniġġis permezz ta’ effetti fiżiċi u l-użu u r-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi;

b)

is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' ħsara b'sustanzi li huma aktar siguri, bħala tali jew permezz tal-użu ta’ materjali jew tfassil alternattivi, kull fejn dan huwa teknikament fattibbli;

c)

il-potenzjal li jitnaqqsu l-impatti ambjentali bis-saħħa tar-resistenza u tal-użu mill-ġdid tal-prodotti;

d)

il-bilanċ ambjentali nett bejn il-benefiċċji u l-piżijiet ambjentali, inklużi aspetti ta' saħħa u sikurezza, fid-diversi stadji tal-ħajja tal-prodotti;

e)

fejn xieraq, l-aspetti soċjali u etiċi, pereżempju billi ssir referenza għall-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali relevanti bħall-istandards rilevanti tal-ILO u l-kodiċi ta' kondotta;

f)

il-kriterji stabbiliti għal tikketti ambjentali oħrajn, b'mod partikolari dawk rikonoxxuti uffiċjalment fuq livell nazzjonali jew reġjonali, tikketti ambjentali EN ISO 14024 tat-tip I, fejn dawn jeżistu għal dak il-grupp ta' prodotti biex jissaħħu s-sinerġiji;

g)

sa fejn hu possibbli, l-prinċipju ta' tnaqqis ta' testijiet fuq l-annimali.

4.   Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jinkludu r-rekwiżiti maħsuba sabiex jiżguraw li l-prodotti li jkollhom fuqhom l-Ekotikketta tal-UE jiffunzjonaw b’mod adegwat skont l-użu ppjanat tagħhom.

5.   Qabel jiġi żviluppat kriterju tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tal-ikel u tal-għalf, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel u jistipula l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sikurezza tal-ikel (10), il-Kummissjoni għandha tagħmel studju, sal-31 ta’ Diċembru 2011 l-aktar tard, li jesplora l-fattibbiltà li jkunu stabbiliti kriterji affidabbli li jkopru l-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi prodotti tas-sajd u l-akwakultura. L-istudju għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-impatt ta’ kwalunkwe Ekotikketta tal-UE fuq prodotti tal-ikel u għalf, kif ukoll prodotti agrikoki mhux proċessati, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 834/2007. L-istudju għandu jikkunsidra l-għażla li jkunu biss dawk il-prodotti ċertifikati bħala organiċi li jistgħu jkunu eliġibbli biex jirċievu l-għotja ta' Ekotikketta tal-UE, biex tkun evitata konfużjoni għall-konsumaturi.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, waqt li tqis l-eżitu tal-istudju u l-opinjoni tal-EUEB, għal liema grupp ta’ ikel u għalf, jekk ikun il-każ, huma fattibbli l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 16(2).

6.   L-Ekotikketta tal-UE ma għandhiex tingħata għal prodotti li jkun fihom sustanzi jew preparamenti/taħlitiet jistgħu ikunu kklassifikati bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent, karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (11), u lanqas ma għandha tingħata għal oġġetti li fihom sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament 1907/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (12).

7.   Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri biex tagħti derogi mill-paragrafu 6 għal kategoriji speċifiċi ta’ oġġetti li fihom sustanzi imsemmija fil-paragrafu 6, u biss fejn ma jkunx fattibbli li dawn ikunu sostituti bħala tali, jew permezz tal-użu ta' materjali jew tfassil alternattivi, jew fil-każ ta' prodotti li għandhom prestazzjoni ambjentali ġenerali ogħla sew meta mqabbla ma' prodotti oħra fl-istess kategorija. L-ebda deroga ma għandha tingħata fir-rigward ta' sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jkunu identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-Regolament, preżenti f’taħlitiet, f’artikolu jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ artikolu kumpless f’konċentrazzjonijiet akbar minn 0,1 % (piż fuq piż). Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 7

Żvilupp u reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE

1.   Wara li tikkonsulta lill-EUEB, il-Kummissjoni l-Istati Membri, il-korpi kompetenti u l-partijiet interessati l-oħra jistgħu jagħtu bidu u jmexxu l-iżvilupp jew ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE. Fejn tali partijiet interessati oħra jitqiegħdu jmexxu l-iżvilupp tal-kriterji, dawn għandhom juru esperjenza esperta fil-qasam tal-prodott, kif ukoll il-kapaċità li jmexxu l-proċess b'newtralità u f'konformità mal-għanijiet ta' dan ir-Regolament. F'dan ir-rigward, il-konsorzji li jikkonsistu f'aktar minn grupp ta' interess wieħed għandhom jiġu ppreferuti.

Il-parti li tagħti bidu u tmexxi l-iżvilupp jew ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandha, f'konformità mal-proċedura stabbilita fil-Parti A tal-Anness I, tippreżenta d-dokumenti li ġejjin:

(a)

rapport preliminari;

(b)

proposta għal abbozz ta' kriterji;

(c)

rapport tekniku b’sostenn tal- proposta għal abbozz ta' kriterji;

(d)

rapport finali;

(e)

manwal għall-utenti potenzjali tal-Ekotikketta tal-UE u għall-entitjaiet kompetenti;

(f)

manwal għall-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi.

Dawk id-dokumenti għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni u lill-EUEB.

2.   Fejn ikunu diġà ġew żviluppati kriterji taħt skema oħra ta' ekotikketta li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tikketti ambjentali EN ISO 14024 tat-tip I għal grupp ta' prodotti li għalih m'hemm stabbiliti ebda kriterju tal-Ekotikketta tal-UE, kwalunkwe Stat Membru fejn tkun rikonoxxuta l-iskema l-oħra ta' ekotikketta, jista', wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni u lill-EUEB, jipproponi dawk il-kriterji biex jiġu żviluppati taħt l-iskema tal-Ekotikketta tal-UE.

F’każijiet bħal dawn, tista’ tapplika l-proċedura mqassra għall-iżvilupp tal-kriterji stabbilita fl-Anness I, sakemm il-kriterji proposti jkunu ġew żviluppati skont il-Parti A tal-Anness I. Għandha tmexxi dik il-proċedura jew il-Kummissjoni jew l-Istat Membru li, skont l-ewwel subparagrafu, kien ippropona l-proċedura mqassra għall-iżvilupp tal-kriterji.

3.   Fejn ikun hemm il-ħtieġa ta' reviżjoni mhux sostanzjali tal-kriterji, tista’ tapplika l-proċedura ta’ reviżjoni mqassra stabbilita fil-Parti C tal-Anness I.

4.   Sa 19 ta’ Frar 2011, l-EUEB u l-Kummissjoni għandhom jaqblu dwar pjan ta’ ħidma li jinkludi strateġija u lista mhux eżawrjenti ta’ gruppi ta' prodotti. Dan il-pjan għandu jqis azzjonijiet oħra tal-Kummissjoni (pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku ekoloġiku) u jista’ jkun aġġornat skont l-aħħar objettivi strateġiċi tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent. Dan il-pjan għandu jiġi aġġornat regolarment.

Artikolu 8

Stabbiliment tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE

1.   Għandu jiġi mfassal abbozz ta’ kriterji tal-Ekotikketta tal-UE skont il-proċedura stabbilita fl-Aness I u b'kont meħud tal-pjan ta’ ħidma.

2.   Wara li tikkonsulta lill-EUEB, il-Kummissjoni għandha, mhux inqas minn disa’ xhur wara, tadotta miżuri sabiex tistabbilixxi kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta’ prodotti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fil-proposta finali tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kummenti tal-EUEB u b'mod ċar għandha tenfasizza, tiddokumenta u tagħti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wasslu għal xi tibdil fil-proposta finali tagħha meta mqabbla mal-proposta għal abbozz ta' kriterji mressqa wara l-konsultazzjoni mal-EUEB.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(2).

3.   Fil-miżuri li jissemmew fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti speċifiċi mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE (“rekwiżiti tal-valutazzjoni”);

(b)

tispeċifika, għal kull grupp ta' prodotti, it-tliet karatteristiċi ambjentali ewlenin li jistgħu jintwerew fit-tikketta fakultattiva b’kaxxa bil-kitba deskritta fl-Anness II;

(c)

tispeċifika, għal kull grupp ta' prodotti, il-perijodu rilevanti ta’ validità tal-kriterji u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni;

(d)

tispeċifika kemm il-varjabbiltà tal-prodott tista’ tinbidel matul il-perjodu ta’ validità li hemm referenza għalih fil-punt (c).

4.   Meta jiġu stabbiliti l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, wieħed għandu joqgħod attent li ma jkunux introdotti miżuri li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ timponi piżijiet amministrattivi u ekonomiċi sproporzjonati fuq l-SMEs.

Artikolu 9

Għoti tal-Ekotikketta tal-UE u termini u kondizzjonijiet tal-użu tagħha

1.   Kwalunkwe operatur li jixtieq juża l-Ekotikketta tal-UE għandu japplika lill-korpi kompetenti li jissemmew fl-Artikolu 4 skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

meta prodott joriġina fi Stat Membri wieħed, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lil korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b)

meta prodott joriġina fl-istess għamla f'diversi Stati Membri, l-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata lil korp kompetenti f'wieħed minn dawk l-Istati Membri;

(c)

meta prodott joriġina minn barra l-Komunità, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lil korp kompetenti fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li fih il-prodott ikun sejjer jitpoġġa jew ikun tqiegħed fis-suq.

2.   L-Ekotikketta tal-UE għandu jkollha l-forma murija fl-Anness II.

L-Ekotikketta tal-UE tista’ tintuża biss b’konnessjoni mal-prodotti li jkunu konformi mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE applikabbli għall-prodotti kkonċernati u li għalihom tkun ingħatat l-Ekotikketta tal-UE.

3.   L-applikazzjonijiet għandhom jispeċifikaw id-dettalji kollha ta' kuntatt tal-operatur, kif ukoll il-grupp ta' prodotti inkwistjoni u għandhom jinkludu deskrizzjoni sħiħa tal-prodott kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-korp kompetenti.

L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu d-dokumentazzjoni kollha rilevanti, kif speċifikat fil-miżura rilevanti tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kriterji għall-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti inkwistjoni.

4.   Il-korp kompetenti li tkun saritlu applikazzjoni għandu jitlob ħlasijiet skont l-Anness III. L-użu tal-Ekotikketta tal-UE għandu jkun b’kondizzjoni li l-ħlasijiet ikunu ngħataw fi żmien debitu.

5.   Fi żmien xahrejn mill-wasla ta’ applikazzjoni, il-korp kompetenti kkonċernat għandu jivverifika jekk id-dokumentazzjoni hijiex kompleta u għandu jinnotifika lill-operatur. Il-korp kompetenti għandu jiċħad l-applikazzjoni jekk l-operatur jonqos milli jikkompleta d-dokumentazzjoni fi żmien sitt xhur minn tali notifika.

Sakemm id-dokumentazzjoni tkun kompluta u l-korp kompetenti jkun ivverifika li l-prodott jikkonforma mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u mar-rekwiżiti tal-valutazzjoni ppubblikati skont l-Artikolu 8, il-korp kompetenti għandu jassenja numru ta’ reġistrazzjoni lill-prodott.

L-operaturi għandhom iħallsu l-ispejjeż tat-testijiet u tal-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE. L-operaturi jistgħu jintalbu jħallsu l-ispejjeż għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni fejn tenħtieġ verifika fuq il-post barra l-Istat Membru li fih lil-korp kompetenti hu bbażat.

6.   Fejn il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE jeħtieġu li l-faċilitajiet tal-produzzjoni sabiex jissodisfaw ċerti rekwiżiti, dawn għandhom jiġu sodisfatti fil-faċilitajiet kollha fejn il-prodott li jkollu fuqu l-Ekotikketta tal-UE jiġi ffabbrikat. Fejn meħtieġ, il-korp kompetenti għandu jagħmel verifiki fuq il-post jew jassenja aġenti awtorizzat għal dak il-għan.

7.   Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment it-testijiet akkreditati skont l-ISO 17025 u l-verifiki mwettqa minn korpi li huma akkreditati skont l-istandard EN 45011 jew standard internazzjonali ekwivalenti. Il-korpi kompetenti għandhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-proċeduri ta' valutazzjoni u verifika, partikolarment permezz tal-grupp ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 13.

8.   Il-korp kompetenti jista' jikkonkludi kuntratt ma' kull operatur, li jkopri t-termini tal-użu tal-Ekotikketta tal-UE (inklużi dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-Ekotikketta tal-UE, partikolarment wara r-reviżjoni tal-kriterji). Għal dak il-għan għandu jiġi użat kuntratt standard skont il-mudell fl-Anness IV.

9.   L-operatur jista’ jqiegħed l-Ekotikketta tal-UE fuq il-prodott biss wara konklużjoni tal-kuntratt. L-operatur għandu jqiegħed ukoll in-numru ta’ reġistrazzjoni fuq il-prodott li jkollu fuqu l-Ekotikketta tal-UE.

10.   Il-korp kompetenti li jkun ta l-Ekotikketta tal-UE lil prodott għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru komuni u taġġornah regolarment. Dak ir-reġistru għandu jkun pubblikament disponibbli f'portal tal-internet riservat għall-Ekotikketta tal-UE.

11.   L-Ekotikketta tal-UE tista’ tintuża fuq il-prodotti li għalihom tkun ingħatat l-Ekotikketta tal-UE u fuq il-materjal promozzjonali assoċjat tagħhom.

12.   L-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ambjentali jew regolatorji oħrajn tal-liġi Komunitarja jew nazzjonali applikabbli għad-diversi stadji tal-ħajja tal-prodott.

13.   Id-dritt li tintuża l-Ekotikketta tal-UE m’għandux ikun estiż għall-użu tal-Ekotikketta tal-UE bħala komponent tal-marka tal-fabbrika.

Artikolu 10

Sorveljanza tas-swieq u l-kontroll tal-użu tal-Ekotikketta tal-UE

1.   Kwalunkwe reklam jew użu ta’ kwalunkwe tikketta jew logo falz jew qarrieqi li jwassal għal konfużjoni mal-Ekotikketta tal-UE għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-korp kompetenti għandu, għal prodotti li għalihom tkun ingħatat l-Ekotikketta tal-UE jagħmel verifiki li l-prodott jikkonforma mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni ppubblikati taħt l-Artikolu 8, fuq bażi regolari. Il-korp kompetenti għandu wkoll jagħmel dawn il-verifiki meta jsir ilment, kif xieraq. Dawk il-verifiki jistgħu jieħdu l-forma ta’ kontrolli mhux sistematiċi fil-post.

Il-korp kompetenti li jkun ta l-Ekotikketta tal-UE lill-prodott għandu jinforma lill-utent tal-Ekotikketta tal-UE bi kwalunkwe lment li jkun sar dwar il-prodott li jkollu l-Ekotikketta tal-UE, u jista’ jitlob lill-utent biex jirrispondi għal dawk l-ilmenti. Il-korp kompetenti jista’ ma jiżvelax l-identità tal-persuna li tagħmel l-ilment lill-utent.

3.   L-utent tal-Ekotikketta tal-UE għandu jippermetti lill-korp kompetenti li jkun ta l-Ekotikketta tal-UE lill-prodott li jwettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jimmonitorja l-konformità kontinwa tiegħu mal-kriterji tal-grupp ta’ prodotti u mal-Artikolu 9.

4.   Fuq talba tal-korp kompetenti li jkun ta l-Ekotikketta tal-UE lill-prodott, l-utent tal-Ekotikketta tal-UE għandu jagħti aċċess għas-siti fejn issir il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

It-talba tista’ ssir fi kwalunkwe waqt raġonevoli, u mingħajr avviż bil-quddiem.

5.   Fejn, wara li jkun ta lill-utent tal-Ekotikketta tal-UE l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet, kwalunkwe korp kompetenti li jsib li prodott li jkollu fuqu l-Ekotikketta tal-UE ma jkunx konformi mal-kriterji rilevanti tal-grupp ta’ prodotti jew li l-Ekotikketta tal-UE ma tkunx qed tintuża skont l-Artikolu 9, huwa għandu jew jipprojbixxi l-użu tal-Ekotikketta tal-UE fuq dak il-prodott jew, fejn l-Ekotikketta tal-UE tkun ingħatat minn korp kompetenti ieħor, għandu jinforma lil dak il-korp kompetenti. L-utent tal-Ekotikketta tal-UE ma għandux ikollu dritt għar-rifużjoni tal-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(4), la totali u lanqas parzjali.

Il-korp kompetenti għandu mingħajr dewmien jgħarraf lill-korpi kompetenti l-oħra u lill-Kummissjoni b’dik il-projbizzjoni.

6.   Il-korp kompetenti li jkun ta l-Ekotikketta tal-UE lill-prodott ma għandux jiżvela, jew juża għall-ebda fini mhux konnessa mal-għoti għall-użu tal-Ekotikketta tal-UE, informazzjoni li jkun kiseb aċċess għaliha waqt il-valutazzjoni tal-konformità ta’ utent tal-Ekotikketta tal-UE mar-regoli dwar l-użu tal-Ekotikketta tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 9.

Huwa għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiżgura li d-dokumenti pprovduti lilu jitħarsu kontra l-falsifikazzjoni u l-miżapproprjazzjoni.

Artikolu 11

Skemi ta' ekotikkettar fl-Istati Membri

1.   Fejn il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għal grupp ta’ prodotti partikolari ġew ippubblikati, skemi oħra ta' ekotikkettar EN ISO 14024 tat-tip I li ġew rikonoxxuti uffiċjalment fuq livell nazzjonali jew reġjonali u li, fi żmien il-pubblikazzjoni, ma jkoprux dak il-grupp ta’ prodotti jistgħu jiġu estiżi għal dak il-grupp ta’ prodotti biss fejn il-kriterji żviluppati taħt dawk l-iskemi ikunu mill-inqas ugwalment stretti daqs il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE.

2.   Sabiex ikunu armonizzati l-kriterji ta' skemi ta' ekotikkettar Ewropej (EN ISO 14024 tat-tip I), il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jieħdu kont ukoll tal-kriterji eżistenti żviluppati fi skemi ta’ ekotikettar uffiċjalment rikonoxxuti fl-Istati Membri.

Artikolu 12

Promozzjoni tal-Ekotikketta tal-UE

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EUEB, għandhom jaqblu dwar pjan ta’ azzjoni speċifiku biex jippromwovu l-użu tal-Ekotikketta tal-UE:

(a)

b’azzjonijiet li jqajmu kuxjenza pubblika u b’kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni pubblika għall-konsumaturi, għall-produtturi, għall-manifatturi, għall-bejjiegħa bl-ingrossa, għall-fornituri ta’ servizzi, għax-xerrejja pubbliċi, għall-kummerċjanti, għall-bejjiegħa bl-imnut, u għall-pubbliku ġenerali,

(b)

billi jinkoraġġixxu l-użu tal-iskema, speċjalment għall-SMEs,

biex b’hekk isostnu l-iżvilupp tal-iskema.

2.   Il-promozzjoni tal-Ekotikketta tal-UE tista’ titwettaq permezz tal-websajt tal-Ekotikketta tal-UE li tipprovdi informazzjoni bażika u materjal promozzjonali dwar l-Ekotikketta tal-UE, u informazzjoni dwar fejn jistgħu jinxtraw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, fil-lingwi kollha tal-Komunità.

3.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ Manwal għall-awtoritajiet li jagħtu kuntratti pubbliċi, kif speċifikat fl-Anness I, Parti A, punt 5. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, pereżempju, it-twaqqif ta’ miri għax-xiri ta’ prodotti li stabbiliti il-kriterji speċifikati f’dak il-Manwal.

Artikolu 13

Skambju ta' informazzjoni u esperjenzi

1.   Sabiex titrawwem implimentazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, il-korpi kompetenti għandhom regolarment jiskambjaw informazzjoni u esperjenzi, b'mod partikolari dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta' ħidma ta' korpi kompetenti għal dan il-għan. Il-grupp ta' ħidma għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż tal-ivjaġġar għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni. Il-grupp ta' ħidma għandu jeleġġi l-president tiegħu u jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 14

Rapport

Sa 19 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-Ekotikketta tal-UE. Ir-rapport għandu jidentifika wkoll l-elementi għal reviżjoni possibbli tal-iskema.

Artikolu 15

Emendament tal-Annessi

Il-Kummissjoni tista’ temenda l-Annessi, inkluż li timmodifika l-ħlasijiet massimi previsiti fl-Anness III, b'kont meħud tal-ħtieġa ta’ ħlasijiet biex tkopri l-ispejjeż biex titħaddem l-iskema.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 16

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistia minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikunu żguri li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 18

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet transitorji

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 għandu jkompli japplika għall-kuntratti magħmulin taħt l-Artikolu 9 tiegħu sad-data ta’ skadenza speċifikata f’dawk il-kuntratti, ħlief għad-dispożizzjonijiet dwar ħlasijiet.

L-Artikolu 9(4) u l-Annes III ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawn il-kuntratti.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-25 ta’ Novembru 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 120, 28.5.2009, p. 56.

(2)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 50.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2009.

(4)  ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10

(6)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 13, Vol 27, p. 69).

(9)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 13, Vol 27, p. 3).

(10)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(11)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS I

PROĊEDURA GĦALL-IŻVILUPP U GĦAR-REVIŻJONI TAL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

A.   Proċedura standard

Għandhom jitħejjew id-dokumenti li ġejjin:

1.   Rapport preliminari

Ir-rapport preliminari għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

Indikazzjoni kwantitattiva tal-benefiċċji ambjentali potenzjali relatati mal-grupp ta’ prodotti, inkluża l-konsiderazzjoni tal-benefiċċji minn gruppi ta’ prodotti Ewropej u nazzjonali jew reġjonali simili bl-iskemi tal-ekotikkettar EN ISO 14024 tat-tip I;

Ir-raġunament għall-għażla u l-ambitu tal-grupp ta’ prodotti;

Il-konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni kummerċjali possibbli;

L-analiżi ta’ kriterji ta’ tikketti ambjentali oħrajn;

Il-liġijiet attwali u l-inizjattivi leġislattivi li għaddejjin relatati mas-settur tal-grupp ta’ prodotti;

L-analiżi tal-possibiltajiet ta' sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi u ta' ħsara b'sustanzi iktar sikuri bħala tali jew permezz ta’ użu ta’ materjali u tfassil alternattivi, kull fejn ikun teknikament fattibbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' sustanzi ta' tħassib qawwi ħafna kif imsemmi fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

Id-data tas-suq intra-Komunitarju għas-settur, inklużi l-volumi u l-fatturat;

Il-potenzjal attwali u futur għall-penetrazzjoni tas-swieq tal-prodotti li jkollhom l-Ekotikketta tal-UE;

Il-firxa u r-rilevanza ġenerali tal-impatti ambjentali assoċjati mal-grupp ta’ prodotti, fuq il-bażi ta’ studji ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu ta’ ħajja ġodda jew eżistenti. Tista’ tintuża anki evidenza xjentifika oħra. Il-kwistjonijiet kritiċi u kontroversjali għandhom jiġu rrapportati fid-dettall u evalwati.

Ir-referenzi tad-data u tal-informazzjoni miġbura u li ntużaw sabiex jinħareġ ir-rapport.

Ir-rapport preliminari għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni ddedikat għall-Ekotikketta tal-UE għal finijiet ta’ kummenti u ta’ referenza matul l-iżvilupp tal-kriterji.

Fejn il-kriterji se jkunu żviluppati għall-gruppi ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf, ir-rapport preliminari għandu, b’referenza għall-istudju mwettaq skont l-Artikolu 6 (5), juri li:

hemm valur miżjud ambjentali reali fl-iżvilupp tal-kriterji għal Ekotikketta tal-UE għall-prodott magħżul;

l-Ekotikketta tal-UE ħadet kont taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodott;

l-użu tal-Ekotikketta tal-UE fuq il-prodott magħżul mhux se joħloq konfużjoni meta din titqabbel ma' tikketti oħra tal-ikel.

2.   Proposta għal abbozz tal-kriterji u r-rapport tekniku assoċjat

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport preliminari, għandhom jiġu stabbiliti proposta għal abbozz ta’ kriterji u rapport tekniku b’sostenn għall-proposta.

L-abbozz tal-kriterji għandu jkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

għandu jkun ibbażat fuq l-aqwa prodotti disponibbli fis-suq Komunitarju f'termini ta' prestazzjoni ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ, u għandu jikkorrispondi, b'mod indikattiv għall-aqwa 10-20 % prodotti disponibbli fis-suq Komunitarju f'termini ta' prestazzjoni ambjentali;

sabiex tippermetti għall-flessibbiltà meħtieġa, il-perċentwali preċiża għandha tkun definita fuq il-bażi tal-każ individwali u f’kull każ bil-għan li tippromwovi l-prodotti li huma l-aktar favur l-ambjent u tiżgura li l-konsumaturi jkunu pprovduti b'għażla suffiċjenti;

għandu jieħu kont tal-bilanċ ambjentali nett bejn il-benefiċċji u l-piżijiet ambjentali, inklużi l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza; fejn meħtieġ, l-aspetti soċjali u etiċi għandhom ikunu kkunsidrati, pereżempju billi ssir referenza għall-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali relevanti bħall-istandards tal-ILO u l-kodiċi ta' kondotta;

għandu jkun ibbażat fuq l-aktar impatti ambjentali sinifikanti tal-prodott, sakemm ikun raġonevolment possibbli, ikun espress permezz ta’ indikaturi tekniċi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, u jkun adattat għal valutazzjoni skont ir-regoli ta’ dan ir-Regolament;

għandu jkun ibbażat fuq data u informazzjoni soda, li jkunu kemm jista’ jkun rappreżentattivi tas-suq Komunitarju kollu;

għandu jkun ibbażat fuq data taċ-ċiklu tal-ħajja u fuq impatti ambjentali kwantitativi, fejn ikun applikabbli, skont is-Sistemi Ewropej ta’ Referenza tad-Data taċ-Ċikli ta’ Ħajja (ELCD);

għandu jieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati kollha involvuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni;

għandu jiggarantixxi armonizzazzjoni mal-leġislazzjoni eżistenti li tapplika għall-grupp ta’ prodotti meta jitqiesu d-definizzjonijiet, il-metodi tat-testijiet u d-dokumentazzjoni teknika u amministrattiva;

għandu jieħu kont tal-linji politiċi Komunitarji rilevanti u l-ħidma li saret fuq gruppi ta’ prodotti relatati oħrajn.

Il-proposta għal abbozz tal-kriterji għandha tinkiteb b’mod li tkun faċilment aċċessibbli għal dawk li jixtiequ jużawhom. Għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għal kull kriterju u jispjega l-benefiċċji ambjentali relatati ma’ kull kriterju. Għandu jenfasizza l-kriterji li jikkorrispondu mal-karatteristiċi ambjentali prinċipali.

Ir-rapport tekniku għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

l-ispjegazzjonijiet xjentifiċi għal kull rekwiżit u kriterju;

indikazzjoni kwantitativa tal-prestazzjoni ambjentali globali li l-kriterji mistennija jiksbu fit-totalità tagħhom, meta pparagunati ma’ dak tal-prodotti medji fis-suq;

stima tal-impatti ambjentali/ekonomiċi/soċjali mistennija tal-kriterji kollha;

il-metodi rilevanti tat-testijiet għall-valutazzjoni tal-kriterji differenti;

stima tal-ispejjeż tal-ittestjar;

għal kull kriterju, informazzjoni dwar it-testijiet, ir-rapporti u d-dokumentazzjoni l-oħra kollha li għandhom ikunu ppreżentati mill-utenti meta, skont l-Artikolu 10(3), jintalbu jagħmlu dan minn korp kompetenti.

Il-proposta għal abbozz tal-kriterji u r-rapport tekniku għandhom ikunu disponibbli għal konsultazzjoni pubblika fuq is-sit web tal-Kummissjoni ddedikat għall-Ekotikketta tal-UE għal kummenti. Il-parti li tmexxi l-iżvilupp tal-grupp ta’ prodotti għandha tqassam il-proposta u r-rapport lill-partijiet interessati kollha.

Għandhom isiru, dwar l-abbozz tal-kriterji, mill-inqas żewġ laqgħat miftuħa tal-grupp ta’ ħidma, li għalihom għandhom ikunu mistiedna l-partijiet interessati kollha, bħall-korpi kompetenti, l-industrija (inklużi l-SMEs), it-trejdjunjins, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni wkoll għandha tipparteċipa f’dawk il-laqgħat.

Il-proposta għal abbozz tal-kriterji u r-rapport tekniku għandhom ikunu disponibbli mill-inqas xahar qabel l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ ħidma. Kwalunkwe proposta għal abbozz tal-kriterji sussegwenti għandha tkun disponibbli mill-inqas xahar qabel il-laqgħat sussegwenti. Ir-raġunament wara kwalunkwe bidla fil-kriterji fl-abbozzi sussegwenti għandu jiġi spjegat u ddokumentat b’mod sħiħ b’referenza għad-diskussjonijiet fil-laqgħat miftuħa tal-grupp ta’ ħidma u għall-kummenti riċevuti fil-konsultazzjoni pubblika.

Għandhom jingħataw reazzjonijiet għall-kummenti kollha riċevuti waqt il-proċess tal-iżvilupp tal-kriterji, fejn jiġi indikat jekk ġewx aċċettati jew miċħuda u r-raġuni għal dan.

3.   Rapport finali u l-abbozz tal-kriterji

Ir-rapport finali għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

Reazzjonijiet ċari għall-kummenti u għall-proposti kollha, fejn jiġi indikat jekk ġewx aċċettati jew miċħuda u r-raġuni għal dan. Il-partijiet interessati fl-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod.

Għandu jinkludi wkoll l-elementi li ġejjin:

sommarju ta’ paġna waħda tal-livell ta’ sostenn għall-abbozz tal-kriterji mill-korpi kompetenti;

lista sommarju tad-dokumenti kollha li ġew iċċirkolati matul il-ħidma ta’ żvilupp tal-kriterji, flimkien ma’ indikazzjoni tad-data taċ-ċirkolazzjoni ta’ kull dokument u tal-persuni li lilhom kull dokument ġie ċċirkolat, kif ukoll kopja tad-dokumenti in kwistjoni;

lista tal-partijiet interessati involuti fil-ħidma jew li ġew ikkonsultati jew li esprimew opinjoni, flimkien mal-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom;

sommarju eżekuttiv;

tliet karatteristiċi ambjentali ewlenin tal-grupp ta' prodotti li jistgħu jintwerew fit-tikketta fakultattiva b’kaxxa bil-kitba deskritta fl-Anness II;

proposta għal strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni għall-grupp ta’ prodotti.

Għandha titqies kwalunkwe osservazzjoni riċevuta dwar ir-rapport finali, u l-informazzjoni dwar l-azzjoni ta’ segwitu għall-kummenti għandha tiġi pprovduta meta tintalab.

4.   Manwal għall-utenti potenzjali tal-Ekotikketta tal-UE u għall-korpi kompetenti

Għandu jkun stabbilit manwal għall-utenti sabiex jgħin lill-utenti potenzjali tal-Ekotikketta tal-UE u lilil-korpi kompetenti sabiex jivvalutaw il-konformità tal-prodotti mal-kriterji.

5.   Manwal għall-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi

Għandu jkun stabbilit manwal li jipprovdi gwida għall-użu tal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE lill-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi.

Nota:Il-Kummissjoni se tipprovdi mudelli (it-templates) tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità għall-manwal għall-utenti potenzjali u għall-korpi kompetenti u għall-manwal għall-utenti għall-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi.

B.   Proċedura mqassra fejn il-kriterji ġew żviluppati minn skemi oħra ta' ekotikkettar EN ISO 14024 tat-tip I

Għandu jitressaq rapport wieħed quddiem il-Kummissjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi taqsima li turi li ġew sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi u konsultattivi stabbiliti fil-Parti A ta' dan l-Anness, flimkien ma’ proposta ta’ abbozz tal-kriterji, manwal għall-utenti potenzjali tal-Ekotikketta tal-UE u għall-korpi kompetenti, flimkien ma’ manwal għall-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi.

Jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta li r-rapport u l-kriterji jissodisfaw ir-rewkiżiti stabbiliti fil-Parti A, ir-rapport u proposta għal abbozz tal-kriterji għandhom ikunu disponibbli għal konsultazzjoni pubblika fuq is-sit web tal-Kummissjoni ddedikat għall-Ekotikketta tal-UE għal perijodu ta’ xahrejn għal kummenti.

Għandhom jingħataw reazzjonijiet għall-kummenti kollha riċevuti matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn jiġi indikat jekk kull kumment ġiex aċċettat jew miċħud u r-raġuni għal dan.

Suġġett għal kwalunkwe bidla li ssir matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika, u jekk l-ebda Stat Membru ma jitlob laqgħa miftuħa tal-grupp ta’ ħidma, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-kriterji skont l-Artikolu 8.

Fuq talba minn kwalunkwe Stat Membru, għandha tinżamm laqgħa miftuħa tal-grupp ta’ ħidma dwar l-abbozz tal-kriterji, fejn għandhom jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha, bħall-korpi kompetenti, l-industrija (inklużi l-SMEs), it-trejdjunjins, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni wkoll għandha tipparteċipa f’dik il-laqgħa.

Suġġett għal kwalunkwe bidliet li jkunu saru matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika jew matul il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-kriterjif' konformita' mal-Artikolu 8.

C.   Proċedura mqassra għal reviżjoni mhux sostanzjali tal-kriterji

Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jkun jinkludi l-elementi li ġejjin:

ġustifikazzjoni li tispjega għalfejn m’hemm ebda ħtieġa għal reviżjoni sħiħa tal-kriterji u għalfejn sempliċi aġġornament tal-kriterji u tal-livelli ta’ strettezza tagħhom hi biżżejjed;

taqsima teknika li taġġorna d-data preċedenti tas-suq użati għall-istipular tal-kriterji;

proposta għal abbozz tal-kriterji;

indikazzjoni kwantitativa tal-prestazzjoni ambjentali globali li l-kriterji mistennija jiksbu fit-totalità tagħhom, meta pparagunati ma’ dak tal-prodotti medji fis-suq;

manwal rivedut għall-utenti potenzjali tal-Ekotikketta tal-UE u għall-entitjaiet kompetenti; kif ukoll

manwal rivedut għall-awtoritajiet li jagħtu l-kuntratti pubbliċi.

Ir-rapport tekniku u l-proposta għal abbozz tal-kriterji għandhom ikunu disponibbli għal konsultazzjoni pubblika fuq is-sit web tal-Kummissjoni ddedikat għall-Ekotikketta tal-UE għal kummenti.

Għandhom jingħataw reazzjonijiet għall-kummenti kollha riċevuti matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn jiġi indikat jekk kull kumment ġiex aċċettat jew miċħud u r-raġuni għal dan.

Suġġett għal kwalunkwe bidla magħmula waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, u jekk l-ebda Stat Membru ma jitlob laqgħa miftuħa tal-grupp ta’ ħidma, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-kriterji skont it-termini tal-Artikolu 8.

Fuq talba minn kwalunkwe Stat Membru, għandha tinżamm laqgħa miftuħa tal-grupp ta’ ħidma dwar l-abbozz tal-kriterji, fejn għandhom jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha, bħall-korpi kompetenti, l-industrija (inklużi l-SMEs), it-trejdjunjins, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni wkoll għandha tipparteċipa f’dik il-laqgħa.

Suġġett għal kwalunkwe bidla li tkun saret matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika jew matul il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-kriterji b'mod konformi mal-Artikolu 8.


ANNESS II

FORMA TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

L-Ekotikketta tal-UE għandu jkollha l-forma li ġejja:

Tikketta:

Image

Tikketta fakultattiva b’kaxxa bil-kitba (Il-possibbiltà għall-operatur li juża din il-kaxxa bil-kitba fiha u t-test użat għandu jkun dak speċifikat fil-kriterji rilevanti tal-grupp ta' prodotti):

Image

In-numru ta’ reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE għandu jidher ukoll fuq il-prodott. Għandu jkollu l-forma li ġejja:

Image

Fejn xxxx tirreferi għall-pajjiż ta’ reġistrazzjoni, yyy tirreferi għall-grupp ta' prodotti u zzzzz tirreferi għan-numru mogħti mill-korp kompetenti.

It-tikketta, t-test fakultattiv b’kaxxa bil-kitba u n-numru ta' reġistrazzjoni għandhom jiġu stampati jew b’żewġ kuluri (Pantone 347 aħdar għall-weraq u z-zokk tal-fjura, is-simbolu “Є”, l-indirizz web u l-akronimu tal-UE u l-Pantone 279 għall-elementi l-oħra, it-test u l-burdura), jew bl-iswed fuq l-abjad, jew bl-abjad fuq l-iswed.


ANNESS III

ĦLASIJIET

1.   Ħlas tal-applikazzjoni

Il-korp kompetenti li tkun saritlu applikazzjoni għandu jitlob ħlas skont l-ispejjeż amministrattivi reali tal-ipproċessar tal-applikazzjoni. Dan il-ħlas ma għandhux ikun anqas minn EUR 200 u mhux ogħla minn massimu ta' EUR 1 200.

Fil-każ ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (1) u operaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ħlas massimu ta' applikazzjoni ta' hawn fuq m'għandux ikun ogħla minn EUR 600.

Fil-każ ta' mikro-impriżi l-ħlas massimu għandu jkun ta' EUR 350 (1).

Il-ħlas tal-applikazzjoni għandu jitnaqqas b’20 % għal applikanti li jkunu reġistrati taħt l-Iskema ta' mmaniġjar u verifika tal-ambjent (EMAS) u/jew iċċertifikati taħt l-ISO 14001. Dan it-tnaqqis huwa suġġett għall-kondizzjoni li l-applikant espliċitament jikkometti ruħu fil-politika ambjentali tiegħu, li jiżgura li l-prodotti tiegħu ttikkettati ekoloġikament jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE fil-perijodu kollu tal-validita tal-kuntratt u li dan l-irbit jiġi inkorporat kif jixraq fl-għanijiet ddettaljati ambjentali. L-applikanti ċċertifikati b'ISO 14001 għandhom ta' kull sena jagħtu xhieda tal-implimentazzjoni ta' din ir-rabta. Dawk l-applikanti b'reġistrazzjoni tal-EMAS għandhom ta' kull sena jibagħtu l-kopja vverifikata tad-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom.

2.   Ħlas annwali

Il-korp kompetenti jista’ jitlob lil kull applicant li ġie mogħti Ekotikketta tal-UE li jħallas tariffa annwali sa EUR 1 500 għall-użu tat-tikketta.

Fil-każ ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju u operaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-ħlas massimu annwali m'għandux ikun ogħla minn EUR 750.

Fil-każ ta' mikro-impriżi l-ħlas massimu annwali għandu jkun ta' EUR 350.

Il-perijodu kopert mill-ħlas annwali għandu jibda mid-data tal-għotja tal-Ekotikketta tal-UE lill-applikant.


(1)  SMEs u mikro-impriżi kif definiti mir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


ANNESS IV

KUNTRATT STANDARD LI JKOPRI T-TERMINI TAL-UŻU TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

PREAMBOLU

Il-korp kompetenti … (titolu sħiħ) minn hawn ‘il quddiem “il-korp kompetenti”,

reġistrat fi … (indirizz sħiħ), li għall-iskop tal-firma ta' dan il-kuntratt hu rappreżentat minn … (isem tal-persuna responsabbli), … (isem sħiħ tad-detentur), fil-kapaċità tiegħu bħala produttur, manifattur, importatur, fornitur ta’ servizz, bejjiegħ bl-ingrossa jew bl-imnut li l-indirizz uffiċjali reġistrat tiegħu hu … (indirizz sħiħ), minn hawn ‘il quddiem “detentur”, rappreżentat minn … (isem tal-persuna responsabbli), li ftiehem dan li ġej fir-rigward tal-użu tal-Ekotikketta tal-UE, skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 25 ta’ Novembru 2009 dwar Skema tal-Ekotikketta tal-UE (1), minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE”:

1.   UŻU TAL-EKOTIKETTA TAL-UE

1.1.   Il-korp kompetenti jagħti lid-detentur id-dritt li juża l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tiegħu kif deskritt fl-ispeċifikazzjonijiet annessi tal-prodotti, li jikkonformaw mal-kriterji tal-grupp ta’ prodotti fis-seħħ għal dan il-perijodu …, adottat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fi … (data), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ … (referenza sħiħa), u annessa ma’ dan il-kuntratt.

1.2.   L-Ekotikketta tal-UE għandha tintuża biss fil-forom stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE.

1.3.   Id-detentur għandu jiżgura li l-prodott li se jingħata t-tikketta jikkonforma tul iż-żmien ta’ dan il-kuntratt mat-termini kollha użati u mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE, f’kull żmien. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda applikazzjoni ġdida għal modifiki fil-karatteristiċi tal-prodotti li ma jaffetwawx il-konformità mal-kriterji. Id-detentur għandu, madankollu, jinforma lill-korp kompetenti dwar dawn il-modifiki b’ittra reġistrata. Il-korp kompetenti jista’ jwettaq verifiki adegwati.

1.4.   Il-kuntratt jista' jkun estiż għal firxa usa’ ta’ prodotti minn dawk previsti fil-bidu, suġġett għal qbil mill-korp kompetenti, u suġġett għall-kondizzjoni li dawn jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ prodotti u li wkoll jikkonformaw mal-kriterji tiegħu. Il-korp kompetenti jista’ jivverifika li qed jintlaħqu dawn il-kondizzjonijiet. L-Anness li jagħti d-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom ikunu modifikati skont il-każ.

1.5.   Id-detentur m’għandux jirriklama jew jagħmel xi stqarrija jew juża kwalunkwe tikketta jew logo b’mod falz jew li jiżgwida jew li jirriżulta f’konfużjoni jew iqiegħed f’dubju l-integrità tal-Ekotikketta tal-UE.

1.6.   Id-detentur għandu jkun responsabbli skont dan il-kuntratt għall-mod li bih tkun użata l-ekotikketta fir-rigward tal-prodott tiegħu, speċjalment fil-kuntest tar-riklamar.

1.7.   Il-korp kompetenti, inklużi l-aġenti tiegħu awtorizzati għal dan il-għan, jistgħu jagħmlu kull investigazzjoni meħtieġa biex jimmonitorjaw il-konformità kontinwa min-naħa tal-utent mal-kriterji tal-grupp ta’ prodotti u mat-termini tal-użu u mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt konformement mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE.

2.   SOSPENSJONI U RTIRAR

2.1.   Fejn id-detentur isir konxju li hu naqas milli jilħaq it-termini tal-użu jew id-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 1 ta’ dan il-kuntratt, id-detentur għandu jinnotifika lill-korp kompetenti u jevita li juża l-Ekotikketta tal-UE sakemm dawk it-termini tal-użu jew id-dispożizzjonijiet ikunu ġew issodisfati u l-korp kompetenti jkun innotifikat b’dan.

2.2.   Fejn il-korp kompetenti jqis li d-detentur ikun kiser xi termini tal-użu jew dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, il-korp kompetenti għandu jkun intitolat li jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tiegħu biex id-detentur juża l-Ekotikketta tal-UE, u li jieħu dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jevita li d-detentur jibqa’ jużaha aktar, inklużi dawk il-miżuri li huma pprovduti fl-Artikoli 10 u 17 tar-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE.

3.   LIMITAZZJONI TA’ RESPONSABBILTÀ U GARANZIJA

3.1.   Id-detentur m’għandux jinkludi l-Ekotikketta tal-UE bħala parti minn xi garanzija fir-rigward tal-prodott imsemmi fl-Artikolu 1.1 ta’ dan il-kuntratt.

3.2.   Il-korp kompetenti, inkluż l-aġenti awtorizzati tiegħu, m’għandhomx ikunu miżmuma responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li ssir lid-detentur b’riżultat tal-għoti u/jew l-użu tal-Ekotikketta tal-UE.

3.3.   Il-korp kompetenti, inkluż l-aġenti awtorizzati tiegħu, m’għandhomx ikunu miżmuma responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li ssir lil terzi persuni b’riżultat tal-għoti u/jew l-użu tal-Ekotikketta tal-UE, inkluż ir-reklamar.

3.4.   Id-detentur għandu jħallas kull telf, dannu u jneħħi kull responsabbiltà fil-konfront tal-korp kompetenti u tal-aġenti awtorizzati tiegħu, bħala riżultat ta’ ksur ta’ dan il-kuntratt mid-detentur jew minħabba li l-korp kompetenti serraħ fuq informazzjoni jew dokumentazzjoni pprovduta mid-detentur, inklużi kull talba li tista' ssir minn terzi persuni.

4.   ĦLASIJIET

4.1.   L-ammont tal-ħlas ta’ applikazzjoni u l-ħlas annwali għandu jkun definit skont l-Anness III tar-Regolament tal-Ekotikketta tal-UE.

4.2.   L-użu tal-Ekotikketta tal-UE huwa suġġett għall-kondizzjoni li jitħallsu l-ħlasijiet kollha relevanti fil-ħin.

5.   IL-PERIJODU TAL-KUNTRATT U L-LIĠI APPLIKABBLI

5.1.   Minbarra kif previst fl-Artikolu 5.2,5.3 u 5.4, dan il-kuntratt għandu jkun validu mid-data li fiha jkun iffirmat sa (…) jew sa meta jiskadu l-kriterji tal-grupp ta’ prodotti, liema data tiġi l-ewwel.

5.2.   Fejn id-detentur ikun kiser xi termini tal-użu jew dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 2.2k, il-korp kompetenti għandu jkun intitolat li jittratta dan bħala ksur tal-kuntratt u għalhekk il-korp kompetenti jkollu d-dritt, minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.2, li jtemm il-kuntratt, b'ittra reġistrata lid-detentur, qabel id-data mogħtija fl-Artikolu 5.1, fi żmien (perijodu ta' żmien li għandu jkun determinat mill-korp kompetenti).

5.3.   Id-detentur jista’ jtemm il-kuntratt billi jibgħat avviż lill-korp kompetenti permezz ta’ ittra reġistrata tliet xhur qabel.

5.4.   Jekk il-kriterji tal-grupp ta’ prodotti kif stipulati fl-Artikolu 1.1 jkunu estiżi mingħajr emendi għal kwalunkwe perijodu, u jekk ma jkunx ingħata ebda avviż ta’ tmiem mill-korp kompetenti tliet xhur qabel l-iskadenza tal-kriterji tal-grupp ta’ prodotti u ta’ dan il-kuntratt, il-korp kompetenti għandu jinforma lid-detentur, għall-inqas tliet xhur qabel li l-kuntratt se jkun awtomatikament imġedded sakemm il-kriterji tal-grupp ta’ prodotti jibqgħu fis-seħħ.

5.5.   Wara t-tmiem ta’ dan il-kuntratt id-detentur ma jistax juża’ l-Ekotikketta tal-UE fir-rigward tal-prodott speċifikat fl-Artikolu 1.1 u fl-Anness għal dan il-kuntratt, kemm għal skopijiet ta’ tikkettar jew ta’ reklamar. L-Ekotikketta tal-UE tista’, madankollu, għal perijodu ta’ sitt xhur wara t-tmiem, tkun imqiegħda fuq l-istokk li jkollu d-detentur jew oħrajn u mmanifatturat qabel it-tmiem. Din l-aħħar dispożizzjoni m’għandhiex tapplika jekk il-kuntratt ikun ġie terminat għal raġunijiet stipulati fl-Artikolu 5.2.

5.6.   Kwalunkwe kwistjoni bejn il-korp kompetenti u d-detentur jew kwalunkwe talba minn xi parti kontra l-oħra li tkun ibbażata fuq dan il-kuntratt u li ma tkunx ġiet solvuta minn ftehima amikevoli bejn il-partijiet kontraenti, għandha tkun suġġetta għal-liġi applikabbli determinata konformement mar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (2) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi li mhumiex kuntrattwali (Ruma II (3)).

L-Annessi li ġejjin għandhom jiffurmaw parti minn dan il-kuntratt:

kopja tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 25 ta’ Novembru 2009 dwar l-Ekotikketta tal-UE, fil-lingwi Komunitarji relevanti),

l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, li għallinqas għandhom jinkludi dettalji tal-ismijiet, u/jew tan-numri ta’ referenza interna tal-manifattur, is-siti tal-manifattura, u n-numru jew numri relatati tar-reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE,

kopja tad-Deċiżjoni… tal-Kummissjoni … (dwar il-kriterji tal-grupp ta’ prodotti).

Magħmul fi … data …

(Korp kompetenti)

Persuna maħtura …

(Firma li tkun torbot legalment)

(Detentur)

Persuna maħtura …

(Firma li tkun torbot legalment)


(1)  ĠU L 27, 31.1.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(3)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.


ANNESS V

REKWIŻITI RELATTIVI GĦAL KORPI KOMPETENTI

1.   Korp kompetenti għandu jkun indipendenti mill-organizzazzjoni jew il-prodott li qed jevalwa.

Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, manifattura, provvista, muntaġġ, użu jew manutenzjoni ta’ prodotti li huwa jivvaluta, jista', bil-kondizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta' kull konflitt ta' interess jiġu murija, jiġi nominat bħala korp kompetenti.

2.   Il-korp kompetenti, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni ta' konformità m'għandhomx ikunu d-disinjaturi, il-manifatturi, il-fornituri, l-installaturi, ix-xerrejja, is-sidien, l-utenti jew dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-prodotti li huma jevalwaw, u l-anqas għandhom ikunu r-rappreżentanti awtorizzati ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-prodotti valutati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp kompetenti jew l-użu ta’ dawn il-prodotti għal finijiet personali.

Il-korp kompetenti, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni ta' konformità m’għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, manifattura jew kostruzzjoni, kummerċjalizzazzjoni, installazzjoni, użu jew manutenzjoni ta’ dawk il-prodotti, l-anqas m’għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet li jwettqu dawk l-attivitajiet. M'għandux ikollhom sehem fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju u l-integrità tagħhom marbuta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu nominati. Dan għandu japplika partikolarment għas-servizzi ta' konsulenza.

Il-korpi kompetenti għandhom jassiguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew subappaltaturi tagħhom ma jippreġudikawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħhom ta' valutazzjoni ta' konformità.

3.   Il-korpi kompetenti u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' valutazzjoni ta' konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku li jkun u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċitament, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' valutazzjoni ta' konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

4.   Il-korp kompetenti għandu jkollu l-kapacità li jwettaq il-kompiti kollha tal-istima tal-konformità assenjati lilu b'dan ir-Regolament, sewwa jekk dawn il-kompiti jitwettqu mill-korp innifsu u sewwa jekk f'ismu jew fuq ir-responsabbiltà tiegħu.

F'kull żmien u għal kull proċedura ta' valutazzjoni ta' konformità u għal kull tip jew kategorija ta' prodotti li fir-rigward tagħhom ikun nominat, il-korp kompetenti għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi meħtieġa li ġejjin:

(a)

it-tagħrif tekniku u l-esperjenza suffiċjenti u xierqa biex jagħmel ix-xogħlijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet ta' proċeduri li konformement magħhom titwettaq l-evalwazzjoni tal-konformità, waqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kapaċità ta' riproduzzjoni ta' dawk il-proċeduri. Hu għandu jkollu stabbiliti l-linji politiċi u l-proċeduri xierqa li jiddistingwu bejn ħidmiet li jwettaq bħala korp nominat u attivitajiet oħra;

(c)

proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih jopera, l-istruttura tiegħu, il-grad ta' kumplessità tat-teknoloġija tal-prodott konċernat u n-natura ta’ massa jew ta’ serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

Għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex jagħmel ix-xogħlijiet tekniċi u amministrattivi konnessi mal-attivitajiet ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità b’mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet meħtieġa.

5.   Il-persunal responsabbli biex iwettaq l-attivitajiet ta' valutazzjoni ta' konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)

tagħrif xieraq li jkopri l-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità li fir-rigward tagħhom il-korp kompetenti jkun nominat;

(b)

il-kapaċità meħtieġa biex jifformula ċ-ċertifikati, reġistrazzjonijiet u rapporti biex juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

6.   Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korp kompetenti, l-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u tal-persunal ta' valutazzjoni tiegħu.

Ir-rimunerazzjoni tal-ogħla livell ta’ ġestjoni u tal-persunal tal-korp kompetenti ma għandhiex tiddipendi min-numru ta’ valutazzjonijiet li jkunu saru jew mir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

7.   Il-korpi kompetenti għandhom jipparteċipaw fi, jew jassiguraw li l-persunal tagħhom ta’ valutazzjoni jkun mgħarraf dwar, l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ ħidma tal-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament u japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta’ dak il-grupp.


Top